Ġwanni Pawlu II waqt ordinazzjoni saċerdotali

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA B’ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju 1982

1. “Il-ħdax-il dixxiplu marru fil-Galilea fuq il-muntanja li Ġesù kien ordnalhom” (Mt 28,16).

U intom ukoll tiġu f’dan il-post bir-rieda ta’ Kristu. Bis-sejħa tiegħu. Bl-għamar intern li lqajtu bħala rieda tiegħu, waqt li mmaturajtu, tul il-korsa tas-snin, fil-fehim tiegħu. Tiġu mela wkoll bl-għażla ħielsa tagħkom.

Ejjew f’dan il-post, li fih għandkom tirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali.

Naqraw li, meta d-dixxipli raw lil Ġesù, inxteħtu minn tulhom quddiemu (cf. Mt 28,17).

Intom ukoll, f’dan il-post, se tinxteħtu minn tulkom quddiem Alla. Minn hawn u ftit ieħor l-Assemblea kollha se tkanta l-Litanija tal-qaddisin, intom tinxteħtu minn tulkom, waqt li taduraw il-Majjestà inviżibbli ta’ Alla li jimla dan il-post sagru u dan il-waqt qaddis.

Naqraw fl-aħħarnett, rigward id-dixxipli, li xi wħud minnhom iddubitaw (cf. Mt 28,17).

Mhu leċitu għal ħadd minnkom, f’dan il-waqt, li tiddubitaw. Hemm bżonn li jkollkom iċ-ċertezza: iċ-ċertezza kollha morali li tagħha intom kapaċi.

2. Qegħdin tirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali fil-Ħadd tat-Trinità Qaddisa.

Lil dawk il-ħdax-il dixxiplu li marru (skont il-Vanġelu ta’ Mattew) fuq il-muntanja, fil-Galilea, Kristu qalilhom dan il-kliem: “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lin-nazzjonijiet kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jien ordnajtilkom. Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt 28,18-20).

Ejjew biex tassumu mill-poter ta’ Kristu, poter li ngħata lilu Uniku, fis-sema u fl-art, il-porzjon destinat għalikom. Il-porzjon tagħkom huwa parteċipazzjoni.

Il-Poplu ta’ Alla kollu tal-patt il-ġdid jikkostitwixxi ruħu permezz tas-sehem fil-qawwa feddejja ta’ Kristu, f’dan il-poter, li bis-saħħa tiegħu titwettaq is-salvazzjoni tiegħu u tal-umanità.

F’dan il-poter ta’ Kristu, Saċerdot, Profeta u Sultan, hemm bżonn tieħdu sehem b’mod partikolari lkoll, intom li intom imsejħin biex teżerċitaw fil-Poplu ta’ Alla s-saċerdozju ministerjali (u fl-istess ħin ġerarkiku).

Bil-qawwa ta’ dan il-poter jiġi mlaqqà, b’mod partikolari, il-Poplu ta’ Alla tal-patt il-ġdid, imlaqqà f’dik l-għaqda li hu jqabbel mal-Għaqda ta’ Alla: Missier, Iben u Spirtu Santu.

Qegħdin tirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali fil-jum li l-Knisja tikkonsagra għaċ-ċelebrazzjoni sollenni ta’ tali Għaqda.

3. Hekk hu, tinsabu hawn b’ħarsitkom fissa fuq il-prospettiva tal-waqt li għandu jirrendi lesta l-istennija tagħkom. Għandu jikkonferma b’leħen il-Knisja u permezz tas-servizz tal-Isqof il-vokazzjoni tagħkom. Għandu jikkonsenja lil idejkom żgħażagħ u jafda għall-għassa ta’ qlubkom l-Ewkaristija Mqaddsa, li fiha, bħalma nnota l-Konċilju Vatikan II, “hemm miġbur il-ġid kollu spiritwali tal-Knisja” (Presbyterorum Ordinis, 5).

Donnu li lilkom b’mod partikolari kien indirizza il-kliem tas-Salm responsorjali:
“Għajn il-Mulej tgħasses fuq dawk li jibżgħu minnu, / fuq min jittama fil-grazzja tiegħu” (Sal 32 [33],18).

Huwa hekk, għeżież ħbieb! Ma jistax ikun mod ieħor. Ma jistax jitwettaq dak li għandna f’dan il-waqt xi mwettqu, jekk mhux “taħt għajnejn “Alla l-Ħaj – jekk mhux għas-sovrabbondanza tal-Grazzja tiegħu.

Il-mistoqsijiet kollha li tagħmel il-Knisja – u dawk li tagħmlu intom – jirriduċu ruħhom fl-aħħar minn l-aħħar għal din l-ewlenija: għall-mistoqsija dwar il-fedeltà lejn il-Grazzja fit-triq li qbadtu llum u fuq liema għandkom tkomplu timxu.

Kont fidil għall-Grazzja ta’ Kristu, għal-leħen tal-Mulej, ta’ qalbi u tal-kuxjenza tiegħi?

Kont u nixtieq dejjem inkun fidil – ikun xi jkun – għal-leħen tal-Ispirtu Santu, u għad-dawl u l-qawwa tiegħu?

“Ruħna tistenna lill-Mulej, / huwa l-għajnuna u t-tarka tagħna… / Mulej ħa tkun fuqna l-grazzja tiegħek, / għaliex fik nittamaw” (Sal 32 [33],20.22).

Iva, għeżież ħbieb! Għal dan titlob flimkien magħkom il-Knisja kollha: O Mulej tkun fuqhom il-grazzja tiegħek!

4. Hekk magħqudin fil-grazzja tal-Mulej – hekk u hekk biss – nissogra nsejħilkom biex tagħtu lil kull wieħed minnkom is-sagrament jiġifieri is-“sinjal” u l-karattru tas-saċerdozju ministerjali” lill-Knisja ta’ Kristu.

Imexxikom l-Ispirtu ta’ Alla! Isostnikom bix-xhieda tal-ispirtu tagħkom, għaliex irċivejtu l-Ispirtu ta’ wlied addottivi, li fih tistgħu tgħajtu: “Abba, Missier”, u tistgħu tgħallmu lill-oħrajn din l-għajta.

Iżomm mela l-Ispirtu Santu, bid-dawl tiegħu l-ispirtu tagħkom, intom “werrieta ta’ Alla, ko-werrieta ta’ Kristu” (Rm 8,17): hekk li titqawwa fikom u testendi ruħha għall-oħrajn din l-eredità ikbar li hija mogħtija lill-bniedem, flimkien miegħu! “jekk tassew nieħdu sehem fit-tbatijiet tiegħu, biex nieħdu sehem ukoll fil-glorja tiegħu” (Rm 8,17).

Dejjem flimkien miegħu!

Tul ħajjitna kollha, sal-aħħar nifs. F’dan il-waqt sollenni nirrakkomanda lil kull wieħed minnkom ukoll lil Ommu, sabiex ħajjitkom kollha tkun tistà tirrejalizza u twettaq f’għaqda ma’ Kristu: flimkien miegħu!

Għall-glorja tat-Trinità qaddisa. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: