Il-bieqja mxaqqa

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mara raħlija kien ikollha tmur kuljum fi xmara viċin biex timla l-ilma għall-għelieqi tagħha.  Għal dan il-għan kienet tuża żewġ biqjiet, u biex iġġorrhom kienet torbothom b’ħabel fuq iż-żewġ naħat ta’ madmad.

Bieqja waħda kienet imxaqqa u għalhekk kien iqattar l-ilma minnha matul it-triq.  Fil-waqt li l-bieqja l-oħra twassal l-ilma kollu sal-għelieqi, din l-imxaqqa kienet twassal biss nofsu.  Xorta waħda din il-mara kompliet tuża iż-żewġ biqjiet kif kienu.

Darba waħda, il-bieqja mxaqqa ma felħitx aktar u qalet lill-mara: “Tgħidx kemm qed ninkwieta u nħossni mdejqa.  Għax fil-waqt li l-bieqja l-oħra tasal sal-għelieqi mimlija sax-xfar,  jien, imħabba x-xquq inwassallek nofs l-ilma.  Li ma nistax nifhem hu kif tkompli tużani meta faċilment tista’ ssib bieqja oħra aħjar  minni.”  Qabżet il-mara u qaltilha: “Mela għadek ma ndunajtx?  Fil-mogħdija li ngħaddi minnha kuljum, in-naħa tiegħek nibtu ħafna fjuri matul it-triq kollha.  Dan għaliex jien żrajt iż-żerriegħa ta’ dawn il-fjuri, għax kont naf li kuljum int se ssaqqihomli u ma jkollix bżonn noqgħod insaqqihom jien.   Dawk il-fjuri se jsebbħu d-dar u jferrħu l-familja tiegħi.  Iż-żejda nista’ nbiegħhom ukoll meta mmur is-suq bil-prodotti tal-art l-oħra.  Le, le tinkwieta xejn, għax l-ilma li qed joħroġ mix-xquq tiegħek mhux qed jinħela.”  

Min m’għandux xi xquq f’ħajtu? Mhux kull wieħed minna għandu d-difetti, n-nuqqasijiet u d-dnubiet tiegħu? Imbagħad Alla jaf jaqbad il-ħażen tagħna u jbiddlu f’ġid.  Hekk kien għamel ma’ Gużeppi bin Ġakobb.  Żgur li Alla ma ħax pjaċir meta ħutu għeru għalih u bigħuh lil xi merkanti li kienu sejrin l-Eġittu.  Għalhekk Alla ra t-tbatija ta’ Ġużeppi u għenu billi tah is-setgħa biex ifisser il-ħolm tal-Farawni. Dan kien ifisser li kienu ġejjin fuq dawk l-inħawi seba’ snin ta’ għaks wara seba’ snin ta’ ġid. Għalhekk, il-Farawni ħatar lil Ġużeppi prinċep tal-Eġittu sabiex fi żmien il-ġid jaħżen kemm jiflaħ il-prodotti tal-art. B’hekk, meta jasal żmien il-għaks, l-Egizzjani ma jmutux bil-ġuħ.  Ġara wkoll li l-għaks xtered sal-Art Imwiegħda. Għalhekk Ġakobb bagħat xi wħud minn uliedu jixtru l-ikel mill-Eġittu.  Kif waslu, ħaduhom quddiem il-Prinċep Safnat Panija, l-isem mogħti lil Ġużeppi mill-Farawni. Hu għarafhom imma huma m’għarfuhx. Kif qallhom min hu, niżlu għarkupptejhom jitolbuh maħfra.  Iżda hu qalilhom, “Għamlu kuraġġ.  Ara Alla biddel il-ħażen tagħkom f’ġid.  Jien għandi l-ġid tal-Eġittu kollu f’idi.  Morru għidu ‘l-missieri biex jiġi hawn u jġib miegħu ‘l-ħuti kollha, żwieġhom u uliedhom. Jien se nagħtikom fejn toqogħdu u kulma għandkom bżonn biex tgħixu fil-paċi.

Hekk jaf jagħmel il-Ħanin Alla magħna, meta jerfagħna mit-tbatija u l-jasar li nkunu fih, u jroddilna l-paċi tal-qalb.

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: