Tabib tal-futbol biex jikkura lill-Papa

Print Friendly, PDF & Email

F’dawn l-aħħar xhur drajna naraw lill-Papa Franġisku, issa fl-età ta’ 85 sena, juża s-siġġu tar-roti u jimxi bil-bastun minħabba l-problema li għandu fi rkopptu.

Il-Vatikan sejjaħ lit-tabib tat-tim tal-futbol Spanjol ta’ Atlético de Madrid biex jara kif jista’ jnaqqas il-proċess tal-kundizzjoni li qed tikkawżalu l-uġieħ li jtellfu mill-moviment tiegħu. It-tabib, José María Villalón, li hu magħruf għall-kura ta’ atleti li jweġġgħu fl-isports, ilu mill-1995 jieħu ħsieb il-plejers tal-klabb ta’ Atlético de Madrid.

Villalón qal li l-kompitu li ngħata hu li “itejjeb il-mobilità li tant jeħtieġ il-Papa u jwaqqaf il-proċess tal-artritis, imma mingħajr ma ssir operazzjoni kirurġika. Iddeskriva lil Papa Franġisku bħala pazjent tajjeb imma mhux lakemm jaqbel ma’ dak li jgħidulu. Dan minħabba li ħsiebu fil-ħidma kontinwa tiegħu bħala Papa.

Dwar dan l-inkarigu prestiġjuż, it-tabib Villalón kellu intervista fuq ir-radju tal-Konferenza Episkopali Spanjola, Cope. Semma li ħassu xi ftit nervuż fl-ewwel laqgħa li kellu mal-Papa tant kemm xtaq li l-kundizzjoni tal-Papa tmur għall-aħjar. Il-Papa għamilhielu ċara li ma xtaqx operazzjoni wara li diġà kien operat għall-kolon f’Lulju tal-2021. Minħabba f’hekk, it-tabib Villalón ikollu jaħdem fuq trattamenti aktar konservattivi fil-każ tal-Papa.

Villalón qal li Franġisku m’huwiex pazjent ordinarju u l-kura għalih hi aktar ta’ sfida minhabba l-intinerarju mimli tiegħu. “Imma jien ottimista”, qal Villalón, “nista’ ngħin lill-Papa biex ma jkunx daqshekk muġugħ.”

Kmieni f’Lulju ta’ din is-sena l-Papa Franġisku kien ħassar il-vjaġġ għas-Sud Sudan minħabba dan l-uġigħ f’irkoptu. Ivvjaġġa lejn il-Kanada iktar tard fl-istess xahar meta rajnieh juża s-siġġu tar-roti. Il-Papa kien qal li mhux jibqa’ jivvjaġġa bħal ma kien qed jagħmel qabel, minħabba li kien żdiedlu l-uġigħ. U fil-vjaġġ lejn il-Bahrain ma setax jagħmel id-dawra tas-soltu biex jitkellem mal-ġurnalista fit-titjira minn Ruma.

Rapport minn Joe Galea

%d bloggers like this: