Meta kont tifel żgħir, ma kellniex television, kompjuter u mobile. Kulma kellna kien ir-Rediffusion. Għalhekk, tgħidx kemm konna nieħdu gost meta n-nanna kienet tiġborna, aħna t-tfal żgħar, u tirrakkuntalna xi ħrafa. Ma nafx kinitx tivvintahom hi, jew kinitx semgħethom xi darba, aktarx minn għand ommha. Kienet taf tirreċta, u kultant ittawwal l-aħħar sillaba biex tinstama’ misterjuża. Niftakar li darba, qrib il-Milied, kienet qaltilna l-leġġenda tal-volpi fil-maxtura:
Mela darba, żmien twil ilu, f’pajjiż ‘il bogħod jismu Bibsiberja Butnibej, in-nies kienu jgħinu lill-kappillan biex, kif ikun qed joqrob il-Milied, jarmaw il-presepju fuq iz-zuntier. Il-pasturi kienu kbar tant li mill-bogħod kont tistħajjilhom ħajjin. In fatti, għandkom tkunu tafu li dan il-presepju kien maġiku, u fil-lejl tal-Milied, wara li kulħadd kien ikun mar id-dar u raqad, il-pasturi kollha ta’ dan il-presepju kienu jieħdu l-ħajja. Bil-mod il-mod, kienu jersqu xi annimali biex joffru xi rigal ċkejken lil Ġesu Bambin. Sena minnhom resaq ukoll volpi. Hekk kif in-nagħġa lemħitu bdiet tirtogħod u qabdet twerżaq: “X’inti tagħmel hawn? Aħna qegħdin hawn biex nindukraw lil din it-tarbija.” “U nħobbuha”, qabżet il-baqra. “U niddefenduha, jekk jinqala’ l-bżonn,” kompla l-ħmar. U l-volpi wieġeb, “Jien ukoll ġejt nagħti rigal lil Ġesu.” “Int? Int għadu tal-bniedem” qalet in-nagħġa. “Il-bnedmin għedewwa tiegħi,” qabeż u qal il-volpi, “imma llum irrid inkun ħabib almenu ta’ bniedem wieħed.” “U int, bħalek x’tista’ tagħtih?” qabżet in-nagħġa. “Ara jien, tajtu ftit mis-suf tiegħi ħalli ma jħossx bard.” “U jien,” qabeż il-ħmar, “għabbejt lil Marija minn Nazzaret sa Betlem, biex hawn setgħet twelled lil Ġesu.” “U jien,” qabżet tgħid il-baqra, “sliftu l-maxtura.” Xi annimali oħra wkoll qalu tagħhom. Hawn il-volpi bi qtigħ ta’ qalb qal, “Jien m’għandi xejn x’noffri lil Ġesu ħlief il-makakkerija tiegħi, li biha kulħadd ifaħħarni ta’ kemm jilħaqli.” L-annimali l-oħra kollha qabdu jgergru u jgħajru lill-volpi. “U x’se jagħmel Ġesu b’din il-makakkerija? Int dejjem ħsibt għalik innifsek biss!”
Il-volpi telgħetlu għoqda fi griżmejh, kien se jgħid xi ħaġa, iżda f’daqqa waħda nduna li Ġesu fil-maxtura qam bil-qiegħda. Fetaħ idejh u b’vuċi ħelwa qal, “Isktu! Niżżikom ħajr tar-rigali li tajtuni. Kollha sbieħ u tajbin. Imma m’intomx tindunaw li l-volpi tagħni l-aqwa rigal. Mingħajr il-makakkerija, il-volpi ma jkunx jista’ jiżgiċċa mill-għedewwa tiegħu, ifittex l-ikel, jikkaċċja u jipproteġi ż-żgħar tiegħu. Li qed ngħid hu li int, nagħġa, tajtni ftit mis-suf tiegħek, u int, baqra sliftni l-maxtura, u int, ħmara, wassalt lili u lil ommi s’hawn. Imma dahrek għadu tajjeb tant li jum wieħed se nitolbok tgħabbi lili biex nidħol Ġerusalemm qalb it-tixjir tal-friegħi tal-palm. Mill-banda l-oħra l-volpi tagħni l-unika ħaġa li għandu, daqs li kieku tagħni l-istess ħajtu. Għalhekk dan hu l-isbaħ u l-aqwa rigal.” Ġesu għamel sinjal lill-volpi biex jersaq qrib lejh. Kif għamel hekk, Ġesu beda jmellislu dahru, fil-waqt li qal, “Jien ġejt fid-dinja biex ngħix hawn. Se jkolli ħajja diffiċli u se jasal il-waqt meta ħbiebi kollha se jaħarbu. Ibqa’ ħabib miegħi, għax għandek tkun taf li anki jien, għada pitgħada, se nintalab biex nagħti ħajti għall-bnedmin tad-dinja kollha. Ibqa’ ħabib miegħi.” “Taf li dan ma nistax nagħmlu,” wieġbu l-volpi. “Dak li jiħtieġ tagħmel jista’ jsir biss minn bniedem wieħed. Dak li ħabib jista’ jagħmel, jien ġa għamiltu. Jien tajtek il-makakkerija tiegħi. Inti l-volpi issa, waħdek quddiem id-dinja kollha.” U Ġesu beda jirtogħod, fil-waqt li qal minn taħt l-ilsien, “Għandek raġun. Hekk jeħtieġ li jsir – waħdi, bħalek.” Fil-waqt li ffissaw għajnejhom f’xulxin, wieħed setgħa jħoss li qisu qed jgħixu t-tlieta u tletin sena f’tebqa t’għajn. L-annimali l-oħra nġabru madwar il-volpi fil-waqt li wassluh biċċa mit-triq. Xi demgħa ‘l hemm u ‘l hawn ma naqsitx.
“Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u l-ferħ tal-iljun. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp, u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.” (Isaija 11: 7-8)
Minn Edward Tagliaferro