Kunu lesti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 27 ta’ Novembru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent fl-Inawgurazzjoni tal-Grupp Scouts. Seminarju Tal-Virtù.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

“Kunu lesti” (Mt 24:44). Dawn iż-żewġ kelmiet fl-Evanġelju tal-lum skont San Mattew jiġbru l-messaġġ essenzjali li Ġesù jrid jgħaddi lid-dixxipli tiegħu. U dawn iż-żewġ kelmiet – ħabat eżatt illum – huma ż-żewġ kelmiet tal-motto tal-iscouts: “Be prepared”. Għalhekk, illum nixtieqkom li b’mod speċjali tiftakru ħafna f’dawn iż-żewġ kelmiet u fit-tifsira tagħhom għall-ħajja tagħna.

Meta Ġesù jitkellem hawnhekk, qed ikellem lid-dixxipli tiegħu fuq it-Tieni Miġja tiegħu. Bi kliem li setgħu jifhmuh, ikellimhom fuq meta jerġa’ jiġi fil-glorja. Forsi aħna nistaqsu: għaliex illum, meta qed niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, naqraw din is-silta? L-Avvent mhuwiex iż-żmien meta aħna nippreparaw biex niċċelebraw il-Milied, meta Ġesu ġie fostna? Fil-fatt l-Avvent huwa ż-żmien meta aħna nippreparaw għal żewġ ġrajjiet, għal dak li sar u dak li għad irid jiġri. Infakkru l-miġja ta’ Ġesù tant snin ilu, u għalhekk l-Avvent jippreparana għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied; imma ifakkarna wkoll li rridu nħejju ruħna għall-miġja ta’ Ġesù, meta jerġa’ jiġi fil-glorja.

Inħejju ruħna proprju kif jgħid Ġesù hawnhekk billi aħna nkunu lesti. X’ifisser li aħna nkunu lesti?

Lura d-dar

L-ewwel nett, ħa ngħid dak li ma jfissirx. Ma jfissirx li aħna nimtlew bil-biża’. Forsi min jaqra dan il-kliem ta’ Ġesù u ma jifhmux bil-mod kif qalu jaħseb li Ġesù hawnhekk irid ibeżża’. Imma aħna meta naħsbu fuq it-Tieni Miġja tiegħu bil-glorja, u naħsbu fuq meta aħna għad ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem, ma għandniex nimtlew bil-biża’.

Irrid infakkar dak li Robert Baden Powell, il-fundatur tal-iscouts, u li għandu kunjomu wkoll “B.P.” bħal “Be prepared” – għandu fuq il-qabar tiegħu fil-Kenja fejn hu midfun. Għandu sinjal li hu magħruf ħafna mill-iscouts: ċirku f’sinjal fin-nofs, u dan ifisser “Going Home”. Hu tassew adattat għal fuq il-qabar tiegħu u jesprimi dak li kien jemmen Baden Powell li hu mar lura f’daru. Din il-figura tfakkarna li meta aħna naħsbu fuq il-ħajja ta’ dejjem u fuq il-miġja ta’ Ġesù fil-glorja, dan ma għandux inissel fina biża’ imma għandu lilna jimliena bil-kuraġġ biex dejjem, kif jgħid Ġesù hawnhekk, inkunu lesti ħalli nistgħu naslu f’darna. U jekk inkunu lesti, qatt ma għandna għalfejn nibżgħu.

Lesti permezz tat-taħriġ

B’liema mod inkunu lesti? Nixtieq infakkar ukoll kemm kellu insights sbieħ u tajbin Baden Powell meta tkellem fuq il-ħajja tal-iscouts. Meta staqsewh “għalxiex tkun lest?”, hu wieġeb li tkun lest għal kollox. Tkun lest bit-taħriġ li tagħmel ħalli tkun lest għal kull eventwalità u emerġenza fil-ħajja, u tagħraf kif tista’ taqdi dmirek illum tajjeb. Baden Powell kien spjega kif l-essenzjal tal-ħajja Nisranija hu fil-fatt dak li jippruvaw jgħixu l-iscouts: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Dan jgħinna biex aħna nkunu nistgħu nagħżlu dak li hu veru, dak li hu sewwa, dak li hu xieraq, u niddistingwuh minn dak li hu ħażin, u b’hekk nistgħu norbtu qalbna tassew ma’ dak li hu xieraq, sewwa u veru.

Għalhekk, hu dan il-mod kif aħna nkunu lesti. Inkunu lesti billi nfittxu li naqdu d-dmirijiet tagħna b’responsabbiltà, naqdu d-dmirijiet tagħna bil-ferħ u naqdu d-dmirijiet tagħna bl-imħabba. L-iscouts jagħmlu ħafna taħriġ f’dan. Li tkun scout jgħinek biex int tkun bniedem ta’ valuri, ċittadin tajjeb li tagħti sehmek fis-soċjetà u tagħmel il-ġid mal-oħrajn. Hu b’dal-mod li aħna nkunu lesti. Inkunu lesti meta aħna nfittxu llum li naqdu d-dmirijiet tagħna b’responsabbiltà.

Lesti għax nimxu wara t-Triq, il-Verità u l-Ħajja

Għalina li aħna Nsara, inkunu lesti tfisser dejjem li aħna nagħrfu nimxu wara Ġesù li hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja. Iktar ma aħna nimxu wara Ġesù u nagħrfu ngħixu l-kelma tiegħu llum, aktar inkunu lesti. Jekk aħna nwarrbu l-kelma tiegħu, jew forsi naljenaw ruħna, hemmhekk inkunu mhux biżżejjed lesti. Fil-fatt, Ġesù hawnhekk jenfasizza dan: juri kif aħna nistgħu ngħixu ħajja aljenati, ma nagħrfux nimxu ma’ dak li hu sewwa imma aljentati b’ħafna affarijiet. Kif smajna fit-Tieni Qari, “wasal iż-żmien li intom tqumu min-ngħas” (Rum 13:11). Hemm bżonn li nagħrfu ma nkunux aljenati ħalli nistgħu nimxu ’l quddiem tassew.

F’din l-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-iscouts fis-Seminarju, nitolbu lill-Mulej biex hu jbierek lil kull wieħed u waħda minnkom, lil-leaders li jieħdu ħsieb b’tant dedikazzjoni. Nitolbuh biex ibierek l-iskola u lil kull min jaħdem hawnhekk, u nitolbu ħafna biex jgħinkom ħalli intom tikbru f’dan il-kliem li qal Ġesù, biex dejjem tkunu lesti ħalli tagħrfu timxu wara Ġesù li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: