Tradizzjoni antika, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Sant’Andrija Appostlu, patrun ta’ Kostantinopli, l-Papa Franġisku bagħat delegazzjoni f’Istanbul biex iwassal it-tislima tiegħu u l-assigurazzjoni tal-“affezzjoni fraterna” tiegħu lill-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew.
Iż-żjara hija parti mill-iskambju annwali ta’ Delegazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Patrijarkat għall-festi patronali rispettivi tagħhom, fid-29 ta’ Ġunju f’Ruma, għall-Festa ta’ Sant Pietru u San Pawl, u fit-30 ta’ Novembru f’Istanbul.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa Franġisku jinnota li dawn iż-żjarat huma “espressjoni tal-profondità tar-rabtiet” li jgħaqqdu l-Knisja Kattolika u dik Ortodossa ta’ Kostantinopli u “sinjal viżibbli” tat-“tama għażiża tagħhom għal komunjoni dejjem aktar profonda”, li hu “impenn irrevokabbli għal kull Nisrani” kif ukoll “prijorità urġenti fid-dinja tal-lum”.
“Id-dinja tal-lum għandha bżonn kbira ta’ rikonċiljazzjoni, fraternità u għaqda”.
Il-Papa jkompli jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu analizzati r-raġunijiet storiċi u teoloġiċi fl-oriġini tal-firdiet li għaddejjin bejn iż-żewġ Knejjes “fi spirtu la polemikuż u lanqas apoloġetiku, iżda mmarkat minflok minn djalogu awtentiku u ftuħ reċiproku”. Bl-istess mod, ikompli, iridu “jirrikonoxxu li l-firdiet huma r-riżultant ta’ azzjonijiet midinba u l-attitudnijiet li jxekklu l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li jmexxi lill-fidili fl-għaqda fid-diversità leġittima”. Għalhekk huma msejħin “biex jaħdmu lejn ir-restawr tal-għaqda bejn l-Insara mhux biss permezz ta’ ftehimiet iffirmati imma permezz tal-fedeltà lejn ir-rieda tal-Missier u d-dixxerniment tal-inkoraġġiment tal-Ispirtu”.
“Nistgħu nkunu grati lejn Alla li l-Knejjes tagħna mhumiex rassenjati għall-esperjenzi tal-firda tal-passat u tal-preżent, iżda, għall-kuntrarju, permezz tat-talb u l-karità fraterna qed ifittxu minflokk jiksbu komunjoni sħiħa li tgħinna xi darba, nersqu flimkien fuq l-istess mejda Ewkaristika”.
Il-Papa jirrimarka li waqt li jimxu flimkien lejn l-għan tal-għaqda, l-Knisja Kattolika u l-Patrijarkat Ekumeniku diġa’ qed jaħdmu flimkien għall-ġid komuni tal-familja umana f’ħafna oqsma fosthom il-ħarsien tal-ħolqien, id-difiża tad-dinjità ta’ kull persuna, l-ġlieda kontra l-forom moderni tal-jasar, u l-promozzjoni tal-paċi.
Wieħed mill-oqsma l-aktar produttivi ta’ kooperazzjoni bħal din, jgħid il-messaġġ, huwa d-djalogu interreliġjuż. Il-Papa jfakkar b’mod partikolari l-Vjaġġ Appostoliku riċenti tiegħu lejn il-Bahrain għall-okkażjoni tal-Forum għad-Djalogu: “Lvant u Punent għall-Koeżistenza tal-Bniedem”, itenni għal darb’oħra li “d-djalogu u l-laqgħa huma l-unika triq vijabbli biex jingħelbu l-kunflitti u kull forma ta’ vjolenza”.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, l-Papa Franġsiku jiftakar fil-vittmi tal-attakk terroristiku riċenti tat-12 ta’ Novembru, f’Istanbul, huwa afdahom f’idejn il-ħniena ta’ Alla, filwaqt li jitlob li jikkonvertu l-qlub ta’ dawk li jikkommettu jew jappoġġjaw azzjonijiet ħżiena bħal dawn.
Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa reġa’ sellem lill-“għażiż ħija” Bartolomew. Waqt l-Katekeżi, talab l-interċessjoni tal-Appostli Pietru u Indrija għall-għaqda fost l-insara u l-paċi fid-dinja, speċjalment fl-“Ukrajna tturmentata”.
“Jalla l-interċessjoni tal-qaddisin aħwa l-Appostli Pietru u Indrija jippermettu lill-Knejjes igawdu bis-sħiħ l-għaqda u l-paċi tagħhom mad-dinja kollha, speċjalment f’dan il-mument għall-għażiża u tturmentata Ukraina, dejjem f’qalbna u fit-talb tagħna”.
Jalla Sant Andrija “jgħallimna nfittxu l-Messija f’kull mument ta’ ħajjitna u nxandruh bil-ferħ lil dawk kollha ta’ madwarna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-11/pope-bartholomew-only-dialogue-can-overcome-conflicts.html