QUDDIESA TAS-SOLENNITÀ
TAL-ASSUNZJONI TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castel Gandolfo,
15 ta’ Awissu 1982
1. “It-tron tiegħek, Alla, jibqà għal dejjem; / huwa xettru ġust ix-xettru ta’ saltnatek. . . / Bint is-sultan hija kollha dawl, / ħaġar prezzjuż u drapp tad-deheb ilbiesha” (Sal 44 [45], 7.14).
Il-liturġija tal-Knisja illum tirrikorri għall-kliem tas-Salm biex tippreżenta bi xbihat ukoll umani misteru kbir tal-fidi.
Dan huwa l-misteru tal-Assunzjoni tal-Omm Santissma ta’ Alla, il-Verġni Marija.
Madankollu, ferm iktar mill-paraguni assenjati mis-Salm 44, huwa elokwenti kliemha stess. Hekk hu: Marija tippreżenta ruħha fuq għatbet id-dar ta’ Eliżabbetta qaribtha, u – mogħtija merħba minnha bħala “Omm il-Mulej” – tippronunzja l-kliem tal-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej / u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi . . . / Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar / qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1, 46-47.49).
2. Meta Marija ppronunzjat dal-kliem, fiha kien diġa twettaq, permezz tal-“annunzjazzjoni tal-Anġlu”, il-misteru tal-Inkarnazzjoni. L-Iben ta’ Alla, il-Verb Etern, kien sar bniedem f’ġufha bl-opra tal-Ispirtu Santu.
Waqt li erħitilha “lejn il-muntanja” biex iżżur lil Eliżabetta, Marija kienet diġa l-Omm ta’ Alla: kienet qiegħda ġġorr fiha l-ikbar Misteru tal-istorja tal-bniedem.
Mill-qiegħ ta’ dan il-misteru, jitwieled il-kliem tal-innu tal-Magnificat. Mill-qiegħ ta’ dan il-misteru Marija tfaħħar lill-Omnipotenti, għaliex “għamel ħwejjeġ kbar” (Lq 1, 49) għaliha.
U mhux għaliha biss. Għall-umanità kollha: għall-bnedmin kollha u għal kull bniedem. Iżda hi, il-Verġni ta’ Nażżaret, kienet l-oġġett ta’ elevazzjoni partikolari, ta’ dinjità partikolari. Hekk hu, saret l-Omm tal-Alla-Bniedem.
Illum, fil-jum tal-Assunzjoni, il-liturġija tal-Knisja tqiegħed fuq xuftejn Marija l-istess kliem tagħha: “Hwejjeġ kbar għamel fija l-Omnipotenti”.
Bejn il-Viżitazzjoni u l-Assunzjoni hemm kontinwità. Dik li ntagħżlet eternament bħala Omm il-Verb Inkarnat; Dik, li fiha Alla stess għammar fil-persuna tal-Iben, b’mod partikolari tibda tgħammar f’Alla, Missier, Iben u Spirtu Santu.
Hawn hu l-misteru li qegħdin nimmeditaw illum b’qima: il-misteru tal-Assunzjoni.
3. Dik li fiha għammar Alla stess fil-Persuna tal-Iben, tkunu konċeputa immakulata: hija ħielsa mix-xibka tad-dnub tan-nisel.
B’dan il-mod kienet ukoll ippreservata mil-liġi tal-mewt, li daħlet fl-istorja tal-bniedem flimkien mad-dnub.
Jikteb San Pawl, (u dan il-kliem naqrawh fil-liturġija tallum): “Ladarba, permezz ta’ bniedem ġiet il-mewt, , permezz ta’ bniedem ukoll jiġi l-qwawmien mill-imwiet; u billi lkoll immutu f’Adam, hekk ukoll ilkoll nieċievu l-ħajja fi Kristu. Kull wieħed u waħda iżda kif imissna” (1 Kor 15, 21-23).
Ħielsa – bl-opra ta’ Krtistu – mid-dnub oriġinali, mifdija b’mod partikolari u eċcezzjonali, Marija b’mod partikolari u eċcezzjonali wkoll hija nkluża fil-qawmien mill-mewt tiegħu. Il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu rebaħ fih l-liġi tad-dnub u tal-mewt diġa permezz tal-Immakulata Konċezzjoni.
Diġa f’dak il-waqt “twettqet ir-rebħa fiha fuq id-dnub u fuq il-liġi tal-mewt”, piena tad-dnub; u llum hija tirrivela ruħha fil- milja kollha.
Kiern hemm bżonn li Dik, li kienet l-Omm tal-Irxoxt, tkun l-ewwel waħda fost il-bnedmin li tieħu sehem fil-qawwa sħiħa tal-qawmien mill-imwiet tiegħu.
Kien hemm bżonn li Dik, li fiha għammar Bin Alla bħala l-awtur tar-rebħa fuq id-dnub u fuq il-mewt, tkun l-ewwel ukoll li tabita f’Alla, ħielsa mid-dnub u mill-korruzzjoni tal-qabar:
– mid-dnub, permezz tal-Immakulata Konċezzjoni;
– mill-korruzzjoni tal-qabar, permezz tal-Assunzjoni.
Ejjew nemmnu li “il-Verġni Immakulata, mitmum il-kors ta’ ħajjitha terrena, kienet imtellgħa bil-ġisem u r-ruħ fil-glorja ċelesti” (Piju XII, Munificentissimus Deus, die 1 nov. 1950).
4. Ejjew nikkuntemplaw illum b’mod partikolari il-Ġenitriċi ta’ Alla. Ejjew niffissaw ħarsitna fl-għamara tagħha definittiva f’Alla. Fil-glorja tiegħu.
Hija hi dak is-“sinjal” grandjuż li skont kliem San Ġwann fl-Apokalissi, deher fis-sema (cf. Ap 12, 1).
Dan is-sinjal huwa kontemporanjament magħqud strettament mal-art.Dan qabel kollox huwa s-sinjal tat-taqbida “mad-dragun” (cf. Ap 12, 4), u f’din it-taqbida nerġgħu naqraw l-istorja kollha tal-Knisja fuq l-art: it-taqbida kontra satana, it-taqbida kontra l-qawwiet tad-dlamijiet, li ma jaqtgħu qatt jiftħu l-attakki tagħhom kontra s-Saltna ta’ Alla.
Dan huwa, fl-istess ħin, is-sinjal tar-rebħa aħħarija; fil-misteru tal-Assunzjoni tagħha, Marija hija s-sinjal ta’ din ir-rebħa aħħarija, li dwarha jitkellem l-Awtur tal-Apokalissi: hekkhu “issa twettqet s-salvazzjoni, il-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu tiegħu” (Ap 12, 10).
5. Is-sollennità tallum hija festa kbira tal-fidi. Hemm bżonn inżidu l-ħarsa tal-fidi, sabiex il-misteru tal-Assunzjoni jkun jistà jaħdem b’mod liberu f’moħħna u f’qalbna: sabiex isir ukoll għalina s-sinjal tar-rebħa aħħarija mill-uġigħ u mit-taqbida fil-konfront tal-qawwiet tad-dlamijiet.
Hermm bżonn inqawwu ħarsitna tal-fidi biex nirrejalizzaw permezz tat-taħbit u t-tbatijiet taż-żmien id-dimensjoni definittiva tal-eternità: b’xebħ ta’ Omm Kristu imissna aħna wkoll ngħammru “f’Alla”, permezz tal-għaqda eterna megħu.
Kemm imissna nippruvaw waqt li ngħixu hawn fl-art, sabiex Alla jgħix “fina”! F’Marija, li fiha stabilixxa l-għamara tiegħu permezz tal-misteru tal-Inkarnazzjoni bħala Iben fil-ġuf tal-Omm, huwa għammar qabel kollox permezz tal-Grazzja.
U fina wkoll irid jgħammar permezz tal-Grazzja: “Sliem, o Marija, mimlija bil-grazzja . . .”.
Jalla s-sollennità tallum terġà tqanqal fina x-xewqa mħeġġa tal-għixien fil-grazzja, tal-perseveranza fil-grazzja ta’ Alla.
“Nemmen fil-qawmien mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem . . .”. Jekk, b’xebħ ta’ Marija, irridu ngħixu eternament f’Alla, hemm bżonn li hawn, fuq din l-art, Alla jsib l-għamara tiegħu fir-ruħ tagħna.
Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb