IL-MAĦFRA HIJA L-AKBAR GĦOTJA
Nilbsu l-istil ta’ Alla
FR. PHILIP CUTAJAR OFMCap
Għar-raba’ darba qiegħed nikteb dwar il-maħfra. Ngħiduha kif inhi, tikteb kemm tikteb, tipprietka kemm tipprietka fuq il-maħfra qatt m’hu biżżejjed. Kristu stess matul ħajtu, matul l-aħħar tlett snin ta’ ħidma li wettaq magħna u għalina ma waqafx jitkellem b’kull mod dwar dan is-suġġett. Biżżejjed naqraw il-parabboli tal-ħniena ta’ Alla li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Luqa, l-Evanġelista tal-Ħniena ta’ Alla għalina. Ħniena li tispikka fil-maħfra li dejjem Alla għandu lesta għal kull bniedem li jikkonverti.
Nistgħu ngħidu illi Kristu Ġesù qatt ma jifred il-Ħniena ta’ Alla li tidher fil-maħfra li għandu għalina l-midimbin mill-ħniena li aħna bħala aħwa, ulied l-istes Alla-Missier, għandu jkollna lejn xulxin. Fil-Missierna jgħaqqad it-talba tagħna ta’ maħfra lil Alla mall-kundizzjoni tal-maħfra li aħna msejjħin li nagħtu lil xulxin, ‘il min hu ħati għalija’.
Sabiex niskopru kemm tassew il-Mulej Ġesù tkellem b’mod ċar dwar il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla-Missier għalina sabiex b’hekk dan kollu neħduh bħala mudell għalina fl-imġieba tagħna lejn xulxin, saħansitra lejn l-għedewwa tagħna, nagħmlilkom stedina sabiex taqraw dawk li huma msejjħin bħala il-Parabboli tal-ħniena fit-tielet Evanġelju, jiġifieri dak ta’ San Luqa. Dawn huma:
1. Il-Parabbola tan-nagħġa l-mitlufa (Luqa 15, 1- 7)
2. Il-Parabbola tad-drakma l-mitlufa (Luqa 15, 8-11)
3. Il-Parabbola tal-iben il-ħali – jew hekk imsejjħa l-parabbola taż-żewġ ulied mitlufa – jew tal-Missier il-ħali fl-imħabba tiegħu (Luqa 15, 11- 32)
4. Ma’dawn tajjeb li nżidu wkoll il-Parabbola tas-Sid li jaħfer id-djun ta’ tnejn mill-qaddejja tiegħu (Luqa 7, 41-50
5. Il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 10, 29-37
6. Il-Parabbola tas-Siġra tat-tin bla frott (Luqa 13, 6-9)
7. Il-Parabbola tal-imħallef ħażin u l-armla (Luqa 18, 1-8)
Bħala konklużjoni għal dawn il-parabboli tal-Ħniena ta’ Alla għalina, San Luqa jagħmlilna stedina: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Luqa 6,36)
L-ISTORJA TALLUM
Fit-tlett kitbiet li diġà qsamt magħkom dwar il-maħfra dejjem daħalt storja b’relazzjoni mas-suġġett sabiex b’mod prattiku tgħina aktar nifhmu l-valur ta’ dan il-kmandament tal-imħabba. Illum m’hemmx għalfejn nagħtikom storja għax diġà għandna l-akbar u l-isbaħ storja b’relazzjoni mall-maħfra: l-istorja li qed infakkru matul dan ix-xahar ta’ Diċembru, l-istorja tal-ewwel Milied, l-istorja ta’ Alla li jsir Bniedem bil-għan li jurina mħabbtu u jsalvana billi jaħfrilna dnubietna. Mhux biss imma wkoll jikkmandana sabiex aħna wkoll inħobbu lil xulxin billi naħfru dejjem u lil kulħadd. Alla jsir bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu bil-għan li jkun jista’ jbati u jmut għalina fuq is-salib sabiex b’hekk jifdina. Bħalma għamel San Franġisk t’Assisi li għaqqad Greccio mall-għolja La Averna, hekk ukoll Kristu għaqqad l-għar ta’ Betlehem mall-għolja tal-Kalvarju – żewġ misteri: L-Inkarnazzjoni mar-Redenzjoni.
NILBSU L-ISTIL TA’ ALLA
Il-festa tal-Milied tpoġġi quddiemna sfida, stedina, appell. Din l-istedina hija li kull wieħed u waħda minna NILBSU L-ISTIL TA’ ALLA fil-ħajja tagħna. Kristu twieled sabiex jgħarrafna lil Alla-Missier. Uriena min hu tassew Alla-Missier ta’ Ġesù Kristu; huwa Alla li jħobb, anzi huwa l-istess mħabba u għalhekk huwa Alla li jaħfer ‘sebgħa għall-sebgħin darba’ – dejjem. Bil-għan li nkunu tassew insara/dixxipli ta’ Ġesù jinħtieġ li nilbsu l-istess sentimenti tiegħu, jkollna l-istess attitudnijiet, l-istess imġieba. Dak li għamel Hu, nagħmluh aħna.
ERBA’ MEZZI
Fost id-diversi għajnuniet li diġà qsamt magħkom fil-kitbiet ta’ qabel bil-għan li jirnexxilna ngħixu l-kmandament tal-imħabba bil-maħfra tagħna lil xulxin, anke saħansitra lill-għedewwa tagħna, nixtieq li llum npoġġi quddiemkom tlett stumenti – stili – attitudnijiet oħra ispirati minn dak li ġara fl-Ewwel Milied. Dawn huma:
1. VIĊINANZA – Nersqu qrib. Imorru għand ħuna / oħtna li setgħet weġgħetna, b’rieda sħiħa ta’ rikonċiljazzjoni. Kull firda tiġi eleminata billi nersaq lejn ħija, neħodlu b’idejh, intaptaplu fuq spallejh, ngħannqu miegħi. U dan il-ġest nagħmlu kemm biex nesprimi l-maħfra tiegħi lejh, kif ukoll jekk ikun il-każ, nilqa’ mingħandu l-maħfra. DAN HU LI GĦAMEL ĠESÙ KRISTU META MINN ALLA SAR BNIEDEM GĦALINA –IL-VIĊINANZA TA’ ALLA LEJJA U LEJK SABIEX JAĦFRILNA U JĦABBIBNA MALL-MISSIER.
2. KOMPASSJONI. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3,16). Dan huwa Alla ta’ Ġesù Kristu, dan hu Alla tagħna: Alla ta’ kompassjoni, Alla li tiġih ħniena minna tant li jasal biex jibgħat lil uniku Iben għall-maħfra ta’ dnubietna. Alla tagħna huwa Alla li jitħassarna, li tiġih ħniena minn – mhuwiex Alla vendikattiv, qalbu iebsa, li jikkastiga. Dan ukoll għandu jkun l-għemil tagħna mall-proxxmu tagħna kollu, anke mall-għedewwa tagħna. Fuq kollox meta Alla l-Missier għamel dan magħna, aħna konna għadna għedewwa tiegħ.
3. TENEREZZA. Kemm huma sbieħ dawk il-Parabboli fl-Evanġelju ta’ San Luqa li jesprimu t-tenerezza ta’ Alla. Biżżejjed nimmeditaw kemm il-Parabbola tan-nagħġa l-mitlufa (Luqa 15, 1- 7) kif ukoll il-Parabbola tal-iben il-ħali (Luqa 15, 11- 32). Jekk Alla setgħani juri din it-tenerezza nfinita tiegħu magħna l-midimbin, għaliex aħna fl-isforz tagħna sabiex ħajjitna tkun mibni fuq l-istill tiegħU, ma nurux ukoll aktar tenerezza bejnietna. Inħallu li t-tenerezza li deheret fil-grotta ta’ Betlehem tkun it-tenerezza li nuru dejjem bejnietna.
4. NIĊĊELBRAW
Meta nwettqu l-mixja, il-proċess li jwassal għal maħfra sħiħa u awtentika nkunu tassew nistgħu niċċelebraw il-Milied. Inkunu nistgħu nċċelebraw festa: ul-festa tal-imħabba, il-festa tar-rikonċiljazzjoni. Il-festa li missier l-iben il-ħali ried li jiċċelebra għax ibnu li kien mitluf instab, li kien mejjet issa qam. Dan hu l-effett tal-maħfra vera u sħiħa NIĊĊELEBRAW FESTA TA’ FERĦ U PAĊI.
Il-Milied huwa skola ta’ mħabba, ta’ viċinanza, ta’ kompassjoni u ta’ tenerezza li jwasslu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ festa. Aħna msejjħin sabiex mhux biss inħarsu ċassi lejn il-Grotta ta’ Betlehem bla ma nifhmu xejn. Inħarsu lejha bil-għan li ngħixu l-virtujiet li joħorġu minna, u dan nagħmluh billi nilbsu f’ħajjitna l-istil ta’ Alla. Alla li sar bniedem għalina biex jaħfrilna u jħabbibna mall-Missier.
BL-ISBAĦ XEWQAT QADDISA
NIĊĊELEBRAW MILIED NISRANI
LI JFAWWAR LIL QLUBNA
B’VIĊINANZA – KOMPASSJONI U TENEREZZA
LEJN XULXIN