L-Ewkaristija tinbidel f’Ġesù Bambin u mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu ta’ Bergen, fl-Olanda

Il-belt ta’ Bergen hija famuża mhux biss għax-xmajjar,kanali u foresti karatteristiċi tagħha imma  ukoll għall-għargħar kbir magħruf bħala dak  ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija, fiż-żona tal-Grote Hollandse Waard, illum  l-Olanda, li ġara fil-lejl tat-18 u 19 ta’ Novembru, 1421 f’jum il-festa ta’ Santa Eliżabetta, iżda fuq kollox din il-belt hija magħrufa l-aktar għall-Miraklu Ewkaristiku li seħħ  hemmhekk ukoll fis-sena 1421.

Il-Miraklu Ewkaristiku: Il-Ħadd ta’ qabel il-festa ta’ Pentekoste 1421, saċerdot mill-knisja ta’ San Pietru u San Pawl, f’Petten,  għal ħafna xhur  kien inħakem minn  dubji kbar dwar il-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija, jiġifieri  fid-Duttrina tat-Transubstanzjazzjoni, u għalhekk  ma kien juri l-ebda devozzjoni  lejn is-Santissimu Sagrament.

Jum minnhom wara li ċċelebra l-quddiesa tefa’ xi Ostji kkonsagrati li kienu tħallew wara l-quddiesa fix-xmara Schelda.

Diversi xhur wara xi sajjieda sabu l-Ostji kkonsagrati f’wiċċ l-ilma mxarrba bid-Demm.

L-aħbar tas-sejba Mirakoluża malajr inxterdet mal-belt u ħafna Kattoliċi, marru ħdejn ix-xmara biex jaraw u jqimu dal-Miraklu. Id-devozzjoni lejn dan il-Miraklu Ewkaristiku wara diversi stħariġ kanoniku uffiċjali u xhieda miġbura mill-Knisja Kattolika kienet ġiet approvata mill-Isqof tal-post,u għalkemm din id-devozzjoni wara kienet ġiet ipprojbita għal żmien twil mir-Riforma Protestanta f’dik il-belt,il-Kattoliċi komplew fis-skiet ta’ qalbhom iżommu ħajja il-Fidi u d-devozzjoni tagħhom lejn dal-Miraklu Ewkaristiku.

Fuq il-post fejn jingħad li seħħ il-Miraklu ta’ Bergen, inbniet kappella. Bergen sar post ta’ pellegrinaġġi, u  d-devozzjoni pubblika kompliet fis-sekli ta’ wara u kien hemm diversi ġrajjiet u attivitajiet reliġjużi,fosthom purċissjonijiet  lejn ix-xmara Schelda,biex ifakkru u jqimu dan il-Miraklu. Din id-devozzjoni  għadha ħajja sal-ġurnata tal-lum.  

Aktar tard fis-seklu ħmistax, ir-Ruinekerk (“Knisja Rovina”) inbniet fuq il-post tal-kappella u dak iż-żmien kienet l-akbar waħda tax-xorta tagħha fil-provinċja tal-Olanda ta’ Fuq. Iżda, fl-1574, matul il-Gwerra tat-Tmenin Sena kontra Spanja, il-Knisja ġiet misruqa u maħruqa minn Protestanti Olandiżi, iżda aktar tard reġgħet inbniet għall-istat attwali tagħha.

Id-devozzjoni lejn dal-Miraklu kompla dejjem jiżdied b’mod speċjali matul is-seklu għoxrin.

Il-Miraklu ta’ Zaragoza,fi Spanja

Dan il-Miraklu seħħ fil-belt ta’ Zaragoza,fis-sena 1427, meta l-Arċisqof tal-belt kien Don Alonso Arhuello. Don Dorner, Arċidjaknu tal-Katidral tal-belt ħalla dan id-dokument bil-miktub dwar dil-ġrajja:  

“Mara miżżewġa li kienet qed tiġi imsawta minn żewġha marret għand saħħar Moru għal rimedju biex ifejjaq lil żewġha min-natura vjolenti tiegħu u jagħmlu aktar ġentili magħha. Biex ibiddel dil-imġiba ta’ żewġha,is-saħħar qal li kellu bżonn Ostja kkonsagrata.Il-mara tant supertizzjuża  marret fil-Knisja ta’ San Mikiel biex tirċievi  l-Ewkaristija. Bi ħżunija djabolika, hija neħħiet is-Santissimu Sagrament minn ħalqha u ħbietu  f’kaxxa żgħira,li immedjatament ħaditha għand is-saħħar.

Meta fetħu l-kaxxa,minflok l-Ostja kkonsagrata sabu tarbija żgħira mdawra bid-dawl. Dan nissel biża’ kbira fihom it-tnejn. Is-saħħar qal lill-mara biex tieħu l-kaxxa d-dar, taħraq lit-tarbija u l-kaxxa  u ġġiblu l-irmied tat-tarbija biex jagħmel bih pozzjoni ta’ imħabba.Il-mara bla ebda skrupli  għamlet kif qalilha, imma bi stagħġib kbir rat li għalkemm il-kaxxa nħarqet kompletament it-tarbija ma ġarrbet l-ebda ħsara. Imwerwra u mitlufa minn sensieha marret tiġri lejn id-dar tas-saħħar biex tgħidlu b’dak kollu li kien ġara. Is-saħħar malli sema’ dak il-kliem tal-mara,beda jirtogħod,u beża’ li kien se jiġrilu xi seħer minn forzi barranin u superjuri għalih. Flimkien ma’ dik il-mara ddeċidew li jmorru l-Katidral biex jinfurmaw lill-Arċisqof Don Alonso, jistqarru d-dnub tagħhom u jitolbu maħfra. Is-saħħar  talab ukoll biex jitgħammed.

L-Arċisqof ikkonsulta ruħu ma’ diversi prelati u teoloġi tad-djoċesi u fl-aħħar ddeċida li f’purċissjoni solenni jieħu lit-tarbija Mirakoluża mid-dar tal-mara u jeħodha fil-Katidral. In-nies kollha tal-belt ħadu sehem f’dil-purċissjoni u kienu kommossi ħafna għad-dehra tat-tarbija Mirakoluża, li ma kienet ħadd għajr Ġesù Bambin. Meta wasslu bit-tarbija fil-katidral, l-Arċisqof qiegħed lit-tarbija fuq l-artal tal-kappella ta’ San Valero fejn il-ġemgħa kollha ta’ Zaragoza setgħet tara u tadura lil Ġesù Bambin.

L-għada l-Arċisqof iċċelebra l-Quddiesa Vottiva tas-Santissimu Sagrament  fuq l-istess artal f’ġieħ il-Miraklu Ewkaristiku fejn kien hemm it-tarbija. Waqt l-offertorju,hekk kif l-Arċisqof offra l-offerti tal-Ħobż u l-Inbid, il-Bambin Ġesu f’dija akbar minn qatt qabel, għeb u minfloku reġgħet dehret l-Ostja Ikkonsagrata. L-Arċisqof kien jaf li ma kienx hemm bżonn li tiġi kkonsagrata din l-Ostja, peress li  s’intendi kienet diġà kkonsagrata qabel ma seħħ il-Miraklu. Wara l-Arċisqof kkonsagra l-bqija tal-Ostji u fit-Tqarbin ikkonsma l-Ostja Mirakoluża.Dan il-Miraklu kompla jsaħħaħ fin-nies ta’ Zaragoza l-Fidi tagħhom fil-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.”

Dan id-dokument hu ppreservat b’akbar għozza u qima fl-arkivji tal-muniċipju tal-belt ta’ Zaragoza.

Il-mara niedma rrikonċiljat ma’ żewġha u għexet ħajja eżemplari għall-bqija ta’ ħajjitha. Is-saħħar Mori kkonverta għall-Kristjaneżmu, u minn għadu ta’ Kristu u ta’ kull ħaġa Kristjana, sar aduratur sod ta’ Kristu  u defensur qawwi tal-Fidi Nisranija, b’mod partikulari tal-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

Id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija saret estremament qawwija f’din il-belt. Il-poplu ta’ hemm kien u għadu magħruf u meqjus sal-ġurnata tal-lum bħala Difensur tal-Ewkaristija.

Diversi pitturi kienu ispirati minn dal-Miraklu Ewkaristiku biex ipinġu l-kapulavuri artistiċi tagħhom. Fil-Katidral,ħdejn il-kappella ta’ San Dominguito del Val hemm pittura li turi b’mod preċiż dil-ġrajja meraviljuża.Diversi pitturi oħra ta’ din il-ġrajja jinsabu fil-knejjes kollha ta’ Zaragoza. L-istess għamlu diversi kittieba,studjużi u storiċi li ddokumentaw dan il-Miraklu Ewkaristiku fil-kitbiet u riċerki tagħhom b’ħafna dettalji.

Il-Miraklu f’Alkmaar,fl-Olanda

Alkmaar, jinsab madwar 25 mil fit-tramuntana ta’ Amsterdam.

Fl-1 ta’ Mejju 1429 Fr.Folkert kien qiegħed jiċċelebra l-ewwel Quddiesa tiegħu fil-Katidral ta’ San Lawrenz,assistit mill-kappillan Fr Volpert Schult.Wara li qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni aċċidentalment qaleb il-kalċi li kien fih l-Inbid ikkonsagrat,u tliet qatriet waqgħu fuq il-pjaneta, l-ilbies liturġiku tas-saċerdot li jintlibes l-aktar waqt il-quddies. Dawn b’mod  mirakoluż inbidlu fi tliet qatriet Demm Ħaj.Wara l-quddiesa,kull tentattiv li għamlu ż-żewġ saċerdoti biex ineħħu t-traċċi tad-Demm kien għalxejn. Fi stat ta’ paniku s-saċerdoti qatgħu l-parti tal-pjaneta  li kellha fuqha l-qtar tad-Demm u ħarquha. Imbagħad ħadu l-bqija tal-pjaneta u beda isewwuha,imma malli sewwewha l-qtar tad-Demm reġgħu dehru. Iż-żewġ saċerdoti, ma kinux jafu se jaqbdu jagħmlu, għalhekk minnufih ħadu l-pjaneta għand l-isqof  ta’ Utrecht. Fis-sena 1433, wara diversi investigazzjoniiet kanoniċi, l-Isqof iddikjara l-Miraklu bħala awtentiku u approva d-devozzjonijiet konnessi ma’ dal-Miraklu.

Fil-katidral Kattoliku ta’ San Lawrenz, li tinsab f’Verdronkenoord Alkmaar  hemm ir-Relikwarju prezzjuż f’għamla ta’ anġlu li fih hemm il-biċċa tal-pjaneta liturġika li fuqha hemm it-tliet qatriet tad-Demm Imqaddes ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku (ritratt), li għadhom viżibbli sal-ġurnata tal-lum wara aktar minn 500 sena.  

Il-Miraklu f’Dijon, fi Franza

Fis-sena 1430, f’Monaco,sinjura xtrat ostensorju minn ħanut tal-irkant. Wisq probabbli dal-ostensorju kien misruq għax fih kien għad hemm l-Ewkaristija għall-Adorazzjoni.Is-sinjura li ma kienet taf xejn dwar il-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija,iddeċidiet li tuża sikkina biex tneħħi l-Ostja kkonsagrata mill-ostensorju. Madanakollu,mingħajr ma kien mistenni,Demm ħaj beda ħiereġ mill-Ostja. Id-Demm nixef mill-ewwel,imma ħalla stampata fuq  l-Ostja x-xbieha ta’ Ġesù Kristu bilqiegħda fuq tron semi-ċirkulari b’xi wħud mill-għodda użati fil-Passjoni Tiegħu maġenbu. Konfuża għal dik id-dehra l-mara ħadet l-Ostja għand il-Kanonku Anelon li dan żamm l-Ostja għandu. 

Il-Papa Ewġenju IV sar jaf b’dil-ġrajja u  xtaq li jagħti dik l-Ostja lid-Duka Phillip ta’ Borgogna  li dan bena kappella fil-Bażilka ta’ San Mikiel Arkanġlu f’Dijon,fi Franza,biex iqiegħed din l-Ostja Mirakoluża fiha. Jingħad li r-Re Louis XII kien imfejjaq b’mod mirakoluż meta mar iqim din l-Ostja. B’radd ta’ ħajr lil Alla għall-fejqan tiegħu huwa ta l-Kuruna tiegħu biex titqiegħed fuq ir-relikwarju tal-Ostja.

L-Ostja Mirakoluża baqgħet intatta għal aktar minn 350 sena sakemm ġiet meqruda fis-sena 1794. Sfortunatament,dan ġara waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża (1789-1799) meta setta ta’ Frammażuni (Freemasons) riedu jeliminaw il-Kristjaneżmu u jistabbilixxu stat ateu billi jippromwovu s-setta l-ġdida tagħhom “La Raison”. Ħafna knejjes Kattoliċi ġew ipprofonati u ħafna saċerdoti Kattoliċi ġew maqtula. Il-rivoluzzjonarji Franċiżi rrekwiżizzjonaw u pprofanaw ukoll il-Bażilka ta’ San Mikiel u wara  kkonsagrawha bħala tempju lil “Alla Mara tar-Raġuni.”. Hu magħruf b’ċertezza li sas-sena 1794 l-Ostja Mirakoluża kienet għadha f’din il-Bażilka, iżda fid-9 ta’ Frar 1794  l-Ostja Mirakoluża ġiet maħruqa mill-istess rivoluzzjinarji.

Ħafna dokumenti u xogħlijiet artistiċi jippreżentaw dawn il-ġrajjiet storiċi tal-Ostja Mirakoluża,fosthom l-istained glass sbieħ tat-twieqi tal-Katidral ta’ Dijon (ritratt) fejn fiha hemm rappreżentati bosta xeni ta’ din il-ġrajja. 

%d bloggers like this: