Meditazzjonijiet tal-Papa Emeritu għal żmien il-Milied ippubblikat fi ktieb bil-Malti
Michael Caruana
Is-skiet hu l-ispazju ta’ din it-tarbija. Is-skiet hu l-post fejn jitwieled Alla. Hu biss meta aħna nidħlu f’dan l-ispazju tas-skiet li nilħqu l-punt fejn jitwieled Alla. Dan hu l-ħsieb ewlieni ta’ waħda mill-meditazzjonijiet fil-ktieb Il-Barkiet tal-Milied tal-Papa Emeritu Benedittu XVI ppubblikat bil-Malti mid-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet tal-Franġiskan Konventwali, Reliġjon u Ħajja (RuĦ). Dawn il-meditazzjonijiet inqalbu għal Malti minn Francesco Pio Attard.

Il-ktieb Il-Barkiet tal-Milied jgħaqqad flimkien, f’volum wieħed, żewġ kotba iktar bikrin ta’ Joseph Ratzinger li jikkumplimentaw perfettament lil cxulxin: Id-dawl li jiddi fuqna (1978) u Tifħir tal-Milied (1982) mill-Kardinal Joseph Ratzinger u Heinrich Schlier. Ħafna minn dawn il-meditazzjonijiet inkitbu fiż-żmien li l-Kardinal Ratzinger kien l-Arċisqof ta’ Munich.
B’kollox dan il-ktieb fih 22 meditazzjoni mqassma f’seba’ taqsimiet: Fil-bidu tal-Avvent, Il-ġenealoġija ta’ Ġesù, Is-siġra tal-ħajja, Baqra u ħmara fil-Presepju, Il-kewkba l-ġdida, Id-dawl jiddi fil-dlam u Il-Verb sar laħam.
L-aħħar meditazzjoni tagħlaq b’dan il-ħsieb: “Ejjew mela nħallu l-misteru tal-Milied jiftħilna għajnejna u jgħinna naraw. Għax imbagħad awtomatikament nibdew ngħixu ta’ bnedmin li għandhom id-don li jaraw, ta’ bnedmin li ma jaħsbux biss fuqhom infushom u ma jafux biss lilhom infushom. Il-ġabra għal dawk fil-bżonn li ssir fil-Ġermanja tul l-Avvent tista’ tkun tweġiba waħda ċkejkna għas-sejħat li jwassslilna l-Milied, sinjal li jgħallimna nisimgħu u naraw li aħna nagħrfu lil Alla bħala s-Sid veru ta’ kulma għandna. U hekk aħna wkoll nistgħu nibdew inwasslu d-dawl li jiġi minn Betlehem. Imbagħad nistgħu nitolbu, mimlija fiduċja, tiġi saltnatek. Jiġi d-dawl tiegħek. Jiġi s-sliem tiegħek.”
Il-ktieb Il-Barkiet tal-Milied qed jinbiegħ mill-ħwienet tal-kotba Emmaus, Birkirkara u Victoria Għawdex u mingħand il-librara ewlenin għall-prezz ta’ tmien euro.