Quddiesa ta’ Binhar – Lezzjonarju għall-Ħdud Sena A
Vanġelu (Ġw 1, 1-18): Minn flok ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesu’, għandna l-famuż prologu ta’ San Ġwann. Għalkemm mhux faċli biex tifhmu, hu tant sublimi li għalih Ġwanni jistħoqqlu t-titlu ta’ ajkla fost l-Evanġelisti. Dil-paġna tal-Iskrittura tħabbar messaġġ straordinarju u li qatt ma kien instama’ qabel. Kulħadd kien jaf li min jgħix tajjeb Alla jħobbu. Imma issa dal-messaġġ se jidħol aktar fil-fond: Ġesu’ ġie biex jurina li l-bniedem se jidħol f’rapport ta’ mħabba mal-Missier Etern, rapport li ma jinħallx u m’għandu l-ebda kundizzjoni, għax l-ebda dnub jew nuqqas ma jista’ qatt ixaqqaq dan ir-rapport. L-ebda reliġjon oħra qatt ma pproklamat dan.
1. “Fil-bidu kien il-Verb.” Aħna mdorrijin insejħu lil Ġesu’ re, salvatur jew Bin Alla. Ġwanni jsejjaħlu ‘Verb’ kemm f’dan il-Vanġelu, fl-ewwel ittra tiegħu u anki fl-Apokalissi. “Verbum” (Latin) jew “Logos” (Grieg) tfisser “Kelma.” Nafu li din tfisser il-mod li biha aħna nikkomunikaw ma’ xulxin. Meta mbagħad inkun naf li t-tali persuna tħobbni, inkun fuq ix-xwiek biex nara dil-persuna x’messaġġ trid ittini. Issa f’dan ir-rapport li qed nitkellmu fuqu, m’huwiex xi ħabib kwalunkwe li jħobbni, imma Alla nnifsu, li jrid jikkomunika miegħi biex iħabbarli ħaġa straordinarja u sabiħa ħafna. Din għandha tkun il-kawża tal-ferħ kbir tiegħi dan il-Milied.
2. Alla kellem lill-bniedem matul iż-żminijiet: “Is-smewwiet jistqarru l-glorja t’Alla. Ix-xogħol ta’ jdejh iħabbar il-firmament.” (Salm19). Mhux kulħadd jilqa’ dal-messaġġ, imma dawk li jsibu ħin biex jikkontemplaw il-meravilji tal-ħolqien ikunu jistgħu jerfgħu ħsibijiethom lejn il-Ħallieq, kif kienu jħobbu jagħmlu n-nanniet tagħna, li ħafna minnhom trabbew fil-kampanja.
3. Alla kellem lill-bniedem permezz tal-profeti, nies sensibbli, kapaċi jidħlu f’sintonija mal- ħsibijiet t’Alla biex ikunu jistgħu jikkomunikawhom lill-aħwa. F’Ġesu’ din ir-rivelazzjoni laħqet il-milja tagħha, għax hu l-istess Alla tagħna li ġie jsir wieħed minna. Avolja tarbija fraġli, ġa qed ikellimna fuq Alla, u f’wiċċu ġa qed tiddi s-sbuħija t’Alla. Faċli li nemmen f’Alla ħallieq u li jista’ kollox, imma mhux faċli nemmen f’Alla li sar bniedem biex jiltaqa’ magħna u nkunu nistgħu mmissuh u ngħannquh, u biex jurina wiċċu mill-qrib u jgħidilna kemm iħobbna u x’se jkun id-destin tagħna. Aħna l-Insara biss nemmnu f’dan Alla li ħabbna tant li wasal s’hawn, i.e isir wieħed minna, u llum qed jiddi fit-tarbija ta’ Betlehem. Għalhekk jissejjaħ “verb” għax il-persuna kollha tiegħu tkellimna fuq is-sbuħija t’Alla. Il-bniedem ma jikkomunikax biss bil-kliem, imma wkoll bl-imġieba kollha tiegħu, il-mod kif jilbes u jiddandan (deheb, tatwaġġi, eċċ). Anki s-skiet risposta kull tant, kif ngħidu bil-Malti.
4. “Kulma sar kellu l-ħajja fih…..Id-dawl jiddi fid-dalm, imma d-dlam m’għelbux.” Ġesu ġie biex jegħleb id-dlam. Ulied id-dlam se jissieltu kontra d-dawl li twieled illum, imma mhux se jirnexxielhom jitfuh. L-ikbar dlam hu meta l-bniedem ipinġi lil Alla bħala sid tirann li jitlob minna sagrifiċċji tal-ħruq u ubbidjenza, inkella jibgħat kastigi ħorox. Dlam ieħor hu meta (a) xi wħud iqisu li huma mibgħuta minn Alla biex iqajmu gwerer f’ismu; (b) bniedem jittratta bniedem ieħor agħar minn bhima. Ġesu’ ġie biex jegħleb dan id-dlam kollu bid-dawl tiegħu.
5. “Raġel mibgħut minn Alla jismu Ġwanni.” Aktar ‘il quddiem Ġesu’ se jgħid lid-dixxipli tiegħu, “Intom id-dawl tad-dinja għax ilbistu d-dawl tiegħi. Minn issa ‘l quddiem kull min jara lilkom se jibda jara lili – id-dawl t’Alla li ġejt fid-dinja.” Dan id-dawl tant kien jiddi fil-Battista li kellu jagħmilha ċara li mhux hu l-Messija. Jiħtieġ li aħna wkoll inħallu dan id-dawl jiddi fina biex b’hekk kulħadd jinduna li Alla ġie jgħammar fostna.
6. “Ġie biex jixhed għad-dawl veru.” Ġesu ġie biex jurina l-verita’ (a) fuq Alla, biex b’hekk iħassar l-idejat żbaljati fuq Alla vendikattiv, li jikkastiga bla ħniena, eċċ; (b) fuq il-bniedem: biex wieħed ikun bniedem uman awtentiku jiħtieġ li jħobb lil kulħadd, kull ħin, anki l-għadu.
7. “Id-dinja m’għarfitux….imma dawk li jilqgħuh tahom is-setgħa li jsiru ulied Alla,” i.e. mhux biss se jkollhom il-ħajja bijoloġika biss imma wkoll dik Divina. Ġesu’ ġie jħabbrilna li l-Missier Etern tana bħala rigal il-ħajja eterna, il-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja bħal tiegħu.
8. “Il-Verb sar bniedem” bħalna, fraġli, suġġett għall-mewt, l-invisibbli isir visibbli, l-immortali isir mortali. L-imħabba infinita t’Alla għall-bniedem, wasslitu biex jasal s’hawn, u niżel sal-qiegħ nett billi sar ilsir u seftur tal-bnedmin, u ħa l-mewt tal-akbar mistħija. B’hekk inkunu nistgħu nikkuntemplaw l-identita’ ta’ Alla.
(Sors: fernando armellini/omelie)