Il-Caritas Europa twissi li l-kriżi attwali tal-għoli tal-ħajja fl-Ewropa qed ikollha konsegwenzi serji fuq ċittadini vulnerabbli, speċjalment ġenituri waħedhom (single parents), pensjonanti, żgħażagħ u refuġjati, li qed iġorru l-piż tal-inflazzjoni dejjem tikber u l-ispejjeż tal-enerġija.
B’kollaborazzjoni mal-Eurodiaconia, Caritas Europa ppublikat stħarriġ ġdid li jiżvela l-impatt sinifikanti tal-kriżi attwali tal-għoli tal-ħajja fuq il-kapaċità tan-nies li jkopru l-bżonnijiet bażiċi. Ir-riċerka rrappurtat l-aktar żidiet sinifikanti fin-nies li qed ifittxu appoġġ minn Caritas Franza, Caritas Finlandja, u l-Missjoni tal-Belt ta’ Stokkolma. Fl-Isvizzera, r-rapport enfasizza kif nofs l-40% addizzjonali tal-benefiċjarji huma dawk li qed jaħarbu mill-gwerra tal-Ukrajna.
Skont Maria Nyman, Segretarju Ġenerali tal-Caritas Europa, “Ġenituri waħedhom, nies bi sfond ta’ migrazzjoni u refuġjati” huma l-gruppi li qed isofru l-aktar konsegwenzi ħorox tal-kriżi attwali.
“Ġeneralment, dawn in-nies kienu diġa’ qed jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ faqar, u issa qed jiffaċċjaw sfidi miżjuda mal-isfidi li kellhom”.
Speċifikament, aktar minn 90% tal-ġenituri waħedhom li wieġbu ddikjaraw li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ faqar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet f’pajjiżhom. Kategorija oħra milquta ħafna kienet tal-anzjani, b’75% ta’ dawk intervistati qed iħabtu wiċċhom ma diffikultajiet ekonomiċi. “Sa mill-bidu tal-pandemija, rajna żieda fin-numru ta’ nies li qed jilħqu organizzazzjonijiet bħall-Caritas,” spjegat is-Sinjura Nyman. Bl-inflazzjoni, u l-prezzijiet kontinwament jiżdiedu, n-numru ta’ nies fil-bżonn qed jiżdied aktar.
“In-nies qed jiffaċċjaw sfidi biex ikopru l-aktar bżonnijiet bażiċi: jixtru l-ikel, iħallsu l-kera, u jsaħħnu djarhom”.
Aktar fid-dettall, l-istħarriġ jenfasizza kif aktar minn 80% ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ, qed jiffaċċjaw kwistjonijiet biex isaħħnu djarhom. “Bix-xitwa li ġejja, dan jirrappreżenta l-bidu tal-isfidi”, affermat is-Sinjura Nyman. “Dan huwa l-bidu ta’ xi ħaġa li l-konsegwenzi tagħha nistgħu narawhom aktar fix-xhur li ġejjin”.
Meta tkellmet dwar l-interventi mressqa mill-Caritas u l-Eurodiaconia, s-Segretarju Ġenerali rrimarkat għal tliet kuntesti li l-organizzazzjonijiet joperaw l-aktar fihom: “jipprovdu aktar ikel, aktar servizzi ta’ konsulenza, u xelters.”
Min-naħa l-oħra, “qed nippruvaw ukoll nindirizzaw kawżi strutturali sabiex inkunu nistgħu niżguraw li wkoll il-politika qed twieġeb u tagħti s-sehem tagħha biex tindirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet,” irrimarkat is-Sinjura Nyman.
“Bit-talbiet dejjem jiżdiedu lill-organizzazzjonijiet tagħna, jeħtieġ ukoll li jkollna l-opportunità li nkabbru”.
L-investiment fis-servizzi soċjali huwa meqjus bħala fattur essenzjali biex “tgħaqqad id-distakk bejn il-gvern u l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-nies bħalissa”, sostniet is-Sinjura Nyman. L-istituzzjonijiet, f’dan il-kuntest, għandhom sfida doppja, l-ewwelnett “b’appoġġ dirett”, u t-tieni, “li jiżguraw li l-organizzazzjonijiet bħall-Caritas qed jirċievu wkoll l-appoġġ biex jaqdu lir-rwol essenzjali tagħhom.”
“Is-servizzi essenzjali għandhom ikunu disponibbli aċċessibbli u affordabbli, biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet bażiċi.”
“Aħna nemmnu li dawn il-bżonnijiet soċjali jistgħu jiġu koperti wkoll permezz ta’ finanzjament”, temmet tgħid is-Sinjura Nyman, u semmiet xi wħud minnhom, bħall-Fond Soċjali Ewropew, jew il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza: “Kull persuna għandha d-dritt li tgħix fid-dinjità u tirċievi l-appoġġ li għandha bżonn”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2022-12/caritas-europe-cost-of-living-crisis-maria-nyman.html