Il-Ħamis, waqt li kien qed jindirizza lill-impjegati tal-Vatikan mal-familji tagħhom waqt l-awguri annwali tiegħu tal-Milied, il-Papa Franġisku ħeġġiġhom jiffaċċjaw id-diffikultajiet tal-ħajja bil-fidi, u jkunu artiġjani tal-paċi billi jibdew mill-familja tagħhom stess u l-postijiet tax-xogħol fi ħdan is-Santa Sede. Il-laqgħa saret fis-Sala Pawlu VI.
Il-Papa beda d-diskors tiegħu, billi rrimarka li lkoll għandna nuru gratitudni lejn Alla għax, bl-għajnuna tiegħu, għelibna l-fażi kritika tal-pandemija tal-COVID-19. Innota li malli l-affarijiet jitjiebu, għandna t-tendenza li ninsew li saħansitra nirringrazzjaw lill-Mulej. “Dan mhuwiex il-Kristjan u lanqas il-bniedem,” qal.
Il-Papa Franġisku nnota li, għalkemm din il-fażi kritika għaddiet, il-pandemija ħalliet il-marki tagħha: mhux biss f’termini materjali u ekonomiċi, iżda wkoll fuq il-ħajja u r-relazzjonijiet tan-nies. Għalhekk awgura lill-familji kollha “s-serenità” li, qal, “ma tfissirx li kollox sew”, imma serħan tal-moħħ meta niffaċċjaw il-problemi jew d-diffikultajiet.
Il-Qdusija Tiegħu rrimarka li din is-serenità tingħatalna mill-fidi tagħna f’Alla u billi nafdaw ruħna fl-għajnuna tiegħu, bħalma għamlu Marija u Ġużeppi meta welldu lil Ġesù f’Betlehem.
“Nawguralkom dan: li kull wieħed u kull waħda minnkom ikollkom fidi f’Alla u li fil-familji jkun hemm is-sempliċità li tafdaw lilkom infuskom fl-għajnuna Tiegħu, li titolbuh u li tirringrazzjawh.”
Il-Papa awgura s-serħan tal-moħħ, speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ li ġew affettwati b’mod partikolari mill-għeluq u l-limitazzjonijiet imposti mill-kriżi tal-COVID-19.
It-tieni xewqa li esprima l-Papa Franġisku kienet li lkoll inkunu “xhieda u artiġjani tal-paċi”. “F’dan il-mument fl-istorja tad-dinja, aħna msejħin biex inħossu b’mod aktar qawwi r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u kull waħda minna li nagħmlu l-parti tagħna biex tinbena l-paċi”, qal, filwaqt li nnota li din ir-responsabbiltà hija partikolarment rilevanti għal dawk li jaħdmu għas-Santa Sede.
Imbagħad il-Papa sejjaħ lill-impjegati tal-Vatikan biex ikunu bennejja tal-paċi, u li jibdew mill-familji tagħhom stess u mill-ambjent li jgħixu u jaħdmu fih. Mod wieħed kif tagħmel dan huwa li tevita z-zekzik, u li titkellem “minn wara dahar in-nies”. Jekk hemm xi ħaġa ħażina, qal, għandna minflok inkunu “onesti u sinċieri”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-12/pope-to-vatican-employees-confide-in-the-lord-and-build-peace.html