VIŻTA PASTORALI F’PADOVA
QUDDIESA FIL-BAŻILIKA TA’ SANT’ANTNIN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Padova,
12 ta’ Settembru 1982
Maħbubin konfratelli tal-Komunità Franġiskana,
U intom ilkoll, għeżież ħuti.
1.Inqis barka speċjali tal-Mulej li nistà ngħaqqad f’din l-għodwa t-talb tiegħi ma’ tagħkom, bħala għeluq ideali taċ-ċelebrazzjonijiet sollenni organizzati tul is-sena l-oħra, għas-750 anniversarju tal-mewt ta’ Sant’Antnin. Irrid nirreferi ruħi minnufih għal dik in-nota partikolari li tippreżenta ruħha bħala kostanti fl-istorja bijografika ta’ dan il-Qaddis, u li tiddistingwih b’mod ċar fil-panorama għalkemm tant vasta u kważi interminata tal-qdusija nisranija. Antonju – intom tafu tajjeb – fl-ark kollu tal-eżistenza terrena tiegħu kien bniedem evanġeliku; u jekk bħala tali aħna nonorawh dan hu għax nemmnu li fih strieħ b’effużjoni speċjali l-Ispirtu tal-Mulej, waqt li għanieh bid-doni tal-għaġeb tiegħu u waqt li ħeġġu “minn ġewwa” biex jidħol għal azzjoni li, notevolissma tul l-erbgħin sena ta’ ħajja, mhux talli ma ntemmitx fiż-żmien imma, għadha tkompli, vigoruża u providenzjali wkoll f’jiemna.
Waqt li nindirizza t-tislima ta’ mħabba lil dawk li issa tinsabu miġbura madwar l-altar, nistedinkom qabel xejn biex timmeditaw fuq in-nota tal-evanġeliċità, li tikkostitwixxi wkoll ir-raġuni li Antonju huwa pproklamat “il-Qaddis”.
Mingħajr ma nagħmel esklużjonijiet jew preferenzi, dan huwa sinjal li fih il-qdusija laħqet qċaċet ta’għoli eċċezzjonali, billi mponiet ruħha fuq kulħadd bil-qawwa tal-eżempji u billi tat lill-kult tiegħu l-espansjoni massima fid-dinja. Fil-fatt, huwa diffiċli li ssib belt jew pajjiż fid-dinja kattolika, fejn mhemmx talinqas altar jew xbiha tal-Qaddis: Ix-xbiha serena tiegħu ddawwal bi tbissima ħelwa miljuni ta’ djar insara, li fihom il-fidi titma, permezz tiegħu, it-tama fil-Providenza tal-Missier ċelesti. Il-kredenti, speċjalment dawk umli u indifiżi, iqisuh u jħossuh bħala l-Qaddis tagħhom: lest dejjem u qawwi interċessur favur tagħhom.
2. “Exsulta, Lusitania felix; o felix Padua, gaude”, intenni flimkien mal-predeċessur tiegħi Piju XII (cf. AAS 38 [1946] 200): ifraħ, art nobbli tal-Portugal, li fost il-lista numeruża tal-missjunarji kbar Franġiskani tiegħek għandek quddiemnett lil dan ibnek. U aqbeż bil-ferħ int, Padova: mal-glorji tal-oriġni Rumana tiegħek, anzi pre-Rumana, mal-glorji tal-istorja tiegħek qrib il-viċina u ħabiba Venezia, inti żżid it-titolu nobilissmu li tgħasses, bil-qabar glorjuż tiegħu, it-tifkira ħajja u tbaqbaq ta’ Sant’Antnin. Minnek, infatti, ismu nfirex u jidwi llum ukoll fid-dinja għal dik in-nota partikolari, diġa minni mfakkra: il-ġenwinità tal-profil evanġeliku tiegħu.
Qasam wiesà, li fih esprimiet bl-aħjar mod tali evanġelità ta’ Sant’Antnin, kien bla dubju dak tal-predikazzjoni sagra. Hawn appuntu, fl-aħbar għarfa u qalbiena tal-Kelma ta’ Alla insibu wieħed mill-fatturi ewlenin tal-personalità tiegħu: kienet l-attività indefatikabbli ta’ predikatur, flimkien mal-kitbiet tiegħu, li huwa mmerita t-titlu ta’ “Doctor Evangelicus” (cf. Ivi. 201).
“Kien jgħaddi – jinnota l-bijografu – minn bliet u kastelli, irħula u kampanji, kullimkien ixerred iż-żrieragħ tal-ħajja b’abbundanza ġeneruża u b’passjoni mħeġġa. F’dan il-ġiri ‘l hawn u ‘l hinn tiegħu, kien jiċħad kull mistrieħ minħabba ż-żelu tal-erwieħ u b’passjoni . . .” (Vita prima o Assidua, 9, 3-4).
Ma kinitx il-predikazzjoni tiegħu retorika jew limitata dwar eżortazzjonijiet biex tgħaddi ħajja tajba; hu kellu f’moħħu li jħabbar tassew il-Vanġelu, għax kien jaf sewwa li kliem Kristu ma kienx bħal kliem ieħor, ma jippossedix qawwa li tippenetra lis-semmiegħa. Għal snin twal kien iddedika ruħu għall-istudju tal-Iskrittura, u propju din it-tħejjija kienet tippermettilu li jxandar lill-poplu l-messaġġ tal-fidwa b’qawwa eċċezzjonali. Id-diskorsi tiegħu mimlijin nar kienu jogħġbu lin-nies, li kienu jħossu bżonn intimu li jisimgħuh u ma kienx jirnexxilhom, imbagħad, li jaħarbu mill-qawwa spiritwali ta’ kliemu.
Wieħed għalhekk jistà jgħid, li għall-istil evanġeliku, propju tad-dixxiplu pellegrin minn belt għal belt biex iħabbar il-konverżjoni u l-penitenza, kien jikkorrispondi l-kontenut evanġeliku: imħarreġ tant fl-istudju tal-Iskrittura li l-Papa Girgor IX kien issuġġerixxa għalih il-laqam ta’ “arka tat-Testment”, kienet fuq kollox id-duttrina pura ta’ Ġesù Kristu li hu kien jerġà jipproponi fil-predikazzjoni lill-bnedmin ta’ żmienu.
3. Mal-ministeru tal-kelma Antonju kien jaf iżid, waqt li juri l-istess żelu, l-amministrazzjoni tas-sagrament tal-Penitenza. Kbir fuq il-pulptu, huwa ma kienx inqas kbir fid-dell tal-konfessjonarju, billi kien jgħaqqad dak li minħabba loġika soprannaturali għandu jkun u jibqà magħqud. Predikazzjoni u ministeru tal-qrar, infatti, jsibu ruħhom bħal żewġ waqtiet ta’ attività pastorali li timmira għall-istess skop: il-predikatur l-ewwel jiżra l-kelma tal-verità, jivvalutaha bix-xhieda personali u bit-talb: u hu stess jiġbor imbagħad il-frott bħala konfessur, meta jirċievi l-erwieħ sinċerament niedma u joffrihom, għall-maħfra u l-ħajja, lil Missier il-ħniena.
Faċli u naturali kien għal Antonju l-passaġġ minn ministeru għall-ieħor: diġa waqt li jippriedka huwa kien spiss jitkellem dwar il-qrar. Bħal ma jixhdu l-“Priedki” tiegħu, fejn huma rari l-paġni li fihom mhemmx xi aċċenn. Imma ma kienx jillimita ruħu għall-eżaltazzjoni tal-“virtujiet” tal-qrar, linqas għar-rakkomandazzjoni biss lis-semmiegħa tiegħu biex jiffrekwantawh. Waqt li kien jattwa personalment kliemu ta’ tħeġġiġ, kien ferm regolari biex jamministra s-Sagrament. Kien hemm jiem li fihom Antonju kien jistqarr bla ma jaqtà sa tmiem il-jum, mingħajr ma jiekol. Nafu, barra minn dan, li “hu kien immotivat li jqarar d-dnubiet ta’ folla hekk kbira ta’ rġiel u nisa, li ma kinux lesti li jisimgħuhom la l-patrijiet u linqas s-saċerdoti l-oħra li fi grupp mhux żgħir kienu jakkumpanjawh ” (cf. Vita Prima o Assidua, 13, 13).
Tassew għalih, skont kliemu stess, “dar Alla” u “bieb tas-sema” kien il-qrar f’viżjoni ta’ fidi hekk ħajja, li l-aspett sagramentali u kanoniku (tant approfondit tat-tejoloġija medjevali) kien jimponi bħala quċċata l-laqgħa ta’ mħabba mal-Missier ċelesti u l-esperjenza konfortanti tal-maħfra ġeneruża tiegħu.
Fid-dawl ta’ Antonju ministru tas-sagrament tal-Qrar, kif nistà ma niftakarx f’din il-belt ta’ Padova reliġjuż ieħor tal-familja Franġiskana, il-Beatu Leopoldu Mandic minn Castelnuovo, l-umli u sieket kapuccin li, fir-riservatezza taċ-ċella tiegħu tal-kunvent ta’ Santa Croce, kien għal għaxriet ta’ snin ministru tal-qrar, li daħħal bis-sagrament tal-maħfra paċi u serenità f’numru bla għadd ta’ persuni ta’ kull età u kondizzjoni?
4. Dawn huma eżempji eminenti li dwarhom qiegħed nitkellem, għeżież ħuti, li qegħdin tisimgħuni. Imma billi ninsab fit-tempju li minn Antonju ħa ismu, ippermettuli li, qabel ma ndur lejn il-Lajċi, indur b’mod speċjali lejkom, reliġjużi, li hawn tieħdu ħsieb dawn il-ministeri “ex officio”, u wkoll lejkom, saċerdoti dijoċeżani ta’ Padova u tal-Veneto.
Predikazzjoni u Penitenza: Hawn hu binomju kbir ta’ matriċi evanġelika, li mill-prattika mdawla ta’ Antonju lilkom ukoll tirriproponi ruħha, billi hija għal kollox valida u urġenti għal jiemna, minkejja li huma tant differenti minn ta’ żmienu. Jitbiddlu ż-żminijiet, jistgħu jitbiddlu, u fil-fatt jitbiddlu skont l-indikazzjonijiet għorrief tal-Knisja, metodi u forom tal-azzjoni pastorali: imma l-prinċipji fundamentali tagħha, u b’mod speċjali, l-ordinament sagramentali jibqgħu ma jinbidlux, bħalma ma jinbidlux in-natura u l-problemi tal-bniedem, krejatura li tinsab fil-quċċata tal-ħolqien divin, għalkemm dejjen esposta għall-possibiltà drammatika tad-dnub. Dan ifisser li wkoll għall-bniedem tallum jinħtieġ tixxandar, bla bidla fil-kontenut tagħha, il-kerigma tas-salvazzjoni (hawn hi l-predikazzjoni); ukoll għall-bniedem midneb jeħtieġ li jkun offrut illum l-istrument-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (hawn hu l-qrar). Insomma. Tibqà issa issa meħtieġa l-attività tal-evanġelizzazzjoni fid-direzzjoni doppja tax-xandir u tal-offertà tas-salvazzjoni.
Iċ-ċelebrazzjonijiet antonjani mhux se jkunu biss kommemorazzjoni, jekk fikom ilkoll saċerdoti, sekulari jew regolari, tiżviluppa ruħha l-kuxjenza ta’ dawn iż-żewġ ministeri essenzjali u prezzjużi, u jekk fikom lajċi tikber ix-xewqa, anzi l-bżonn li tapprofittaw ruħkom għall-progress spiritwali tagħkom. Mhuwiex jewwilla veru li tant drabi qrara tajba tqiegħed lilha nfisha f’dan l-istess process bħala punt tat-tluq jew tal-wasla? Dan kollu – innutaw – dejjem fil-linja evanġelika tal-penitenza-konverżjoni.
Jekk Alla jrid, fil-Ħarifa tas-sena li ġejja, se tinżamm sessjoni oħra tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li se tkun iddedikata għall-penitenza u għar-rikonċiljazzjoni. Wara t-temi kbar tal-evanġelizzazzjoni, tal-katekeżi u tal-familja, dehret opportuna l-eżaminazzjoni taħt l-aspetti kollha tagħha, mhux l-aħħar dak pastorali-sagramentali, dan l-argument gravi li jimpenja għal tant parti kbira l-ħajja u l-azzjoni tal-Knisja fid-dinja.
Meta wieħed iqis tali ġrajja ekkleżjali, fid-dawl taċ-ċentinarju Antonjan, lilkom ilkoll hawn preżenti jiena ngħid biex tirriflettu dwar dan id-don ineffabbli (li ma jistax jitfisser bil-kliem) tar-Rikonċiljazzjoni: inħeġġeg lis-saċerdoti biex ikunu dejjem ministri żelanti tagħha (cf. 2 Kor 5, 18-19), bħal ma nħeġġeġ lill-fidili boiex ikunu dejjem disponibbli u doċli: “Ħallu lilkom infuskom tirrikonċiljaw ma’ Alla” (2 Kor 5, 20).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb