Ġwanni Pawlu II f’Albano Laziale

VIŻTA PASTORALI LID-DIJOĊESI TA’ ALBANO LAZIALE
QUDDIESA FIL-PJAZZA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Albano Laziale,
19 ta’ Settembru 1982

1. “Jgħid il-Mulej: «Jien is-salvazzjoni tal-poplu tiegħi»” (Ant. ad introitum).

Nixtieq intenni dan il-kliem tal-Liturġija tallum waqt li niltaqà magħkom, għeżież ħuti:  magħkom fil-preżrnza tal-Kardinal Francesco Carpino, saċerdot titular tal-Knisja suburbikarjana ta’ Albano, u tal-Isqof il-ġdid ta’ Albano, Monsinjur Dante Bernini.. Magħkom saċerdoti, reliġjużi irġiel u reliġjużi nisa. Magħkom, ġenituri u miżżewġin. Magħkom, batuti minħabba x-xjuħija. Magħkom, għeżież morda. Magħkom maħbubin żgħażagħ. Magħkom, għeżież tfal. Ma’ kulħadd.

Nixtieq li din il-laqgħa tikkostitwixxi espressjoni tal-istedina, li biha Alla jsejħilna b’mod kostanti permezz tal-Vanġelu, u espressjoni tal-verità li l-Mulej huwa s-salvazzjoni tal-poplu tiegħu.

2. Tali stedina u tali verità jinsabu miktuba b’mod profond fl-istorja ta’ din l-art. Għaddew bosta sekli minn mindu l-Appostli Pietru u Pawlu wasslu Ruma l-“bxara t-tajba” tas-salvazzjoni u ndirizzaw lin-nies ta’ dak iż-żmien l-istedina biex jikkonvertu biex f’ruħhom ikunu jistgħu jilqgħu l-qawwa riġenitriċi tal-Vanġelu. Ix-xhieda tal-ikbar żewġ ħabbara tal-fidi – xhieda ttimbrata bid-demm – qanqlet Komunità ta’ kredenti, li l-persekuzzjonijiet, minflok ma fgaw, ikkawżaw li jespandu.

Kien għalhekk li l-eku ta’ dik l-istedina feddejja setgħet taqbeż il-ħitan tal-Belt u tilħaq il-kampanji tal-qrib, billi sabet fost il-popolazzjonijiet taċ-ċentri ġirien qlub ġenerużi ferm iktar disposti. B’dan il-mod nibtu Komunitajiet oħra ta’ nsara żelanti, li kkultivaw irbit speċjali ta’ komunjoni mas-Sedja Rumana, li minnha rċivew dawl u orjentament u li lilha offrew fejn setgħu s-sosten u l-għajnuna tal-aħjar enerġiji tagħhom. Għal tali Knejjes, imferrxa fir-reġġjun li jestendi ruħu bejn il-baħar u l-għoljiet Lazjali, il-viċinanza ġejografika għal Ruma saret reġġjun ta’ viċinanza spiritwali għal kollox partikolari.

Mal-passaġġ taż-żmien, l-Isqfijiet maħtura għalihom sabu ruħhom iwettqu l-funzjonijiet tal-ewwel kollaboraturi tal-Papa fis-servizz lill-Knisja Universali. Storikament, anzi, jixraq li jkun imfakkar li t-titulari ta’ dawn is-Sedji, flimkien mal-oħrajn membri tas-superjuri kbar tal-Kleru Ruman, kienu msejħin biex jikkostitwixxu l-kulleġġ tal-“Kardinali tal-Knisja Mqaddsa Rumana”, li lilhom kien imiss id-dritt li jeleġġu, wara l-mewt tal-Papa, is-suċċessur leġittmu.

Bħala kumpliment għal passat kemm glorjuż, il-Papa Ġwanni XXIII ried jagħti iktar dinjità u prestiġju lis-“Sedji suburbani” billi stabilixxa li, barra minn Kardinal titulari, huma jkollhom Isqof residenzjali tagħhom, li jieħu ħsieb b’dedikazzjoni sħiħa l-esiġenzi pastorali li joħorġu mis-sitwazzjonijiet ġodda tallum.

Jekk jistaqsuna liema kien is-servizz mogħti minn dawn il-Knejjes għall-istedina li Alla għamlilhom, u għadu jagħmlilhom issa, lill-umanità li għandha bżonn is-salvazzjoni, it-tweġiba tidher ċara: kien servizz singulari, li qabeż bil-kbir il-fruntieri ġeografiċi li fihom jimxu l-fidili tad-diversi Komunitajiet dijoċeżani, u   nfirex, permezz ta’ kollaborazzjoni stretta mas-suċċessur ta’ Pietru, għall-Knejjes kollha ħutna, mferrxa mad-dinja. U huwa propju dan l-irwol partikolarissmu, riservat fil-pjan ta’ Alla għal dawn il-Knejjes mifruxa madwar id-dijoċesi ta’ Ruma bħal girlanda manifika, li jindikawha għall-qima u għall-imħabba ta’ dawk kollha li fis-Sedja Rumana jaraw iċ-ċentru tal-komunjoni kattolika.

3. Fost dawn il-Knejjes, li l-Providenza ippremjat bi dmir partikolari, hemm ukoll din tagħkom, għeżież fidili tad-dijoċesi ta’ Albano. Liema u kemm huma r-rabtiet li jorbtu l-Belt tagħkom ma’ dik ta’ Ruma! Il-ħsieb tiegħi imur f’dan il-waqt għall-irbit ta’ karattru ekkleżjali li huwa mxeblek sa mill-qedem bejn iż-żewġ Komunitajiet insara.

Il-Liber Pontificalis ifakkar li l-Imperatur Kostantinu “fecit Basilicam in civitate Albanensi sancti Iohannis”, “bena fil-belt ta’ Albano Bażilika ddedikata lil San Ġwann” (Liber Pontificalis, ed. Duchesne, I, p. 184). Bażilika, mela, oħt l-Arċibażilika Lateranensi, li l-istess Imperatur kien ġiegħel li tinbena f’Ruma, iddedikata lil San Ġwann Battista.

Mis-seklu IX San Pankrazju ġie jagħmel kumpanija lill-Prekursur fit-titolarità tal-Knisja Katidral tagħkom u rabta ġdida b’dan il-mod żdiedet ma dawk diġa eżistenti: it-tradizzjoni ta’ Qaddis Ruman, li lejh il-popolazzjoni ta Albano għadha żżomm ukoll illum devozzjoni sinċiera u profonda.

Kif nistgħu ma nenfasizzawx li żewġ Isqfijiet ta’ Albano telgħu fuq il-Katedra ta’ Pietru: Adrijanu IV, fit-XII-il Seklu u Ljun XI fil-bidu tas-XVII? Il-Papiet, min-naħa tagħhom, juru sa miż-żminijiet antiki juru rieda tajba partikolari għal din il-Belt: Jewwilla mhux għall-ġenerożità tagħhom il-bini u t-tiżjin ta’ wħud fost l-isbaħ tempji li jżejnu ċ-ċentru u l-madwar?

Aħna fid-dmir li nsemmu wkoll l-għajnuna prezzjuża li ħafna Isqfijiet ta’ Albano offrew lis-Sedja Apostolika, billi akkwistaw id-dritt għall-għarfien tal-Papiet u tal-Knisja kollha. Fosthom kollha nieħu gost infakkar lil San Bonaventura, wieħed mill-ikbar Dutturi tal-Knisja, li kien Isqof ta’ Albano fit-tieni nofs tas-seklu XIII.

Mhemmx forsi f’din l-għana kollha ta’ dati storiċi prova evidenti tal-preżenza ta’ Alla fil-mixja li l-Komunità tagħkom mxiet tul il-liwi tas-sekli? Alla kompla jidwi minn ġenerazzjoni għal oħra fil-widnejn tal-Albanensi – u permezz tagħhom għal tant oħrajn – l-aħbar ferrieħa: “Jiena s-salvazzjoni tal-poplu tiegħi”.

4. Din l-istess aħbar għandha tidwi wkoll illum fil-Komunità kostitwita miċ-ċittadini attwali ta’ Albano u jiġifieri minnkom, għeżież ħuti.

Is-sitwazzjoni tallum tad-dijoċesi nbidlet b’mod notevoli rispett għall-imgħoddi. Biżżejjed biex nuruh ir-referenza għal sempliċi data statistika: l-abitanti tad-dijoċesi, li fl-1951 kienu madwar 97,000, jissuperaw issa it-300,000; u dan huwa numru li fil-perijodu estiv kważi jittriplika ruħu.

Barra minn din id-data esterna, iżda, hemm, iktar fil-fond, il-bidla deċiżiva kkawżata fil-kuntest soċjali tal-iżvilupp industrijali li ta, jibda mis-snin sittin, wiċċ ġdid lill-ekonomija taż-żona, qabel prinċipalment agrikola u issa kkaratterizzata mill-insedjament ta’ mijiet ta’ fabbriki. L-ewwel konsegwenza ta’ tali bidla immanifestat ruħha fl-isplużjoni demografika: l-immigrazzjoni massiċċa ta’ persuni u ta’ nukleji familjari minn kull naħa tal-Italja ma nfluwenzatx biss liċ-ċentri urbani antiki biss, imma ħolqot saħansitra ċentri ġodda,waqt li bidlet irħula żgħar rurali fi bliet veri u propji.

Dan huwa moviment demografiku imponenti, li l-effett tiegħu fuq il-pjan reliġjuż, kulturali u soċjali għad irridu nesplorawh fil-parti kbira tiegħu. Il-persuni mmigrati, maħsuda minn arthom tal-oriġini u minn drawwiet ta’ ħajja antiki u stabbiliti, iġorru fl-ambjent il-ġdid tradizzjonijiet u valuri li huma ddestinati, fin-nuqqas ta’ punti sikuri ta’ riferenza, li jċedu u jisparixxu fil-konfront tal-invażjoni ta’ mudelli kulturali barranin.

Il-problemi li jinkwetaw lir-ragħaj tal-erwieħ huma mhux ftit u mhux żgħar. F’dawn is-snin sar ħafna xogħol, taħt il-gwida ta’Isqfijiet żelanti bħal Monsinjur Macario u Monsinjur Bonicelli, biex inwieġbu b’inizjattivi pastorali adegwati għall-esiġenzi l-ġodda li mponiet s-sitwazzjoni mibdula. Ninqeda bil-qalb kollha b’din iċ-ċirkustanza biex ngħaddi rikonoxximent xieraq lil dawn ir-Rgħajja denji  li jinsabu hawn illejla; u nieħu gost ukoll nestendi l-apprezzament tiegħi  u t-tislima speċjali tiegħi lill-Eminentissmu Kardinal Carpino, li ma naqasx li joffri b’ħafna modi lill-Knisja li tagħha huwa sosten u appoġġ titolari.

Bosta ħwejjeġ saru fis-snin li għaddew, imma fadal bosta oħra xi jsiru biex inwasslu lil kulħadd l-aħbar liberatorja li smajna fil-Liturġija tallum: “Jgħid il-Mulej: Jiena s-salvazzjoni tal-poplu tiegħi”. Hija l-Knisja kollha ta’ Albano, miġbura madwar l-Isqof ġdid tagħha, li trid tidwi din l-aħbar tas-salvazzjoni. Waqt li nawgura awgurju kordjali ta’ ministeru fertili lill-Monsinjur Dante Bernini li għadu kemm beda s-servizz tiegħu f’din id-dijoċesi tant għal qalbi, nindirizza lilkom ilkoll- sacerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u Lajċi – stedina sħuna għall-impenn tal-aħbar u tax-xhieda, tal-kelma u tal-ħajja.

Biex niżvolġu opra effikaċi ta; evanġelizzazzjoni huwa ndispensabbli li l-komponenti ekkleżjali kollha jippreżentaw ruħhom magħqudin bejniethom bir-rabta ta’ dik il-karità li għandha s-sors ibaqbaq fil-Qalb ta’ Kristu. Fid-dinja tallum l-azzjoni tagħkom, għeżież ħuti, ikollha effett u tikseb frott jekk tidher espressjoni ta’ missjoni unika, minkejja li fil-varjetà għanja tal-kariżmi. B’dan il-motto: “Ħafna kariżmi, missjoni waħda” intom ippreżentajtu ruħkom lili fil-laqgħa tas-sena l-oħra f’Gastel Gandolfo. Dan il-motto jiena nergà naqbdu issa, biex indur ħalli nafdah lilkom bħal kelma ta’ amar u bħala konsinna speċifika. Impenjaw ruħkom biex tgħixu fil-milja l-komunjoni ekkleżjali.

Din se tkun x-xhieda ta’ ħajja migħuxa bl-aħjar garanzija għall-aħbar li tant ħutna jistennew illum minnkom: “Jgħid il-Mulej: Jiena s-salvazzjoni tal-poplu tiegħi”.

5. Inħossni marbut, b’rabta ta’ viċinanza partikolari, mad-dijoċesi ta’ Albano. Ingħatali li nqattà hawn (f’Castel Gandolfo) diversi ġimgħat fis-sena. Hawn, flimkien magħkom u mal-pellegrini, li jaslu għal din iċ-ċirkustanza minn diversi partijiet tal-Italja u tad-dinja, nimmedita l-Ħdud kollha fl-okkażjoni tat-talba tal-Angelus dwar il-Kelma ta’ Alla offruta lilna fil-liturġija tal-Ħdud.

Illum din il-Kelma donnha kważi tirriferi għall-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib li bħal ukoll il-Kommemmorazzjoni tal-Beata Verġni Addolorata – kienet iċċelebrata l-ġimgħa li għaddiet. Fil-Vanġelu nisimgħu l-kliem: “Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh; imma la darba jkun maqtul, wara tlett ijiem, jerġà jqum mill-imwiet” (Mk 9, 31). L-ewwel qari u s-Salm responsorjali għandhom ukoll il-karattru tal-passjoni.

Bdanakollu l-kliem ippronunzjat minn Kristu ma kienx mifhum: “Huma iżda ma fehmux dan il-kliem u beżgħu jitolbuh spjegazzjoni” (Mk 9, 32) – iżda “għal għonq it-triq . . . kienu ddiskutew bejniethom, minn kien l-ikbar” (Mk 9, 34).

Allura Ġesù “sejjaħ lit-Tnax u qalilhom: Jekk wieħed irid ikun l-ewwel, għandu jkun l-aħħar fost kulħadd u l-qaddej ta’ kulħadd” (Mc 9, 35).

Kristu jerġa lura għal din l-istedina lejlet il-passjoni, meta ħasel riġlejn l-Appostli.

U jien, waqt li ntemm din ir-riflessjoni tiegħi quddiem il-Knisja Katidral ta’ Albano, nixtieq nawgura lilkom ilkoll, għeżież ħuti, li tħobbu dan is-servizz li għalih isejħilna Kristu l-Mulej. Jaqdi l-Papa u l-Isqof! Jaqdu s-saċerdoti! Ir-reliġjużi rġiel u r-reliġjużi nisa! Il-ġenituri u ż-żgħażagħ! Il-morda u dawk b’saħħithom! Kulħadd!

F’dan is-servizz nisrani reċiproku titwettaq ħajjitna bħala l-vokazzjoni li biha Kristu sejħilna permezz tal-Vanġelu, għall-akkwist tas-salvazzjoni tiegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading