Ġwanni Pawlu II fi Brescia

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FI BRESCIA
QUDDIESA FIL-CAMPO MARTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Brescia,
26 ta’ Settembru 1982

1. “Il-liġi tal-Mulej hija perfetta, / isserraħ ir-ruħ; / ix-xhieda tal-Mulej hija ġenwina, / lis-sempliċi tirrendih għaqli . . . /il-biżà tal-Mulej huwa pur, jibqà għal dejjem: / il-ġudizzji tal-Mulej huma kollha fidili u ġusti” (Sal 18 [19], 8-10).

Pawlu VI, bin din l-art u din id-dijoċesi, matul ħajtu xehed għal-liġi tal-Mulej u għall-Għerf ta’ Alla. Dawn saħħewlu ruħu matul il-pellegrinaġġ terren li beda f’Concesio fis-26 ta’ Settembru 1897, jiġifieri 85 sena ilu, u ntemm fis-16 ta’ Awissu 1978 fis-Sedja ta’ Pietru.

Illum, waqt li żort din il-belt u il-Knisja li hemm fi Brescia, nixtieq niżżi ħajr, flimkien magħkom, lit-Trinità Qaddisa li tatna lil Pawlu VI. Nistieq niżżiha ħajr f’din id-dijoċesi, li fiha huwa beda ħajtu terrena, u f’din il-Knisja li bil-ministeru tagħha hu sar nisrani fis-Sagrament tal-ilma u tal-Ispirtu Santu.

Ilni żmien nixtieq niġi hawn, hekk bħalma ngħatali li nżur il-postijiet tat-twelid ta’ Ġwanni Pawlu I, u mbagħad dawk ta’ Ġwanni XXIII fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju ta’ twelidu. Xtaqt b’mod imħeġġeġ li niġi f’din il-bejta li minnha l-Providenza Divina sejħet lil Pawlu VI, ukoll għaliex lil dan il-Papa, li għalija ma kienx biss predeċessur, imma Missier fis-Sedja tal-Isqof ta’ Ruma, jgħaqqadna rbit speċjali. Waqt li ninsab hawn illum, nixtieq nuri l-ferħ tiegħi f’nofskom u flimkien magħkom, li ġustament tħossukom marbutin b’mod speċjali mal-Kocittadin kbir tagħkom.

Hekk hu, Pawlu VI ħabb il-Liġi tal-Mulej u dak l-Għerf, li jagħmel lill-bniedem sempliċi u umli u, fl-istess ħin kbir. Hekk hu, huwa kien, skont il-kliem tal-liturġija tallum, il-bniedem tal-biżà ta’ Alla: biżà li “huwa pur u jibqà għal dejjem”. “Il-ġudizzji tal-Mulej” li “huma kollha fidili u ġusti”, diġa twettqu fuqu. Diġa jgħix f’Alla, fl-eternità divina, hu li ngħatalu li jieħu fuqu x-xhieda tal-Appostli u li jwettaq il-missjoni l-kbira, afdata lilu mill-Mulej.

2. Brescia, art twlid Pawlu VI, hija sedja ta’ istituzzjonijiet kulturali rilevanti ta’ ispirazzjoni kattolika. Biżżejjed wieħed jaħseb dwar id-djar editriċi li hawn twaqqfu u għall-pubblikazzjonijiet u l-inizjattivi rriklamati minnhom.

Ippermettuli li ndur propju lejn dan l-ambjent kulturali bil-kliem stess tal-Koċittadin meqjum tagħkom: “Il-kultura – huwa kien jgħid – hija maturazzjoni umana, hija tkabbir minn ġewwa, u akkwist skwiżitament spiritwali; kultura  hija elevazzjoni tal-fakultajiet l-iktar nobbli li Alla  Ħallieq ta lill-bniedem, biex jagħmlu bniedem, biex jagħmlu iktar bniedem, biex jagħmlu iktar jixbħu!” (Insegnamenti di Paolo VI, XIII [1975] 655). U f’ċirkustanza oħra qal: “Min iktar mill-Appostli ta’ Alla Inkarnat ikkontribwixxa, tul is-sekli, biex jgħolli l-popli, biex jirrivelarhom, minbarra l-kobor ta’ Alla, id-dinjità propja tagħhom?” (Ivi., III [1965] 811).

Mhumiex għajr żewġ kwotazzjonijiet qosra: imma kif jistà dak li jkun ma jammirax fihom iċ-ċarezza mdawla li biha l-Papa Pawlu għaraf jara kemm il-funzjoni essenzjali tal-kultura, kif ukoll il-kontribut speċifiku li bih żejjinha l-Kristjaneżmu tul il-korsa tas-sekli?

B’dan il-kliem ta’ Pawlu VI nixtieq għalhekk insellem, wara 85 sena mit-twelid, lill-Belt tiegħu, l-ambjent tal-kultura, li  lilu dan il-Papa kbir jaf l-ewwel snin tat-tagħlim tiegħu.

L-edukazzjoni fl-iskola kompliet l-opra fundamentali mwettqa, fil-ħajja taż-żagħżugħ u tan-nisrani, mill-ġenituri u mill-familja. Ippermettuli li nfakkar lilhom ukoll illum, bil-qima u gratitudni l-iktar profonda.

3. Brescia, art l-oriġni ta’ Pawlu VI, hija belt tax-xogħol u tal-industrija. Nixtieq li lil dan l-ambjent ikellmu hu stess bl-espressjonijiet mimlijin fidi u ispirazzjoni, li bihom kien indirizza fl-1964 lill-ħaddiema u lill-mexxejja tal-ENEL ta’ Brescia: “Tistgħu tifhmu . . . s-sinifikat ta’ edifikazzjoni u għajnuna mutwa, li għandu x-xogħol, bħala komunjoni ta’ rieda u ta’ mħabba, li taqdi lil ħutek, fil-viżjoni ferm wiesà tas-servizz dovut lil Alla, u minnu ordnat għall-ġid ta’ kulħadd. Ħadd mhu inutli f’dan il-korp kemm-il darba organizzat sewwa, m’għandu jaħrab mir-responsabiltà tiegħu, li, magħquda ma’ dik tal-oħrajn, toffri kontribut insostitwibbli lill-progress komuni.

Kulħadd għandu xiħaġa x’jagħti, u xiħaġa x’jirċievi, u kulħadd huwa msejjaħ biex jirregala lilu nnifsu billi jivvalorizza ir-riżorsi u t-talenti propji, u billi juzahom tajjeb. U biex sabiex dak li jkun ma jitlifx minn quddiem għajnejh il-fini suprem, li għalih Alla jsejħilna, hawn hu l-ħsieb kostanti tas-sema, li għandu jsostni u jinnobilizza kull attività umana, u jispira għal skopijiet nobbli u qaddisa: dan huwa d-destin uman, indikat mir-rieda ta’ Alla” (Insegnamenti di Paolo VI, II [1964] 324).

Dawn huma, diversi espressjonijiet ta’ Pawlu VI, il-kbir Koċittadin tagħkom, li bihom illejla jdur lejkom bil-leħen ta’ qalbi u ta’ xuftejja.

4. Kemm b’mod profond Pawlu VI kien impenjat fil-problemi tad-dinja kontemporanja, fil-problemi tal-paċi, tal-ġustizzja soċjali!

Forsi ninħtieġ li hawn nerġgħu naqraw għal darb’oħra, it-twissijiet tal-Appostlu Ġakbu, indikati mil-liturġija tallum: “Issa lilkom l-għonja: ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! . . . Araw il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom li intom żammejthulhom bil-qerq; jgħajjat kontra tagħkom; il-protesti tal-ħassada wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti” (Ġk 5, 1.4).

Dan huwa kliem li nkiteb madwar 2000 sena ilu, imma s-sinifikat iżomm dejjem l-elokwenza penetranti tiegħu. F’kull epoka l-Knisja tfittex, permezz tal-espressjoni severa tiegħu, terġà taqra u tħabbar il-messaġġ evanġeliku tal-ġustizzja, li hija l-kondizzjoni fundamentali tal-ordni soċjali u tal-paċi.

Għal dan il-għan intom tiftakru li Pawlu VI, fl-enċiklika fundamentali Populorum Progressio, wara li kien wissa li l-ostinazzjoni fl-inġustizzji soċjali ma setgħetx għajr “tqanqal il-ġudizzju ta’ Alla u r-rabja tal-foqra, b’konsegwenzi imprevedibbli” (Pawlu VI, Populorum Progressio, 49), kien osserva: “Id-diżugwaljanzi ekonomiċi , soċjali u kulturali kbar ħafna fost il-popli jipprovokaw tensjonijiet u nuqqas ta’ feħim, u jqegħdu fil-perikolu l-paċi . . .  Li tikkumbatti l-miżerja u li tissielet kontra l-inġustizzja, hija promozzjoni, flimkien mal- miljorament tal-kondizzjonijiet tal-ħajja, il-progress uman u spiritwali ta’ kulħadd u allura għall-ġid komuni tal-umanità. Il-paċi ma tirriduċix ruħha għal nuqqas ta’ gwerra, frott tal-ekwilibriju dejjem prekarju tal-qawwiet. Hija tinbena jum wara jum, fl-insegwiment ta’ ordni mixtieqa minn Alla, li tinvolvi ġustizzja iktar pefetta fost il-bnedmin” (Ivi. 76).

Mill-priżma ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ejjew illum niftakru lil PawluVI, il-Papa ta’ żminijietna, bħala kontinwatur tal-messaġġ miġbur fl-ittra tal-Appostlu Ġakbu u fil-Vanġelu kollu.

Inmkwantu għassies tal-wirt apostoliku, dan il-Papa intefà b’mod kostanti fuq in-naħa tal-ġid, ta’ kull “tazza ilma” mogħtija lill-proxxmu (cf. Mt 10, 42) u nxteħet ukoll kontra kull wieħed minn dawk l-iskandli, li dwarhom jitkellem il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd u li huma numerużi fl-epoka tagħna.

5. Huwa kien ir-Ragħaj tal-Poplu ta’ Alla, bħal Mosè – li dwaru titkellem il-liturġija tal-Ħadd –, u esprima b’mod simili l-awgurju mħeġġeġ, li nsibu fi kliem Mosè: “Kienu kollha profeti fil-poplu tal-Mulej u ried il-Mulej jagħtihom l-Ispirtu tiegħ!” (Nm 11, 29).

Infatti, matul il-pontifikat ta’ Pawlu VI kienet żviluppata u mwettqa l-attività tal-Konċilju Vatikan II, li fil-bażi tat-tagħlim tiegħu qiegħed il-verità dwar is-sehem tal-Poplu ta’ Alla kollu fil-missjoni profetika, saċerdotali u rjali ta’ Kristu, jiġifieri l-verità dwar il-vokazzjoni u dwar l-apostolat tal-insara kollha.

U Pawlu VI, bħall-Konċilju, ra l-Knisja addattata għad-djalogu universali tas-salvazzjoni, li fih huwa preżenti Kristu, huwa preżenti u donnu jippronunzja l-kliem, li għadna kemm smajna mis-silta evanġelika tallum: “Min mhux kontrina, huwa magħna” (Mk 9, 40).

Illum, quddiemkom, koċittadini ta’ Pawlu VI, ridt nirreferi ruħi, almenu fil-qosor, għas-servizz pastorali tiegħu kollu, li permezz tiegħu huwa ried ikun preżenti fuq dawk it-toroq ta’ Kristu, Ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jgħaddu għal għonq il-kontemporanjetà kollha tagħna, għal għonq l-ispirti, il-qlub u l-kuxjenzi tal-bnedmin tat-tieni nofs tas-seklu XX.

6. Hekk mela, issa, fit-tmiem, nixtieq li jikellem, mill-ġdid għal darb’oħra, dak il-kbir koċittadin tagħkom bil-kliem li ppronunzja indirizzat lill-belt ta’ twelidu, fl-1977, wara li kien fakkar diversi figuri prominenti Brexxjani li lejhom setgħu jħarsu l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ biex jieħdu minnhom ispirazzjoni ideali għall-impennji tagħhom: “Is-sisien ta’ Brescia jistrieħu fuq il-fidi f’Alla: din kienet il-konvinzjoni ta’ Missirijietna. Jalla tibqà wkoll dik tad-dixxedndenti attwali u ta’ dawk li għad jiġu. Alla huwa sies sod. Fuqu dak li jkun jistà jibni, waqt li jħares b’fiduċja lejn il-futur . . .  Jalla il-Mulej jipproteġi dejjem din il-Belt (Brescia) tant għażiża għalina, sabiex l-abitanti tagħha jkunu jistgħu jgħixu fi ftehim operuż u jipprogredixxu kontinwament fit-tiftix paċifiku tal-ġid ġust, sostnuti u ggwidati mill-prinċipji eterni tal-Vanġelu” (Insegnamenti di Paolo VI, XV [1977] 1184).

Alla jieħu ħsiebek, Brescia. U int, osserva dejjem il-liġi tiegħu. Kun dejjem fidila lejn Kristu u lejn il-Knisja.
B’qawwa ta’ sentimenti insellem lilkom ilkoll: b’qima insellem l-Awtoritajiet tal-Provinċja u tal-belt; b’imħabba nsellem lir-Ragħaj ta’ din id-dijoċesi u lill-Isqfijiet tal-Lombardia, il-Kleru, lir-reliġjużi rġiel u nisa; in-nies tal-kultura u tax-xogħol, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-morda. Insellem lil Brescia kollha, fir-rikkezza umana u nisranija tagħha, waqt li nħaddan f’tgħanniqa waħda kemm lil-abitanti ta’ din l-art kif ukoll lill-immigrati: fost dawn, nindirizza ħsieb speċjali lill-konnazzjonali tagħna, li grupp minnhom qegħdin jieħdu sehem f’din il-laqgħa.

7. Kelmtek, Mulej, hija verità, / ikkonsagrana fil-verità (cf. Ġw 17, 17). Aċċettaw, għeżież ħuti, dan is-servizz tal-Kelma li xtaqt inwettaq fir-rigward tagħkom, billi nanima t-tifkira tal-Papa Pawlu VI, il-Konċittadin tagħkom.

Tkun imbierka l-Kelma ta’ Alla, li esprimiet ruħha fil-ministeru tiegħu saċerdotali, episkopali u papali.

Ikun imbierek Alla: Missier, Iben u Spirtu Santu. Ejjew niżżuh ħajr għad-don ta’ bniedem, li huwa għamel xbiha u xebħ tiegħu, u li ħatru Ragħaj tal-Knisja, skont Qalbu!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: