Ħsieb fuq il-pittura ta’ Piero della Francesca

Print Friendly, PDF & Email

IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

Id-daħla għall-missjoni u l-ħajja pubblika ta’ Ġesù hi ċelebrata f’din il-pittura tat-Taljan Piero della Francesca (v.1417-1492).Fil-bidu l-pittura kienet il-parti ċentrali ta’ altar iddedikat lil San Ġwann Battista, fl-Abazija ta’ San Sepolcro, f’Arezzo, l-Italja. F’dan il-kapolavur il-pittur daħħal l-element taż-żgħożija. Tidher ukoll il-ġibda tal-artist, li kien studjuż tal-matematika, għal-ligijiet tal-perspettiva. Il-pittura fiha ordni rigoruż u wieħed jinnota d-dinjità tal-personaggi, l-armonija tal-ilbies tagħhom u s-sbuħija tal-ilwien.

Il-Magħmudija tal-Mulej, Piero della Francesca,(v.1417-1492)

Din il-pittura sabiħa tistedinna nieqfu fis-skiet, nirriflettu u nikkontemplaw. Il-persuna ta’ Ġesù, li hu wieqaf fin-nofs tal-pittura, tqegħidulna raġel bħall-oħrajn; imma l-qagħda tiegħu hi hekk solenni li turih bħala raġel differenti u b’ dehra ta’ maestà. Hu persuna li tispira qima. Ġesù jinsab wieqaf taħt il-weraq folti tas-Siġra tal-Ħajja; hija wkoll wieqfa dritta, b’lewn li jixbaħ lil Tiegħu. Ġwanni l-Battista, bl-arzella f’idu, qed iferra’ l-ilma li ħa mix-xmara Ġurdan, li fil-mixja tiegħu jingħaqad mal-ikħal tas-sema.

Tidher, bħal sħaba fuq ras Ġesù u b’mod li ma titħarrikx, il-ħamiema bajda, bi ġwenħajha twal qalb is-sħab għaddejjin fl-isfond ikħal tas-sema. Il-ħamiema turi l-preżenza mimlija mħabba tal-Ispirtu s-Santu u ġwenħajha wesgħin jgħinuna nistħajlu d-dirgħajn miftuħa tal-Missier, li nstema’ jgħid: “Dan hu Ibni l-maħbub!” Id-dirgħajn miftuħin tal-Missier nilmħuhom ukoll minn kif il-gwarniċ tal-kwadru, lewn id-deheb, jinkwadra x-xena.

L-anġli imżejnin bir-rand ma’ rashom, fuq in-naħa tax-xellug tal-pittura, huma tassew interessanti. Il-ħarsa tal-anġlu li qiegħed bejn it-tnejn l-oħra hi msammra fuq wiċċ Ġesù. Wieħed jinnota l-espressjoni ħerqana f’din il-ħarsa, donnu qed jara minn qabel lil dawk li se jkollhom il-grazzja tal-Magħmudija. Qed iħares lejn il-Magħmudija tagħna! Tinduna li l-anġlu b’idejh mistrieħa fuq spallejn dak tan-nofs, qed iħares lejk?…u b’liema ħarsa!

Għajnejn it-tielet anġlu tgħaddi minn Ġesù u Ġwann u tibqa’ sejra ‘l bogħod, lejn il-quċċata tal-għolja, bħal irid jgħidilna li ‘l quddiem dak li qed jitgħammed se jkollu magħmudija oħra meta jkun imsammar ma’ għuda ta’ siġra oħra, u dak il-ġisem sabiħ, impitter b’ilwien safja minn Piero della Franesca, se jkun imħammar bid-demm li bih se jaħsel u jneħħi id-dnub tad-dinja.

Joe Galea

%d bloggers like this: