Ġwanni Pawlu II f’quddiesa mal-Isqfijiet tal-Ewropa

QUDDIESA KONĊELEBRATA MAL-ISQFIJIET TAL-EWROPA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Sistina,
8 ta’ Ottubru 1982

Għeżież ħuti!

1. Hemm silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, li lkoll nafuha sewwa u li hija għażiża ħafna għalina, li fiha Kristu jitkellem dwaru stess bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.

Fil-liturġija tallum, iżda, aħna nkellmu lir-Ragħaj it-Tajjeb bil-kliem, ukoll magħruf sewwa, tas-Salm: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: / xejn ma jonqosni; / f’mergħat kollhom ħdura jserraħni, / lejn ilmijiet trankwilli jsuqni. / jirrestawrali ruħi, imexxini fit-triq it-tajba, / għall-imħabba ta’ ismu. / Jekk ikolli nimxi f’wied mudlam, / minn xejn ma nibżà għax inti miegħi” (Sal 22 [23],1-4).

X’kien dan is-simposju tal-Isqfijiet tal-Ewropa, jekk mhux talba lir-Ragħaj it-Tajjeb, espressa bil-kliem tas-Salm tal-liturġija tallum? Talba ta’ bosta rgħajja lill-Uniku Ragħaj, Uniku u Etern.

Permezz ta’ dan is-simposju-talba, għeżież ħuti, tixtiequ l-ewwelnett, tiżvelaw il-Figura tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jbaxxi bi prontezza fuq il-kontinent Ewropew u joħroġ biex jiltaqà mal-bnedmin u mal-popli li minnhom sejħilna. Huwa joħroġ ukoll biex jiltaqà mal-epoka, iż-żmien li fih sejħilna, sabiex bħala Isqfijiet ikollna sehem fil-prontezza tiegħu ta’ Ragħaj, fil-missjoni tiegħu.

F’dan il-jum li fih jintemm ix-xogħol komuni tagħkom, nixtieq li l-għarfien tal-preżenza ta’ Kristu, ta’ mħabbtu ta’ Ragħaj u tal-attenzjoni tiegħu, ikun il-frott ewlieni tas-Simposju, sabiex titilqu minn hawn lejn direzzjonijiet differenti mimlijin b’tali għarfien, minnu mill-ġdid imħeġġa.

“Jekk ikolli nimxu f’wied mudlam, / minn xejn ma nibżà…”.

2. U għalhekk, ejjew nerġgħu lura f’din l-Ewkaristija ta’ tislima tallum fuq ix-xtut tal-Għadira ta’ Ġeneżaret.

Hemm, fejn il-folla kienet qiegħda tross madwar Ġesù biex tismà l-Kelma ta’ Alla, huwa telà fuq dgħajsa, li kienet ta’ Xmun, u talbu biex jaqlà ftit ‘il barra mix-xatt (cf. Lq 5,2-3).

U propju f’dak il-waqt iffurmat ruħha l-analoġija meraviljuża bejn is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u x-xogħol tas-sajjieda.

Is-sajjieda jgħixu mis-sajd. Meta jkalaw ix-xbieki u dawn jerġgħu lura vojta f’idejhom, is-sajjieda jħossuhom imdejqin. Jistà jkun li saħansitra jkunu rassenjati. Ma jidwix jewwilla mid-dgħajsa ta’ Xmun ton ta’ dwejjaq u saħansitra ta’ rassenjazzjoni, meta hu jgħid: “Mgħallem, tħabatna l-lejl kollu u ma qbadna xejn” (Lq 5,5)? Hekk mar iwieġeb għall-inkuraġġiment ta’ Kristu: Aqlà ‘l barra u kalaw x-xbieki” (Lq 5,4).

Forsi, għeżież ħuti, is-Simposju Ewropew tagħkom kien ukoll waqt tal-istedina ta’ Kristu, li dwiet normalment f’widnejn is-sajjieda u tistà tidwi wkoll fil-widnejn tal-Isqfijiet, li huma s-suċċessuri tas-sajjieda tal-Galilea. X’hemm iktar normali għal sajjied milli jkala x-xbieki? X’hemm iktar normali għal Isqof milli jxandar il-Vanġelu, ifittex l-erwieħ u jiggwida l-vapur tal-Knisja?

Ejjew mela llum nistaqsu lilna nfusna: weġibna għall-istedina tal-Imgħallem: “Aqlà ‘l barra”?  Fittixna, f’dawn il-jiem, li nħarsu lejn il-problemi tal-missjoni tagħna fl-Ewropa skont il-qies ġust? Fittixna li nħaddnuhom fil-“wisgħa” kollha tal-Vanġelu ta’ Alla u, fl-istess ħin, tar-realtà umana?

3. “Għall-kelma tiegħek se nkala x-xbieki” (Lq 5,5).

L-Awtur tal-ittra lill-Efesin, il-“priġunier tal-Mulej”, iħeġġeġ lid-destinatarji tiegħu biex iġibu ruħhom “b’mod denn ttal-vokazzjoni li rċivew”, b’kull umiltà, manswetudni u sabar, billi jissaportu lil xulxin b’imħabba (cf. Ef 4,1-2). Ladarba kienu ġew imsejħa għat-tama, għal tama waħda, dik li ngħatat lilhom mill-vokazzjoni (cf. Ef 4,4).

Il-waqt migħux fuq l-Għadira ta’ Ġeneżaret, meta Kristu jordna lis-sajjieda biex ikalaw x-xbieki, mhuwiex jewwilla appuntu tali sejħa għat-tama? Għal dik l-unika tama, li hija mogħtija mill-vokazzjoni?

U l-vokazzjoni tas-sajjieda hija li joħorġu barra mill-ilma profond il-ħut għall-bżonnijiet tal-bnedmin.

Madankollu l-istedina ta’ Kristu f’dak il-waqt tinkludi fiha l-analoġija kollha eżistenti bejn ix-xogħol tas-sajjieda u x-xandir tal-Vanġelu.

Meta s-sajjieda jaqbdu kwantità ta’ ħut, hekk li x-xbieki jkunu se jinqasmu, –  meta Xmun, hekk kif ra l-miraklu, jinxteħet għarkubbtejh quddiem Kristu jgħid li huwa mhux dehen, hu sajjied, jilqgħu god-dgħajsa tiegħu – allura Kristu jwassal fi tmiemha l-analoġija espressa f’dan is-sinjal tal-għaġeb u jgħid lil Xmun: “La tibżax, minn issa ‘l hemm se tkun sajjied tal-bnedmin” (Lq 5,10).

Jinħtieġ, għeżież ħuti, li aħna l-Isqfijiet ukoll tal-kontinent Ewropew ngħixu għal darb’oħra, fil-milja kollha tagħha, dik l-analoġija tal-Galilea. Jinħtieġ li mill-ġdid inħossu il-“ma nibżax”, għaliex jistà jkun li nkunu skuraġġiti u rassenjati. Jinħtieġ li aħna wkoll mill-ġdid insibu dan l-appell ta’ tama – għall-“unika tama”  li tagħtina l-vokazzjoni tagħna. U jinħtieġ li aħna inkalaw bla mistrieħ ix-xbieki, billi ntennu bħal Xmun: “Għal kelmtek se nerġà nkala x-xbieki” (Lq 5,5).

Ir-Ragħaj Etern tal-erwieħ umani huwa l-Mulej ta’ kull sajda.

4. Iltqajtu hawn f’Ruma, intom, Isqfijiet ta’ pajjiżi differenti tal-Ewropa, biex tirritanimaw it-tama, “li għaliha intom ġejtu msejħa”. Lil kull wieħed minna, bdanakollu, “kienet mogħtija l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu” (Ef 4,7).

Waqt li taħdmu fuq il-komunitajiet tagħkom – minn dik ta’ kuljum tad-dijoċesi propja għal dik iktar wiesgħa tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali – xtiequ mill-ġdid b’mod ieħor li tgħinu fil-“bini tal-Ġisem ta’ Kristu”. L-Ispirtu Santu bniekom “rgħajja u mgħallmin, biex tirrendu eliġibbli l-aħwa biex iwettqu l-ministeru” (Ef 4,12), li “l-iskop” tiegħu huwa l-bini ta’ dan il-Ġisem.

Dan il-ġisem “huwa uniku” hekk kif hemm “Spirtu wieħed” (Ef 4,4), u kif hemm ukoll “Mulej wieħed, fidi waħda u magħmudija waħda” (Ef 4,5) u fuq kollox “Alla wieħed Missier ta’ kulħadd u huwa preżenti f’kulħadd” (Ef 4,5-6).

Il -frott tas-Simposju – minkejja d-differenzjazzjonijiet kollha li jiddeċiedu l-għana tan-Nazzjonijiet u tal-Knejjes, minkejja d-diviżjonijiet li huma wirt diffiċli tal-Imgħoddi, minkejja, nirrepeti d-differenzjazzjonijiet u d-diviżjonijiet, ta’ mportanza mhix essenzjali, li jiġu mill-bnedmin – huwa fuq kollox dan: niskopru l-għaqda! Din l-għaqda li hija għall-bnedmin, u tiġi minn Alla!

L-għaqda tal-Poplu ta’ Alla: kbira, universali u allura pan-Ewropea. Minn din l-għaqda, li tiġi minn Alla, jinħtieġ li dejjem tibda, u jinħtieġ ukoll narawha sal-aħħar. Iva, narawha bħala skop.

Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, huwa magħna fit-toroq kollha li jwasslu mill-Bidu Divin għall-għaqda tal-Ġisem mifdi.

5. “Per evangelica dicta”.

Ikunu mħassra l-ħtijiet tagħna permezz tal-kliem tal-Vanġelu.

Jgħinna l-kliem tal-Vanġelu biex inħossu l-gost tal-problemi ta’ Alla u biex naqraw il-profondità tal-misteri.

Il-kelma tal-Vanġelu tippermettilna li nerġgħu nsibu t-tama tal-vokazzjoni tagħna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading