QUDDIESA FIL KULLEĠĠ PONTIFIĊJU
TA’ SAN PIETRU APPOSTLU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 1982
1. “Bin il-bmiedem…ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra” (Mk 10,45): dan il-versett konklussiv tas-silta evanġelika ta’ dan il-Ħadd, li għadu kemm inqara, jissuġġerilna l-kriterju fundamentali biex nifhmu l-vera natura tal-vokazzjoni missjunarja, u jkunilna ta’ għajnuna għal tħejjija konvenjenti għall-Ġurnata Mondjali tal-Missjonijiet, li l-Knisja tiċċelebra nhar il-Ħadd li ġej. U jien partikolarment grat li nistà niffoka fuq tali argument propju f’dan il-Kulleġġ ta’ San Pietru Appostlu, flimkien magħkom, għeżież Studenti li qegħdin tħejju ruħkom biex għada tkunu fl-artijiet tagħkom ħabbara tal-Vanġelu. Insellmilkom wieħed wieħed u l-ħsieb tiegħi jmur ukoll għall-pajjiżi li minnhom ġejtu u li huma hekk għeżież għal qalbi.
Il-kriterju msemmi hawn fuq huwa dak tas-“servizz”, hekk kif Ġesù għexu u għallmu. Se niffalsifikaw s-sens nisrani ta’ “missjoni”, kemm-il darba ma nilluminawhx b’dan id-dawl, kemm-il darba ma narawx il-missjoni bħala “servizz”. Dan il-kriterju jagħti lill-missjoni l-verita u l-effett soprannaturali tagħha. Min infatti huwa l-qaddej jekk mhux dak li huwa msejjaħ mis-Superjur, u li, b’ubbidjenza lejh, jaċċetta l-inkarigu afdat lilu?
Issa, is-Superjur li l-Missjunarju jrid jaqdi u li minnu huwa msejjaħ huwa Alla stess; u s-“servizz” li l-Missjunarju jrid iwettaq huwa dak li jxandar il-Kelma ta’ Alla lid-dinja. U għal-liema skop? Għall-glorja ta’ Alla u s-Salvazzjoni ta’ ħutu, maħluqin xbiha ta’ Alla u maħbubin għall-imħabba ta’ Alla.
2. Jekk tali hija l-vokazzjoni missjunarja, ikun opportun allura li nirriflettu fuq ċerti aspetti tagħha marbutin strettament mal-kunċett evanġeliku tas-“servizz”.
Il-virtù primarja tal-qaddej evanġeliku hija l-ubbidjenza. Il-missjoni, infatti, li hija inkarigu divin u soprannaturali, jassumi vokazzjoni mill-Għoli; u wieħed ma jistax jagħti tweġiba konkreta għal tali sejħa divina mingħajr spirtu ta’ ubbidjenza soprannaturali, mingħajr disponibiltà ġeneruża lill-vuċi ta’ Alla li jsejħilna biex jibgħatna fid-dinja.
Kif għandha tkun l-ubbidjenza tal-Missjunarju?
Din tinvolvi l-fakultajiet l-iktar prezzjużi tiegħu: intellett u rieda. Għandha tkun mela qabel kollox ubbidjenza tal-intellett għal Kristu-Verità, u konsegwentement, aċċettazzjoni prattika tar-rieda: tirriproduċi fina, fl-Ispirtu, il-ħajja stess ta’ Kristu, qaddej ubbidjenti tal-Missier u l-ewwel Ħabbar ta’ Kelmtu, għaliex huwa stess hu l-Kelma tal-Missier.
Tobdi lill-verità hija l-virtù primarja tal-Missjunarju. U mhux dejjem huwa faċli. Infatti jinħtieġu dak l-ekwilibriju u dik l-onestà intellettwali li weħedhom jaċċettaw li jaċċettaw b’mod sinċier u b’kuraġġ il-Verità magħrufa b’ċertezza, waqt li jevitaw skużi jew kawtieli li jissodisfaw ir-relattiviżmu jew is-soġġettiviżmu. U min-naħa l-oħra, hija meħtieġa wkoll dik l-umiltà li tevitalna li nagħtu jew nippreżentaw bħala ċert dak li mhuwiex.
Il-verità nisranija li għandna nħabbtru lid-dinja hija fiha nfisha assolutament ċerta, universali, intanġibbli, għaliex ġejja minn Alla etern, fidil, immutabbli. Jinħtieġ mela li, il-Missjunarju, bi spirtu veru ta’ fidi, jagħmel tiegħu din iċ-ċertezza, mingħajr ma jattribwixxi d-dubji tiegħu għall-Kelma ta’ Alla, u fl-istess ħin, mingħajr ma jkun irid jagħti lill-opinjonijiet imċajpra umani tiegħu dak il-grad ta’ ċertezza, li tali Kelma divina biss jistà jkollha.
Tħabbar lil Kristu mhuwiex u linqas jistà jkun, bħal ma wħud jinterpretaw ħażin, bini arroganti lil mgħallmin, billi jqegħdu fuq tarġa ogħla lill-oħrajn, imma bil-maqlub jissupponu l-umiltà li jaċċettaw u allura jikkomunikaw duttrina li mhix tagħna, imma ta’ Alla, billi jqisu lilhom infushom qaddejja u debituri għall-oħrajn ta’ din l-istess duttrina.
Tkunu missjunarji jfisser “li tħossukom” mibgħutin minn Alla għaliex rejalment imsejħa bis-saħħa ta’ sinjali ċerti u oġġettivi ġejjin mis-smigħ intern tal-leħen divin, u ċċertifikati mill-approvazzjoni u mill-mandat espliċitu tal-Knisja, li jesprimi tuħu fir-Rgħajja leġittimi tagħhom. Dan biss jirrendi l-Missjunarju qaddej awtentiku tal-ħniena divina.
Imbagħad ikkunsidraw – kif għandu jagħmel il-Missjunarju – li tkunu fil-pussess ta’ duttrina divina u nfallibbli bħal ma hi dik ta’ Kristu, li mhix, bħalma jaħsbu xi wħud, att ta’ preżunzjoni, imma għarfien umli, ċert u ppruvat, li rċieva kif imiss tali duttrina, fl-interità u l-awtentiċità tagħha, mill-Maġisteru ħaj tal-Knisja, li lilha Kristu bla ma jaqtà jibgħat l-Ispirtu ta’ Verità Tiegħu.
3. Punt ieħor li dwaru nagħmlu sewwa nikkonċentraw l-attenzjoni, huwa dak li jirrigwarda n-natura speċifika tas-servizz li rridu nwettqu. Dan jikkonsisti fix-xandir – kif għidt – tal-Kelma ta’ Alla. Issa huwa ċar li l-qaddej irid ikun kapaċi jesegwixxi id-dmir li ġie afdat lilu. Imma x-xandir tal-Kelma ta’ Alla huwa dmir li jeċċedi l-forzi naturali tal-bniedem, huwa dmir soprannaturali. Il-messaġġ nisrani, minħabba l-oriġni tiegħu, minħabba l-kontenut tiegħu, minħabba l-iskop tiegħu, minħabba l-modi u l-meżżi tat-trażmissjoni tiegħu, jittraxxendi b’mod essenzjali wkoll l-messaġġi umanitarji jew kulturali l-iktar elevati, importanti għal reliġjożità naturali sempliċi. Il-messaġġ nisrani, minħabba n-nobiltà divina tiegħu, jitlob f’min jikkomunikah u f’min jirċevih, suppliment, biex ngħidu hekk, ta’ intelliġenza: “l’interlectus fidei”, tali li jipprovdi l-lingwaġġ ta’ min jitkellem u s-smigħ ta’ min jismà għad-dinjità tal-kontenut tiegħu. F’dan is-sens, San Pawl jitkellem dwar “lingwaġġ spiritwali” magħmul għall-“bnedmin spiritwali” (cf. 1Kor 2).
Ejjew, mela, ma ninsew qatt, għeżież ħuti, dwar l-elevatezza tad-don li l-Missjunarju jagħmel fid-dinja. Huwa meħtieġ li l-Missjunarju jikkultiva l-għarfien ħaj tal-prezzjożità tiegħu, bi gratitudni lil Alla li afdahulu, u bir-rieda li jżomm ruħu dejjem ma’ Alla f’dik il-komunjoni ntima ta’ karità u ta’ ubbidjenza filjali, li jippermettulu li jsib il-meżżi addattati biex jittrażmettih b’mod effikaċi lid-dinja.
Billi biss iżomm dan l-atteġġjament ta’ gratitudni, ta’ disponibiltà filjali u ta’ ubbidjenza lill-Missier, permezz tal-komunjoni spiritwali ma’ Kristu u mal-Knisja tiegħu, il-Missjunarju jkun jistà jippriserva pur f’qalbu l-kobor tal-messaġġ riċevut, mingħajr ma javvilih jew inaqqaslu s-saħħa fil-prekarjetà tal-ideoloġiji terreni, bla ma jagħmlu strument tal-kburija jew tal-poter mondan, bla ma jaħseb li jistà jferrxu b’meżżi oħra li mhumiex dawk evanġeliċi tal-faqar, tal-ġentilezza, tas-sagrifiċċju, tax-xhieda, tat-talb, fil-virtù u fil-qawwa tal-Ispirtu.
4. L-aħħar konsiderazzjoni titnissel mill-kunċett ta’ missjoni bħala servizz: dak li jagħmel il-qaddej, għal min jagħmlu? Mhux għalih innifsu, imma għall-għanijiet tas Superjur. Hekk il-Missjunarju: huwa ma jaħdimx għalih innifsu, imma għas-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu. Għandna hawn ukoll is-sejħa li tmur ‘il hemm mill-prospettivi sempliċement terreni jew umani. Din mhix li “tieħu parir mill-ġisem u mid-demm” (cf. Gal 1,16), imma li tismà, fl-intimu ta’ qalbek, it-“tħaxwix” ta’ dak l-“ilma” li dwaru diġa tkellem l-Isqof-martri kbir San Injazju ta’ Antijokja: dak l-ilma ċar u pur tal-fidi u tal-karità, li kien jgħidlu: “Ejja għand il-Missier, offri ħajtek għal Alla u għal ħutek” (cf. S. Injazju ta’ Antijokja, Epistula ad Romanos, kap. 6, 1-8, 3: Funk, I, 217-223).
Il-qaddej tajjeb jinsa lilu nnifsu u l-interessi tiegħu biex jesegwixxi d-dmir lilu mogħti. Il-qaddej tal-Vanġelu wkoll iġib ruħu bl-istess mod. Iżda billi dan is-sagrifiċċju imur ‘il hemm mill-forzi u mir-raġunijiet tal-għerf uman, il-Missjunarju meta jgħid l-“iva” tiegħu inkondizzjonata lill-Missier li jibagħtu fid-dinja, jafda dejjem bi trankwillità mġedda biss fl-għajnuna divina li tkun konċessa lilu b’mod speċjali fil- waqt tal-prova, li tkun tistà wkoll tiżdied fil-quċċata tal-martirju.
U meta, fis-siegħa l-iktar agonizzanti tax-xhieda diffiċli, jidher lill-Missjunarju li kollox huwa mitluf, propju f’dak il-waqt id-dawl tal-fidi iġegħlu jifhem li, magħqud ma’ Ġesù Msallab, u totalment mitluq fil-ħniena tal-Missier, huwa jikkontribwixxi biex ixerred d-dawl divin b’mod ferm iktar effikaċi minn meta ma kienx setà jikseb permezz tal-meżżi umani, ukoll dawk l-iktar effiċjenti. Mhux għax tali meżżi mhumiex utli għall-missjonijiet, anzi huma mberkin; u nittamaw li jkomplu jiżdiedu: imma huma biss strumenti biex jintużaw skont il-pjanijiet ta’ Alla u tal-esiġenzi pastorali tas-Saltna tiegħu.
Għeżież Saċerdoti, ridt nirrifletti magħkom dwar dawn il-veritajiet evanġeliċi, jien ukoll sirt konxju tal-impenn missjunarju propju tas-suċċessur ta’ Pietru, li lilu – kif jesprimi l-Konċilju Vatikan II – kien afdat b’mod partikolari d-dmir kbir li jferrex l-isem nisrani.
Intom tafu li ridt inżur Pajjiżi numerużi, li fihom Kristu huwa bilkemm magħruf u l-aħbar tal-Vanġelu għadha mhix imwettqa. Fit-twettiq ta’ dan jiena fhimt ukoll li ninkuraġġixxi lil dawk kollha li huma għas-servizz ta’ Kristu u tal-Vanġelu fl-imsemmija Pajjiżi.
L-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw, u li tirrendina solidali ma’ xulxin, tapprofondixxi fina l-għan ġeneruż li naqsmu ma’ dawk l-iktar fil-bżonn ir-rikkezzi spiritwali tal-fidi u wkoll il-ħobż ta’ kuljum.
Is-Sultana tal-Missjonijiet, Marija Santissma, tgħallimna is-sigriet u r-ruħ ta’ dan l-Apostolat: inqegħdu ruħna għad-dispożizzjoni totali tar-rieda tal-Missier ċelesti f’donazzjoni sħiħa u inkondizzjonata ta’ ħajjitna, sabiex, bil-virtù u bil-qawwa tal-Ispirtu, nkunu nistgħu nikkonċepixxu lil Kristu f’qalbna u nirregalawh lill-erwieħ. Sultana tal-Missjonijiet itlob għalina. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb