Ġwanni Pawlu II fl-inawgurazzjoni tas-Sena Akkademika

QUDDIESA GĦALL-INAWGURAZZJONI TAS-SENA AKKADEMIKA
FL-ISTITUTI EKKLEŻJASTIĊI TAL-ISTUDJI SUPERJURI TA’ RUMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru,
19 ta’ Ottubru 1982

1. “Intom il-melħ tal-art…”(Mt 5,13). “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5,14). B’dan il-kliem issellmilkom, Professuri u Studenti tal-Atenej ekkleżjastiċ Rumani, il-liturġija tallum. B’dan il-kliem nawguraw is-sena akkademika l-ġdida.

Nixtiequ li dak li se jikkostitwixxi x-xogħol xjentifiku u edukattiv ta’ din is-sena jkollu bidu fil-liturġija ewkaristika; li jiżviluppa ruħu fl-ispirtu tal-Ewkaristija.

Waqt li niċċelebraw is-Sagrifiċċju mqaddes, nagħtikom merħba fuq it-taraġ ta’ din il-Knisja apostolika li hija Ruma.

Waqt li nagħtikom merħba, jien ukoll insellmilkom, bħala aħwa u wlied fil-komunjoni tal-vokazzjoni ta’ Kristu.

2. Fil-Vanġelu tallum Kristu jgħid: “Intom”: “Intom il-melħ tal-art…”, “Intom id-dawl tad-dinja…”. Fl-istess ħin, madankollu, inħossu li huwa jixtieq jgħid: “intom imisskom tkunu”:  imisskom tkunu u jmisskom issiru l-mrelħ tal-art u d-dawl tad-dinja.

Il-kliem tal-Vanġelu tallum jasserixxi u jesprimi, fl-istess ħin, dmir.

Mela: min intom, jew imisskom issiru?

L-Imgħallem jinqeda b’metafora: il-melħ u d-dawl.

Il-melħ iservi sabiex l-ikel ikollu t-togħma ġusta. Id-dawl iservi “sabiex jagħmel id-dawl għal dawk kollha li jinsabu ġewwa d-dar” (Mt 5,15).

Il-metafora tesprimi fuq kollox dan: “min” imisskom tkunu u “għal min”: għad-dinja, għall-bnedmin.

Il-metafora evanġelika titkellem dwar id-dmir li għandhom id-dixxipli ta’ Kristu. Tenfasizza dan id-dmir. Imma, waqt li tenfasizzah, tfakkar lil kull wieħed minnhom bħallikieku għas-suġġett tad-dmir.

U f’din ir-riferenza tasserixxi: min għandu jkun dak li għandu jwettaq tali dmir, u liema għandu jkun?

“Il-melħ u d-dawl – kliem metaforiku – jiġbor fih is-sintesi tal-programm kollu.

Dan huwa l-programm li jippropnulkom l-Universitajiet u l-Atenej ekkleżjastiċi ta’ Ruma.

Programm propost fil-prospettiva tas-sena li ġejja, imma, fl-istess ħin, fil-prospettiva tal-futur kollu; hekk bħalma Kristu indika lid-dixxipli tiegħu l-programm “il-melħ u d-dawl” fil-prospettiva tal-ġenerazzjonijiet kollha sa tmiem id-dinja.

Il-programm, propost b’mod organiku, jirreferi għall-professuri u għall-edukaturi, fir-rigward tal-istudenti. Jirreferi għall-istudenti a bażi tal-prinċipju tar-reċiproċità. Jirreferi għall-futur.

Permezz ta’ dan kollu li jirreferi għall-istudji tagħkom, għall-formazzjoni akkademika, spiritwali, pastorali tagħkom permezz ta’ dan kollu li l-Knisja għandha tirċievi fil-futur il-kontribut il-ġdid tal-“melħ” u tad-“dawl”, kulfejn tiggwidakom l-Providenza Divina.

3. Hekk, mela, l-ispunt ewlieni u fundamentali ta’ meditazzjoni fuq l-inawgurazzjoni huwa l-kontenut evanġeliku tal-“melħ” u tad-“dawl”.

Ma’ dan huwa marbut b’mod strett it-tieni element: it-talb. Dwar dan ikellimna fuq kollox il-qari meħud mill-ktieb tal-Għerf.

It-talb jappartieni f’sens strett għal-loġika tal-metafora ta’ Kristu. Jekk “il-melħ” u “d-dawl” mhux biss jasserixxu imma, fl-istess ħin, jesprimu d-dmir; jekk jorjentaw lejn il-mistoqsija “min għandi nkun jien?, “kif għandi nkun jien?”, allura, fl-istess ħin, dawn isejħu għat-talb.

Tali rbit logiku jirriżulta mill-premessi fundamentali tal-antropoloġija nisranija dwar il-bniedem. Il-bniedem isir “il-melħ tal-art” u “d-dawl tad-dinja” mhux biss billi jassumi d-dmir imma wkoll billi jilqà l-Grazzja u jikkollabora magħha.

Il-Grazzja hija d-dimensjoni tal-bidu divin tal-bniedem, u tad-destini divini tiegħu. Il-Grazzja hija d-don tal-Fidwa ta’ Kristu. Hekk hu, għal dan, it-talb.

Ejjew niskopru d-dimensjoni tal-Grazzja, ejjew inwieġbu għad-don tal-Fidwa, permezz tat-talb.

“Għal dan jiena tlabt u tkabbrtitli l-prudenza; /  b’ħerqa tlabt u ġie fiha l-ispirtu tal-għerf” (Għerf 7,7).

F’dan il-kliem l-Awtur tal-ktieb tat-Testment il-Qadim jistqarr b’kunfidenza dwar it-tema tal-problemi l-iktar profondi ta’ ħajtu.

Jalla jistqarr ukoll magħkom ilkoll, membri tal-komunità akkademika ekkleżjastika ta’ Ruma, din l-esperjenza tal-Awtur tal-Għerf. Jalla din issir, fl-istess ħin, l-esperjenza li jistà jgħaddi minnha kull wieħed minnkom.

Infatti intom tappartienu lill-komunità tal-għalliema u tad-dixxipli propju biex tħobbu l-għerf: “Ħabbejtu iktar mis-saħħa u mis-sbuħija, / Ippreferejt il-pussess tiegħu għall-istess dawl, / għaliex l-isplendur tiegħu ma jbattix dak li jnissel” (Għerf 7,10).

L- għerf!

Jeħtieg niskopruh fiċ-ċentru nnifsu tal-metafora evanġelika tal-“melħ” u tad-“dawl”. Iva. Propju dan iva jagħmel li l-bniedem isir dak li għandu jkun għall-bnedmin l-oħra, għad-dinja. Propju fih jimmanifestaw ruħhom, fl-istess ħin, “id-dmir” u l-“Grazzja”.

Dan jiġi għandna permezz tax-xogħol kostanti u it-talb xejn inqas kostanti.

Oh, kemm huwa meħtieġ, illum, għall-Knisja dan l-għerf evanġeliku. Kemm huwa meħtieġ nitkellmu dwar l-għarfien u “naħsbu b’mod dehen tad-doni li rċivejna” (Għerf 7,15).

Tali mod ta’ ħsieb u ta’ diskors jiġi lill-bniedem min-naħa ta’ Alla waqt it-talb. “Għaliex hu l-gwida tal-għerf / u l-għaqlin jirċievu l-orjentazzjoni mingħandu. / Fil-poter tiegħu ninsabu aħna u kliemna, / kull intelliġenza u kull ħila” (Għerf 7,15-16).

Hekk hu. Mingħand Alla, waqt it-talb, tiġina l-kelma tal-għerf.

U għalhekk, il-laqgħa ewkaristika tallum hija wkoll inawgurazzjoni tat-talb kostanti.

Bit-talb hemm bżonn insostnu l-istudji u nippenetraw l-isforzi axxetiċi bix-xogħol fuqna nfusna, sabiex ma jkunux fix-xejn. Bit-talb hemm bżonn li b’mod kostanti nikkultivaw l-intellett u l-qalb, sabiex l-għalliem u l-istudent isiru, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, “il-melħ tal-art! U “d-dawl tad-dinja””.

4. “Hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, għaliex jaraw l-opri tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li huwa fis smewwiet” (Mt 5,16).

Meqjuma Professuri, għeżież Studenti tal-Atenej ekkleżjastiċi ta’ Ruma! Ifiġġ quddiemkom l-għan aħħari tal-ħolqien kollu. Il-għan tal-bniedem fid-dinja: il-glorja ta’ Alla!

Intom imsejħin permezz tal-parabbola tal-melħ u tad-dawl biex tgħixu għall-glorja ta’ Alla. Biex tiskopru din il-glorja fil-ħwejjeġ kollha. Biex issibuha fl-għana kollu tal-ħolqien. Biex tarawha bl-għajnejn tal-fidi u tat-tejoloġija fil-misteri tar-Rivelazzjoni Divina.

Intom imsejħin biex tħabbru u biex tippridkaw l-glorja ta’ Alla lill-bnedmin bil-ħsieb kollu tagħkom u bil-kondotta kollha tagħkom.

Kristu jgħidilkom illum: “Hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, sabiex jirrendu glorja lil Missierkom” (Mt 5,16).

Il-vokazzjoni tagħkom fi Kristu hija kkonċentrata fuq il-glorja tal-Missier.

Il-vokazzjoni tagħkom fi Kristu hija teo-ċentrika u permezz ta’ dan, orjentata lejn il-bnedmin u lejn id-dinja.

Fil-bidu tas-sena akkademika, immeditaw liema kontenut integrali jaħbi fih il-kliem: “il-melħ tal-art” u “id-dawl tad-dinja”, u fittxu li tgħixuh.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading