VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SANTA MARIJA TAL-PREŻENTAZZJONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 24 ta’ Ottubru 1982
1. “Ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej għalina!”.
Liema huma l-“ħwejjeġ kbar”, li dwarhom trid tagħti xhieda l-liturġija ta’ dan il-Ħadd?
Ejjew naqraw b’attenzjoni l-kliem!
L-ewwel “ħaġa kbira” hija l-ħsad, il-ġabra tal-wiċċ tar-rabà. Ejjew nisimgħu l-kliem tas-Salm, li jippreżentalna, qabel kollox, min jiżra fid-dmugħ, jaħsab imbagħad fil-ferħ (cf. Sal 125 [126],5). U wara jkompli: “Meta jmur imur jibki, / iġorr iż-żrieragħ li jrid ixerred, / imma meta jiġi lura, jiġi kuntent, /billi jġib il-ħmiemel tiegħu” (cf. Sal 125 [126],6).
Ħaġa kbira l-opra kollha tal-ħolqien: l-opra kollha tal-ħolqien, id-dinja u l-art iddestinata għall-bniedem, flimkien mar-riżorsi moħbija tagħha. L-art li tipproduċi l-frott tagħha. Iż-żbul tal-għelieqi u il-qamh fiż-żbul. Biex nagħmlu l-ħobż, bħala ikel għall-bnedmin.
U tant, tant ġid ieħor tal-opra tal-ħolqien, iddestinat għall-użu tal-bniedem f’din id-dinja. Imma, b’kondizzjoni li hu jkun jaf jutilizzahom sewwa bil-mod ġust.
2. Imma nkomplu għaddejjin, immexxija mil-liturġija tallum!
Hekk hu, fil-Vanġelu, raġel għama, it-tallab għama, Bartimew, iben Timew (cf. Mk 10,46) u fuq xuftejh l-għajta: “Bin David, Ġesù, ikollok ħniena minni!” (cf. Mk 10,47). Ġesù jistaqsih: “Xi trid li nagħmillek?”. It-tweġiba: “Rabbuni, li nerġà nara!”(cf. Mk 10,51). Il-kelma ta’ Ġesù: “Mur, il-fidi tiegħek salvatek” (cf. Mk 10,52). U wara l-kelma, il-Miraklu. Bartimew jara d-dinja, id-dinja maħluqa minn Alla, id-dinja li l-Ħallieq offra lill-għajnejn, lill-idejn, lill-ħsibijiet umani.
U Bartimew tal-Vanġelu tallum jingħaqad mal-kliem tas-Salm: “Ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej għalija!”
Ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej għalina!
3. L-għoti tad-dawl lill-għama huwa sinjal. Wieħed fost il-ħafna sinjali li Kristu wettaq, biex jiftaħ lis-semmiegħa tiegħu id-dawl tar-ruħ, sabiex bih jaraw li l-Mulej bidel ix-xorti ta’ Sion, sabiex internament jaraw u jintebħu kemm “ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej” għall-bniedem, mhux biss permezz tal-opri tal-ħolqien, imma ferm iktar permezz tal-opra tal-Fidwa.
Kemm hija “ħaġa kbira” li l- “l-Mulej salva l-poplu tiegħu, “fdal ta’ Iżrael”, bħalma naqraw fil-ktieb tal-Profeta Ġeremija (cf. Ġer 31,7).
“Alla infatti tant ħabb lid-dinja / li ta lill-uniku Iben, / sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, / imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”, skont il-kliem tal-Vanġelu ta’ San Ġwann (Ġw 3,16).
Kemm hija “ħaġa kbira” l-Inkarnazzjoni, il-Fidwa permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet, il-qdusija permezz tal-miġja tal-Ispirtu. Il-Paraklitu!
Jinħtieg biss li għal dan kollu jinfetħu l-għajnejn tar-ruħ umana, u l-bniedem jarah!
4.Jeħtieġ li l-bniedem jiftaħ għajnejh u li jara, bil-ħarsa tal-fidi, lil Kristu, li huwa l-Medjatur u s-Saċerdot tal-patt il-ġdid u etern. Dwar dan il-Medjatur u Saċerdot tkellimna llum l-Ittra lil-Lhud:
“Magħżul fost il-bnedmin, jiġi maħtur għall-ġid tal-bnedmin fil-ħwejjeġ li jmissu lil Alla (Lh 5,1);
– kien maħtur
“biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet” (Lh 5,1);
– kien maħtur biex
“iħoss ħniena ġusta għal dawk li jinsabu fl-injoranza u fl-iżball” (Lh 5,2).
U hekk hu, Kristu “jsir tali Medjatur u Saċerdot – u hekk hu! U dan sar mill-Missier, li qallu: “Inti Ibni, illum jien nissiltek” (Lh 5,5) – u f’silta oħra: “Inti saċerdot, għal dejjem, skont l-ordni ta’ Melkisedek” (Lh 5,6).
Bartimew, imfejjaq b’mod mirakoluż mill-għama tiegħu, jiftaħ għajnejh u jilmaħ quddiemu lil Ġesù, l-Iben ta’ David.
Ejjew niftħu l-ħarsa tal-fidi tagħna, biex naraw lil Ġesù fid-dawl sħiħ tal-Vanġelu. U waqt li nħarsu bl-għajnejn tal-fidi lejn dak li huwa Medjatur u Saċerdot – l-uniku Medjatur u Saċerdot bejn Alla u l-bnedmin u Saċerdot skont l-ordni ta’ Melkisedek – intennu għal darb’oħra, u ntennu bl-ikbar passjoni u bl-ikbar qawwa ta’ konvinzjoni: “Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar għalina”!
5. Illum il-Knisja tiċcelebra l-“ġurnata missjunarja”.
Donnu jitkellem dwar dan il-kliem tal-Profeta Ġeremija, fl-ewwel qari:
“Hekk hu, Inġibhom lura mill-pajjiż tat-Tramuntana / u nlaqqagħhom min tarf l-art; / fosthom hemm l-għama u z-zopp, / … Nerġgħu lura hawn f’folla kbira.
Huma kienu telqu fil-biki, / jiena nġibhom lura fost il-konsolazzjoni; / neħodhom ħdejn xmajjar ta’ ilma / minn triq dritta li fiha ma jitfixklux; / għaliex jiena missier…” (Ġer 31,8-9).
Illum huwa l-Ħadd missjunarju. Il-Knisja trid li aħna lkoll niftħu b’mod iktar wiesà il-ħarsa tal-fidi u nħarsu lejn il-missjoni tal-Knisja fl-art kollha. U li aħna lkoll niftħu wkoll b’mod iktar wiesà qlubna u nħobbu iktar din il-missjoni; li lkoll inħossuna msejħin biex nieħdu sehem. Il-Knisja kollha hija missjunarja.
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù “rebaħ il-mewt u għamel tiddi l-ħajja u l-immortalità permezz tal-Vanġelu” (2Tm 1,10).
U, flimkien ma’ dan kollu, Sidna Ġesù Kristu stabilixxa l-missjoni tal-Knisja.
Jalla lkoll inħossuna msejħin għal din il-missjoni. Il-Knisja kollha hija missjunarja.
6. F’dan il-Ħadd l-Isqof ta’ Ruma iwettaq il-mandat missjunarju tal-Knisja, billi jżur il-parroċċa ta’ “Santa Marija tal-Preżentazzjoni”, il-parroċċa tagħkom
Ġejt fostkom propju għaliex il-parroċċa tagħkom hija parroċċa żagħżugħa – għandha madwar għaxar snin ta’ ħajja – u “missjunarja”, b’ħajja bieżla u dinamika; parroċċa wkoll li tinsab f’nofs diversi diffikultajiet, mhux aħħarija dik tan-nuqqas ta’ tempju “viżibbli”.
Għalhekk nixtieq noffri t-tislima kordjali tiegħi u l-inkuraġġiment sinċier tiegħi lill-kappillan tagħkom, Dun Pietro Beccaria, li biż-żelu instankabbli tiegħu ħadem f’dawn is-snin kollha biex jibni internament il-komunità tagħkom. Nawgura li mill-iktar fis tkun tistà titla Knisja sabiħa, wiesgħa, dekoruża, addattata għall-esiġenzi pastorali tal-madwar 2,500 familja u tal-10,000 fidili li jappartienu lill-parroċċa. Nixtieq insellem ukoll lis-saċerdoti, li joffru l-kollaborazzjoni tagħhom lill-kappillan, u lill-membri tal-Istituti Reliġjużi maskili u femminili, li joperaw fl-isfera ta’ dan it-territorju: L-Ordni Antoniano Maronita; is-Sależjani Ukraini mas-Seminarju Pontifiċju; is-sacerdoti Ukraini mal-Università Ukraina; il-patrijiet ta’ Santa Croce; il-Patrijiet tal-Mondo Migliore; il-Missjunarji tas-Sacro Cuore; il-Pie Suore della Redenzione; Is-Suore dell’Immacolata ta’ Ġenova; is-Suore Passionist u le Figlie della Provvidenza; is-Suore Serve di san Giuseppe; is-Suore dell’Angelo Custode; is-Suore Trinitarie Ucraine; is-Suore della Sacra Famiglia; is-Suore ta’ san Basilio; is- Suore Ucraine dell’Immacolata; lil kulħadd nisa u rġiel u lil kulħadd l-istedina biex b’dedikazzjoni dejjem ikbar tagħtu kontribut ġeneruż ta’ disponibiltà u ta’ enerġiji għall-inizjattivi diversi tal-parroċċa.
Insellem ukoll lil dawk li huma mpenjati b’mod ġeneruż fix-xogħol apostoliku: il-Kunsill Pastorali; il-grupp tal-katekisti rġiel u dak tan-nisa; il-vjaġġaturi, il-grupp tal-Ġimgħa; il-Gam; il-grupp tar-Riċerka; il-grupp Fedeltà; il-Kanturi; il-Letturi; il-Ministri tal-parroċċa.
Linqas nistà ninsa, f’din iċ-ċirkustanza sinifikattiva taż-żjara pastorali tiegħi, lill-missirijiet, lill-ommijiet, liż-żgħażagħ maskili u femminili, lill-foqra, lill-morda u, b’mod speċjali, lis-subien u l-bniet, li huma il-ferħ kbir u t-tama ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà. Qrajt b’interess u b’emozzjoni l-ittri żgħar, li huma riedu jindirizzawli fl-istennija ta’ din il-laqgħa tagħna. Urewni mħabbithom, l-ideali ċari tagħhom – it-tjubija, il-paċi u l-qbil bejn il-popli – u talbuni biex inkun il-kelliem quddiem il-Knisja u d-dinja ta’ dawn l-esiġenzi tagħhom. Tifel tat-tieni sena ta’ katekiżmu kitibli sentenza, li tiġbor fil-qosor b’mod tal-għaġeb is-sentimenti l-iktar profondi tagħkom: “Din tagħna hija parroċċa modesta, imma fiha hemm issib tant imħabba”.
Ġrazzi! Grazzi għall-preżenza ferrieħa tagħkom għaż-żjara tiegħi!
7. Ħuti għeżież: Tassew nistgħu ngħidu flimkien: “Ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej għalina!” Il-parroċċa tagħkom ukoll, bħala ċellula ħajja tal-Knisja u parteċipi tal-missjoni tiegħu, hija “ħaġa kbira”.
Huwa meħtieġ li nħarsu lejha b’għajnejn ta’ fidi u li, waqt li nibnuha internament permezz tax-xhieda kostanti tal-ħajja nisranija tagħna, nikkollaboraw ma’ Kristu, li “rebaħ il-mewt u għamel jiddu l-ħajja u l-immortalità permezz tal-Vanġelu” (2Tm 1,10).
Amen!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb