Il-Papa Franġisku jafda l-vjaġġ tiegħu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan t’Isfel lill-Madonna

Print Friendly, PDF & Email

Lejlet it-tluq tiegħu għal-40 Vjaġġ Appostoliku barra mill-Italja, l-Papa Franġisku għamel żjara fil-Bażilika Rumana ta’ Santa Maria Maggiore biex jafda ż-żjara tiegħu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan t’Isfel lill-Verġni Marija.

Skont stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, l-Qdusija Tiegħu qatta ftit ħin ta’ talb quddiem l-ikona ta’ Maria Salus Populi Romani. L-Papa Franġisku telaq minn Ruma t-Tlieta filgħodu għal Vjaġġ Appostoliku ta’ sitt ijiem.

Din se tkun l-ewwel żjara ta’ Papa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-1985, meta San Ġwanni Pawlu II vvjaġġa lejn in-nazzjon, dak iż-żmien kien magħruf bħala Zaire. It-tieni waqfa tal vjaġġ se tkun l-ewwel żjara papali fis-Sudan t’Isfel. Il-Papa qed iżur il-poplu ta’ dawn il-pajjiżi Afrikani bħala “pellegrin tal-paċi”, u qed iġġorr miegħu messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni u tama.

F’ittra indirizzata lill-poplu taż-żewġ pajjiżi qabel it-tluq tiegħu, l-Papa Franġisku nnota li r-Repubblika Demokratika tal-Kongo qed “tbati minn ġlied bl-armamenti u sfruttament”, speċjalment fil-Lvant tal-pajjiż, u li s-Sudan t’Isfel, ilu “mkisser minn snin ta’ gwerra”, u l-poplu “mxennaq għat-tmiem tal-vjolenza kostanti li ġġiegħel lil ħafna nies jaħarbu u jispiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ tabtija kbira”.

L-ewwel waqfa se tieħu lill-Papa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-31 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar. Imbagħad nhar il-Ġimgħa, jivvjaġġa lejn is-Sudan t’Isfel sal-5 ta’ Frar għal żjara li tfittex li tgħin biex terġa tqajjem tama lin-nazzjon li għandu l-iżgħar età medja fid-dinja.   

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-francis-journey-drc-south-sudan-saint-mary-major-40.html

%d bloggers like this: