Il-Papa Franġisku telaq fl-40 Vjaġġ Appostoliku tiegħu barra mill-Italja lejn in-nazzjonijiet Afrikani tas-Sudan t’Isfel u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). It-titjira papali ITA-Airways telqet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Fiumiċino ta’ Ruma fit-8.29 ta’ Tlieta filgħodu, fejn se twassal lill-Papa u aktar minn 70 ġurnalist. It-titjira hija skedata li tasal fl-Ajruport Internazzjonali “Ndjili” fil-kapitali tar-RDK ta’ Kinshasa għall-ħabta tat-3pm ħin lokali.
It-Tlieta filgħodu, qabel ma ħalla r-residenza tiegħu f’Casa Santa Marta, fil-Vatikan, il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ madwar għaxar migranti u refuġjati mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan t’Isfel, li huma megħjuna, flimkien mal-familja tagħhom, miċ-Centro Astalli, f’Ruma mmexxi mill-Ġiżwiti. L-Kardinal Konrad Krajewski, l-Prefett tad-Dikasteru għall-Karità, akkumpanja lill-grupp għaż-żjara tagħhom mal-Papa.
Malli waslet l-ajruport, il-karrozza tal-Papa waqfet għal ftit ħin ħdejn il-Monument ta’ dawk li Waqgħu, fil-Kindu, kif huma magħrufa it-13-il pilota Taljani li nqatlu fil-Kongo fil-11 ta’ Novembru 1961. Il-Qdusija Tiegħu ddedika talb lill-vittmi ta’ dak il-massakru u lil dawk kollha li tilfu ħajjithom jipparteċipaw f’missjonijiet umanitarji u ta’ paċi.
Meta l-Qdusija Tiegħu jinżel f’Kinshasa, se jkun milqugħ minn ċerimonja ta’ merħba. L-Papa mbagħad se jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President Felix Tshisekedi, u jindirizza lill-awtoritajiet tal-pajjiż, lis-soċjetà ċivili, u l-korp diplomatiku. Fit-tmiem ta’ dan il-Vjaġġ nhar il-Ħadd, li jimmarka l-ħames żjara tal-Papa Franġisku fil-kontinent Afrikan, se jżur ukoll is-60 pajjiż mill-bidu tal-pontifikat tiegħu.
Minħabba uġigħ qawwi fl-irkoppa, l-Papa kien imġiegħel jipposponi din iżjara fir-RDK u fis-Sudan t’Isfel, li oriġinarjament kienet skedata għal Lulju 2022. Dak iż-żmien, il-Qdusija Tiegħu kien bagħat f’ismu lis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, fejn esprima d-diżappunt tiegħu li ma setax jagħmel il-vjaġġ, kif ukoll wera x-xewqa tiegħu li jivvjaġġa fiż-żewġ nazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun.
Għal snin sħaħ, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa qawwija tiegħu li jivvjaġġa lejn is-Sudan t’Isfel, fejn il-maġġoranza tal-poplu huwa Kristjan, iżda s-sitwazzjoni nstabbli fil-pajjiż, flimkien mal-pandemija, ikkumplikat pjanijiet għal din iż-żjara. F’April 2019, il-Papa kien ospita rtir spiritwali fil-Vatikan għall-mexxejja politiċi u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi tas-Sudan t’Isfel. Fl-irtir f’Casa Santa Marta, l-Papa kien niżel għarkubbtejh quddiemhom u talabhom biex jaħdmu għall-paċi u biex ikunu missirijiet denji ta’ ġenshom.
Madwar 20% tal-Kattoliċi tad-dinja jgħixu fil-kontinent Afrikan, u dan il-perċentwal dejjem qed jiżdied.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-francis-sets-off-to-dr-congo-south-sudan.html