Minn Fr Philip Cutajar OFM cap
Il-Papa Franġisku fid-diskorsi tiegħu jħobb juża kelma, li ser inalliha bit-taljan kif jgħida hu: ‘BALCONEAR’. B’din il-kelma il-Papa jkun qed jirriferi għal dawk l-insara li quddiem il-fatti tal-istorja tal-umanità jħobbu joqgħodu ‘gallerija’. Toqgħod gallerija dment li l-purċissjoni għaddejja. Tibqa’ gallerija dment li l-istorja tad-dinja, l-istorja tal-umanità, l-istorja ta’ pajjiżek, tar-raħħal / belt tiegħek, tal-parroċċa tiegħi forsi aktar agħar tal-familja tiegħek tkun qed tinkiteb u inti tibqa’ biss spttatur passiv, indifferenti għal dak li qed iseħħ. Ma tinvolvix ruħek. Ma tikkomettix ruħek sabiex la tfuħ u lanqas tinten. Però mbagħad issibek minn ta’ quddiemnett sabiex tikkritika, tikkundanna u tgħid xi jmissu jsir. Però inti tibqa’ lura. Ma tagħmel xejn pożittiv. Tibqa’ b’idejk fuq żaqqek minflok ma xxammar il-kmiem.
BALCONEAR huwa terminu li l-Papa Franġisku jħobb juża u dejjem f’sens negattiv. Hija kelma wżata ħafna fil-vokabolarju Arġentin – Latin Amerikan. Hija kelma wkoll li nsibu fil-lingwaġġ tagħna meta ngħidu ‘dak baqa’ gallerija’ – ‘skansa faċċendi’ – ‘jiżloq mix-xogħol’ – ‘dak biex jikkritika biss jinqala’ mbagħad ma ssibux biex imidd idejh’. Dawn huma kollha frażijiet li ta’ spiss nisimgħuhom speċjalment fil-gruppi tal-knisja, fl-għaqdiet, fil-kumitati u fil-politika. Dawn huma tipi ta’ nies li jippreferu jidħlu fil-ground għal-logħoba imma bħala supporters biss, qatt ma jkunu kapaċi jinżu fil-pitch biex jagħtu s-sehem attiva tagħhom u jilgħabu l-partitia tal-ħajja. Dawn jippreferu jibqgħu fl-anonimat, newtrali – għax ma tafx lil min tiġi bżonn fil-ħajja! Pjuttost issibhom nies bla sinsla, bla karattu, bla valuri, bla prinċipji, nies li jimxu mall-massa, mall-kurrent.
IS-SORU LI SALVATLU ĦAJTU
F’intervista li l-Papa Bergoglio kellu ma’ Antonio Spadaro, direttur tar-rivista Civiltà Cattolica, ippublikata f’Settembrutas-sena 2013, ittratta b’mod sempliċi imma effikaċi dan is-suġġett tal-inizjattiva, il-proattività kontra l-apatija u l-indifferenza b’rakkont meħud mill-esperjenza tal-ħajja tiegħu. Il-Papa rrakonta meta kien l-isptar marid bil-pulmuni. Dak innhar it-tobba kienu tawh kors ta’ injeżżjonijiet tal-penecillin u strectomacina b’doża ta’ 200mg. Imma s-soru li kienet qed tieħu ħsiebu bħala nurse meta rat il-kundizzjoni gravi tal-infezzjoni li kien qed ibati minnha, minn rajha ħadet id-deċiżjoni li żżid id-doża tal-penecillin bi tlett darbiet iżjed. U kienet din l-inizjattiva tas-soru li Jorge Bergoglio ħareġ mill-isptar imfejjaq.
Il-Papa Franġisku faħħar lil dik is-soru, mingħajr ma kkritika lit-tobba, għall-inizattiva tagħha. Is-soru kienet hemm bl-esperjenza tagħha fuq il-fruntiera mall-morda u għalhekk b’intuwizzjoni għarfet il-bżonn urġenti li Bergoglio kellu bżonn. Quddiem dan il-bżonn hija ma baqgħtex ‘gallerija’, ma qagħditx tgħid ‘mhux it-tobba qalulu hekk’, imma kienet proattiva u salvat il-ħajja tal-pazjent. Kif qal il-Papa Frnaġisku stess: “Jiena llum għadni qed ngħix bis-saħħa ta’ dik is-soru!”
BĦAL SAN FRANĠISK T’ASSISI
L-esperjenza tal-ħajja tgħallimna li l-għażż huwa missier il-vizzji filwaqt li l-indifferenza u l-apatija huma l-ommijiet ta’ dawk il-vizzji fejn moħħna jkun f’dak li ser ngħidu fuq in-nies (gossiping) u għalhekk naslu wkoll sabiex, b’kawża tal-għażż, nagħmlu azzjonijiet mhux xierqa. Meta Papa Franġisku qed jitkellem fuq il-perikli li joħorġu minn dawk li jieħdu l-attitudni negattiva tal-balconear, jiġifieri li b’indifferenza u apatija quddiem il-ħajja jibqgħu spettatur, faċilment jaqgħu f’dawn il-vizzji li semmejn.
F’kumment li jagħmel Alver Metalli, wieħed mill-istudenti tal-Professur Jorge Bergoglio, jirrakonta kif fi Buenos Aires, waqt purċissjoni ta’ Corpus Christi, l-Isqof Bergoglio kien innota diversi nies li matul il-proċessjoni ppreferew jibqgħu fil-galleriji ta’ djarhom. U kien hawnhekk li Bergoglio għadda kumment: “Kemm għandna nies fil-ħajja ta’ kuljum, anke saħansitra fil-ħajja tal-knisja li flok ma jkunu protagonisti sabiex ibiddlu l-istorja bil-għan li jkollna ħajja aħjar, jippreferu jibqgħu passivi w indifferenti fil-gallerija. Il-fidi ma ngħixuhix mill-gallerija imma nimxu. Il-fidi mhix bħaż-żebgħa li biha tiżboh xaharek!”. U proprju hawnhekk il-Papa jagħmel referenza għal San Franġisk t’Assisi. Dan bħala żagħżugħ quddiem in-nuqqasijiet li kien hemm fl-istess Knisja ta’ żmienu ma baqgħax indifferenti, ma tħallhix li jiġi pparalizzat mill-apatija imma kien proattiv u għamel xi ħaġa ferm pożittiva. Niżel mill-gallerija u beda l-ewwel jinbidel hu, sabiex b’hekk il-Knisja ma tieqafx tinbidel.
AĦNA X’AĦNA? FEJN QEGĦDIN?
Quddiem dawn ir-riflessjonijiet li qed naqsam magħkom mnebbħin mid-diversi diskorsi tal-Papa Franġisku huwa meħtieġ li aħna nistaqsu lilna nfusna: Aħna x’aħna? Aħna fejn aħna? Aħna ċittadini u nsara tal-‘gallerija’? Spettaturi biss? M’aħniex kapaċi ninvolvu lilna nfusna sabiex b’kull mod possibli, skont il-kwalitajiet ta’ kull wieħed u waħda minna nfittxu li nagħtu s-sehem pożittiv tagħna f’kull qasam tal-ħajja. Nemmen li għandna wisq ċittadini maltin u għawdxin tal-‘gallerija’.
Il-Papa Franġisku fil-ktieb li kiteb flimkien mar-rabbi Abraham Skorka bl-isem IS-SEMA U L-ART, jagħmel differenza bejn Professur u Għalliem (maestro). Li tkun ‘professur’ ifisser li tmur fil-klassi u b’mod akkademiku tagħti l-lezzjoni bla entużjażmu u ħeġġa imma li tkun ‘għalliem’ ifisser li mall-lezzjoni tagħti l-eżempju bil-ħajja tiegħek u tinvolvi lill-istudenti fis-suġġett.
Ma nistgħux fil-ħajja ta’ kuljum nibqgħu biss ‘professuri’ billi neddettaw u ngħidu x’għandu jsir mbagħad aħna ma nagħmlu xejn. Jinħtieġ li nkunu ‘għalliema’ billi b’ħeġġa w entużjażmu ninvolvu aktar lilna nfusna fil-ħajja ta’ kuljum u bl-eżempji tajba tagħna nkunu protagonisti fil-bidla.
Kemm għandna bżonn nies ta’ din il-kwalità fil-kultura, fil-politika, fuq il-mezzi tal-kumunikazzjoni soċjali, fin-negozju, fil-familja tagħna u mhux inqas fil-ħajja tal-Knisja. Ġesù dan hu li kontinwament qed jitlob minna, jiġifieri li ‘nkunu melħ tal-art u dawl tad-dinja’(Mt. 5, 13-16). Kif tista’ fil-ħajja ta’ kuljum tkun tassew ‘melħ’ u ‘dawl’ jekk inti qed tgħix il-ħajja tiegħek ‘gallerija’? B’urġenza, illum qabel għada, ejjew inbiddlu l-atteġjament tagħna billi ninżlu mill-‘gallerija’ u nimxu mall-purċissjoni tal-ħajja ta’ kuljum, ninkarnaw fid-dinja bla ma nkunu tad-dinja, ninvolu aktar lilna nfusna fil-ħajja ta’ kuljum billi nkunu ‘bħal ħmira li tgħolli l-għaġna kollha’.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem!