IL-MISTOQSIJA TA’ PAWLU
San Pawl, fl-ittra lir-Rumani, jittratta l-mistoqsija: “Alla telqu lill-poplu tiegħu?” Qed jistaqsi dwar l-istatus tal-poplu li Alla kien għażel. U jwieġeb: “Ma jkun qatt li naħseb hekk, għax jien ukoll Lhudi, min-nisel ta’ Abraham, mit-tribù ta’ Benjamin. Ma remiex Alla l-poplu tiegħu, li Hu għażel minn qabel.”
L-ittra fiha kliem iebes għal sezzjoni mil-Lhud li webbsu qalbhom; “tahom għajnejn biex ma jarawx, widnejn biex ma jisimgħux (Rum 11, 7-8). Huma kliem li jinftiehmu meta niftakru fil-kliem tal-profeti Lhud, li ħaduha kontra l-ħażen tal-poplu; “Mhux li kelli fid-deżert għarix fejn nieqaf mit-triq! Kont nitlaq il-poplu tiegħi u mmur bogħod minnhom.” (Ger 9,1).

SAN PAWL BĦAL MOSE’
Il-kliem huma ibsin għax qed jgħidhom wieħed li hu bin il-Lhud, Fariżew tal-Liġi. Hu mħallef u fl-istess ħin parti fil-kawża. Kien f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Mose’, qed jittratta ma’ poplu diffiċli, imma hu l-poplu tiegħu, li hu jħobb. Pawlu xtaq jara lil ħutu jilqgħu l-messaġġ ta’ l-Evanġelju u jilqgħu lil Kristu. “Għandi niket kbir u niket bla heda f’qalbi. Nixtieq li nkun jien innifsi mifrud minn Kristu għal ħuti (Rum 9, 3). Hu l-istess wieħed li qal: “Jiena, la l-mewt u lanqas il-ħajja, … xejn ma jifridni mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesu’ Sidna. (Rum 8, 38-39) Ried juri l-imħabba li kellu għal niesu biex jarahom jaċċettaw bil-ferħ il-Vanġelu.
F’naħa waħda Pawlu jżomm b’forza l-idea tal-għażla preferita ta’ Israel; min-naħa l-oħra jibbaża t-tama tiegħu ta’ konverzjoni ta’ Israel, mhux aktar fuq il-prinċipju ta’ privileġġ partikulari tal-Lhud imma li “Alla… iħenn għal kulħadd.” (Rum 11, 32)
Il-Lhud tfixklu fi Kristu, li hu l-ġebla ta’ tfixkil, li huma ma ridux jagħrfuh bħala Alla u Messija; imma din mhix tfixkila li minnha ma jqumu qatt. Il-Lhud ma ridux jisimgħu u jemmnu l-kelma ta’ Alla, b’hekk Pawlu dar lejn il-pagani li emmnu u sabu s-salvazzjoni bin-nuqqas ta’ twemmin tal-Lhud. Meta jaraw il-privileġġi tagħhom meħudin minnhom u mogħtija lill-pagani, jimtlew b’għira ‘tajba’, jagħrfu l-iżball tagħhom u jidħlu fil-Knisja ta’ Kristu. Għalkemm il-poplu bħal issa jinsab ‘mormi’ minn Alla, jibqa’ dejjem il-poplu magħżul minn Alla, il-poplu li bih kellhom iseħħu l-pjanijiet ta’ Alla. Dan kellhom jifhmuh il-pagani biex ma jiftaħrux bihom infushom, li ħadu post il-Lhud.
L-ARGUMENT TA’ PAWLU
Meta qed jikkwestjona l-istatus ta’ Israel, Pawlu mhux jikkuntesta ċ-ċirkonċiżjoni jew il-valur tal-wegħda ta’ Alla, imma jinsisti fuq il-fatt li l-infedelta’ ta xi wħud (Rum 3, 3), iddenaturat ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u qegħdithom fl-istess sitwazzjoni bħall-pagani. Din is-sitwazzjoni hi l-okkażjoni li Alla għażel biex jaqla’ l-ġustizzja u jħabbeb lil-Lhud u ‘l-pagani ma’ Alla permezz tal-fidi f’Ġesu’ Kristu. (Rm 3, 22.30).
IL-LHUD LI MA LAQGĦUX LIL KRISTU
Pawlu jinteressa ruħu dwar id-destin tal-poplu tiegħu, li l-maġġuranza tagħhom irrifjutaw L-Evanġelju. Alla warrab lil uħud mil-Lhud li ma ridux jemmnu, imma żamm ftit magħżulin. Għalhekk Alla ma remiex il-poplu tiegħu. U Pawlu jġib eżempju mill-istorja ta’ Elija, li Alla jgħidlu li mhux il-poplu kollu kien telqu, għax baqa’ xi ftit fidili lejH li ma qimux lill-allat.” Fid-Dewtoronomju u f’Isaija nsibu li l-Lhud, qalbhom iebsa bħall-ħaġra li ma tħossx, kienu qishom fis-sakra mitlufin minn sensihom, jaraw il-mirakli u ma jemmnuhomx. (Dewt 29, 3 u Is 29, 10)
MA NIĊĦDUX L-GĦERUQ TAGĦNA
Pawlu hu kontra li wieħed jinfired mill-‘ewwel frott’. Ir-reliġjon nisranija għandha l-egħruq tagħha, fondi u moħbija, fil-ġrajjiet tal-poplu Lhudi, magħżul minn AlIa biex jagħti bidu għall-proġett tas-salvazzjoni. Fil-waqt Ii kontinwament iġġedded lilha nnifisha, il-Knisja tibqa’ mqabbda ma’ dawn l-għeruq u tiftakar fil-Patrijarki u l-Profeti, Ii ħejjew tul sekli sħaħ il-miġja tal-Messija, u allura t-twelid lill-poplu l-ġdid ta’ lżrael. Hu fuq I-esperjenza reliġjuża tal-poplu Lhudi Ii nbniet il-Knisja, wara tħejjija ta’ ħafna snin. Pawlu jirreferi għall-għerq: Abraham u l-patrijarki l-oħra, li huma l-bidu u n-nisel tal-poplu Lhudi. Jekk huma kienu qaddisa, il-qdusija tagħhom tixtered b’xi mod fuq il-poplu kollu, li jibqa’ werriet tal-barka ta’ Alla u tal-wegħdi tal-Messija.
Il-friegħi maqtugħa huma l-Lhud li ma emmnux u kienu maqtugħa minn maz-zokk imqaddes tal-patrijarki. Iż-żebbuġa tad-deżert, jew iż-żebbuġa selvaġġa hu l-pagan, li billi jinsab barra mit-triq it-tajba, qisu siġra ħażina. Imma ż-żebbuġa selvaġġa tlaqqmet miż-żebbuġa t-tajba u bdiet terda’ minnha, meta l-pagani telqu d-drawwiet tagħhom u laqgħu l-fidi ta’ Kristu. Għalhekk il-friegħi mlaqqma, jew il-pagani kkonvertiti, ma għandhomx biex jiftaħru kontra l-friegħi maqtugħa, għax mhux iz-zokk jixrob mill-friegħi mlaqqma, imma l-friegħi miz-zokk.
IL-ĠUDAIŻMU FI ŻMIEN SAN PAWL
Pawlu ried ifakkar lil-Lhud li ladarba Alla ma jagħmilx eċċezzjoni ta’ ħadd, il-Lhud u l-pagani jridu jiġu salvati, mela il-veru Israel hu aktar wiesgħa min-nisel ta’ Abraham. Għaliex ħutu fid-demm iridu jqegħduhom barra mis-salvazzjoni? Għalkemm Pawlu kellu l-ħila li jipperswadi lil ħutu, it-tip ta’ Ġudaiżmu kien diffikulta’. Fid-diversita’ tiegħu (Fariżej, Sadduċej, Esseni, Żeloti), il-Ġudaiżmu fi żmien San Pawl kien mibni fuq dan:
- Monoteiżmu strett u l-għarfien ta’ relazzjoni privileġġjata ma’ l-uniku Alla veru, li għażel poplu għalih;
- Il-karattru ċentrali tat-Torah bħala l-volonta’ ta’ Alla għall-poplu tiegħu;
- l-importanza tat-Tempju ta’ Ġerusalemm;
- l-importanza tal-festi u tal-pellegrinaġġi, partikularment dik tal-Għid;
- l-iżvilupp ta’ qari tat-Torah, fis-sinagogi.
Il-liġi kienet il-qalba tal-ħajja reliġjuża Lhudija. Il-wegħda ta’ grazzja offerta minn Alla kienet marbuta mar-rigal tal-liġi u tqajjem, bħala tweġiba, l-ubbidjenza tal-poplu tiegħu. Bir-regoli fundamentali, li huma ċ-ċirkonċiżjoni u s-Sibt, flimkien mar-regoli ta’ purifikazzjoni ritwali, il-Liġi tiddefinixxi l-identita’ Lhudija. Il-popli l-oħra kienu meqjusin inqas mil-Lhud, għax ma kinux josservaw din il-liġi.
IL-PROPOSTA GĦADHA MIFTUĦA
Sal-lum, il-proposta ta’ Pawlu ma twettqitx, u r-relazzjonijiet bejn Lhud u Nsara ma għenux għall-għaqda. Imma x-xewqa ta’ Pawlu għadha hemm, miżrugħa fil-vokazzjoni tal-Knisja. U l-Knisja tibqa’ tittama fit-toroq li jaf isib il-Mulej meta jkun il-waqt.
Joe Galea