KANONIZZAZZJONI TA’ MARGHERITA BOURGEOYS
U GIOVANNA DELANOUE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 31 ta’ Ottubru 1982
Għeżież ħuti!
1. “Ejjew, araw l-opri li Alla għamel” (Kant tal-introjtu).
Illum qegħdin niċċelebraw dak li l-Ispirtu ta’ Alla wettaq f’Margherita Bourgeoys u f’Giovanna Delanoue, li għexu madwar tliet sekli ilu. Diġa l-predeċessur tiegħi Piju XII kien iddikjarahom “Beati” a bażi tal-eroiżmu tal-virtù tagħhom. Waqt li niktbuhom illum man-numru tal-“Qaddisin”, biċ-ċertezza u l-awtorità li jikkaratterizzaw ir-rit tal-kanonizzazzjoni, aħna nipproponu bħala eżempju mhux iktar biss għad-dijoċesi tagħhom ta’ Troyes, ta’ Angers, għall-belt ta’ Saumur jew għaż-żewg Kongregazzjonijiet minnhom imwaqqfa, imma għat-totalità tal-Knisja, billi nistiednu lill-insara kollha biex jonorawhom bħala qaddisin u biex jirrikorru għall-interċessjoni tagħhom.
Dan mela huwa jum ta’ ferħ u ta’ kburija għall-konnazzjonali tagħhom Franċiżi u Kanadiżi, hawn rappreżentati minn delagazzjonijiet important. Insellmilhom b’mod kordjali. Imma dan, mela, huwa jum b’mod speċjali ta’ ringrazzjament lil Alla min-naħa tal-Knisja universali. F’dan il-jum li feliċement jaħbat mal-vġili tas-sollennità tal-Qaddisin Kollha, hija msaħħa t-tama tagħna fil-ħajja eterna, li fiha qegħdin jieħdu sehem fis-sema Santa Ġovanna Delanoue u Santa Margerita Bourgeoys, mimlijin bil-preżenza ta’ Alla li huwa Mħabba. U l-ħajja tagħna ta’ kuljum hija stimolata mill-mod li bih huma wieġbu għas-sejħa ta’ din l-Imħabba. Huma dan għamluh f’forma awtentika, jiġifieri inkarnata għal kollox fil-kuntest tal-epoka tagħhom. Dak li jimporta, iktar milli nimitawhom litteralment, huwa li nimitaw magħhom lil Ġesù Kristu. Imma l-intuizzjonijiet tagħhom, ispirati mill-istess Spirtu Santu, jibqgħu għalina u għad-dinja tallum indikazzjonijiet prezzjużi.
2. Biex nifhmu l-vokazzjoni taż-żewġ qaddisin, l-ewwel indikazzjoni tahielna l-Vanġelu ta’ din il-Quddiesa. “Marija telqet bil-mixi minnufih . . . sellmet lil Eliżabetta. Allura Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu Santu u għajtet: “it-tarbija qabżet bil-ferħ fi ħdani. Imbierka dik li emmnet””!
Huwa l-Ispirtu Santu li wettaq bidla f’daqqa u deċiżiva f’kull waħda miż-żewġ qaddisin, meta laħqu l-età adulta, għoxrin u sitta u għoxrin sena, u dan fil-kuntest ta’ talb lill-Verġni Marija. Għal Margherita Bourgeoys, kienet il-festa ta’ Sidtna tar-Rużarju, u minn dak il-waqt ħajjitha kollha, sostniet internament l-inizjattivi tagħha: “Mur, jien ma nabbandunak qatt”. Jekk Margerita tintefà mela f’ħajja missjunarja, li se tkun “ħajja ta’ vjaġġ” li jdur preċiżament madwar il-“Ville-Marie” tad-dinja Kanadiża l-ġdida, hija ma tagħmel xejn għajr timita lill-Verġni tal-Viżitazzjoni li wasslet lil Eliżabetta u lil Ġwanni l-Battista, lill-omm u lill-iben, is-servizzi umani tal-karità tagħha, id-don divin li kellha fiha, biex iqaddisha. L-ewwel Kappella li bniet u ddedikat lil Sidtna tal-Għajnuna Perpetwa, u l-Kongregazzjoni tisfa ddedikata lil Sidtna. Bl-istess mod, il-“konverżjoni” ta’ Ġovanna Delanoue, waslet fil-jiem ta’ Pentekoste, hija nseparabbli mis-Santwarju ta’ Notre-Dame des Ardilliers, ġo Saumur, li tiegħu pellegrina żelanti u fqira, Francesca Souchet, ittrażmettitilha xi eżortazzjonijiet li fihom Ġovanna għarfet is-sejħa tal-Ispirtu tal-karità. Giovanna Delanoue iżżomm familjarità mistika mal-Verġni Marija. U l-eżempju taż-żagħżuh Patri Grignion de Montfort ma setax ma jinkuraġġihiex dwar din it-triq.
Bla dubju, il-grazzja sabet art tajba; din kienet tfajliet ta’ familji serji, fil-bżonn, nsara ħafna; imma l-Ispirtu Santu, permezz tal-Verġni Marija, ittrażmetta fihom, mingħajr qatt ma warrbu viżjoni realistika tal-affarijiet, bħal ġenn ta’ mħabba, li kellu jkun l-espressjoni tal-grazzja tagħhom ta’ mgħammdin fl-ogħla grad. “Imberkin, dwk li emmnu”! Ejjew issa nieqfu fuq sezzjoni tal-apostolat tagħhom.
3. Dwar “Santa Margherita Bourgeoys”, wieħed jiftakar b’mod speċjali l-kontribut tagħha oriġinali għall-promozzjoni tal-familji, tfal, miżżewġin futuri, ġenituri. Hi, li f’Montreal kienet imsejħa l-“Omm tal-Kolonja”, setgħet tgħid bħal San Pawl: “Magħkom, aħna konna mimlijin ħlewwa, bħal omm li ddawwar bl-attenzjonijiet lil uliedha, Billi għalikom kellna tali mħabba, irridu mhux biss nagħtukom il-Vanġelu ta’ Alla, imma dak kollu li aħna aħna”.
Diġa, minn meta kienet xbejba fi Troyes, kienet għarfet tilħaq, flimkien ma’ sħabha oħra, il-familji foqra tal-periferiji biex jgħallmu lit-tfal, u fil-familja tagħha, magħmula minn tnax-il wild, kellha tieħu fuqha r-responsabiltà tad-dar ta’ missierha u l-edukazzjoni ta’ ħutha wara l-mewt ta’ ommha. Imma billi kienet ġiet miġbuda mill-preokkupazzjoni missjunarja tagħha lejn id-dinja l-ġdida Amerikana fuq il-passi tal-Qaddisin martri kanadiżi, imneżżà minn kollox, bla valiġġja u linqas flus, hija kkonsagrat ruħha qabel kollox għat-tfal bħala għalliema lajka. Din l-opra ta’ diretriċi ta’ skola popolari, wettqitha b’suċċess, bla ma għamlet distinzjoni bejn l-Indjani u t-tfal tal-kolonjalisti Franċiżii, billi qisithom kollha prezzjużi “bħal qtar ta’ demm tal-Mulej Sidna”.
Riedet tħejjijhom biex ikunu ommijiet ta’ familja tajbin, permezz ta’ edukazzjoni sħiħa. Din kienet bla dubju li tiffurmahom fil-fidi, fil-ħniena, fil-ħajja nisranija u fl-apostolat, imma wkoll billi tħejjijhom fl-affarijiet domestiċi u fix-xogħlijiet prattiċi li kienu jippermettulhom li jgħixu bil-prodott tax-xogħol tagħhom u b’mod speċjali biex iħejju ruħhom ħalli jżejnu ħajjithom familjari, għanja jew fqira kienet x’kienet. L-edukazzjoni tajba u l-formazzjoni ntellettwali kienu b’mod ugwali fil-programm, u r-riżultat kien li t-tfajliet tagħha kienu joħorġu istruwiti kważi iktar mis-subien, sinjal prekursur u rari għal dik l-epoka ta’ promozzjoni awtentika femminili. Kienet taf tagħti fiduċja lill-ħiliet tal-Indjani li ma fallewx li jsiru mexxejja ta’ skola. Hemm bżonn ukoll ninnutaw din il-partikolarità: minflok ma kienet tieħu l-istudenti f’xi lukanda fil-belt il-kbira – din wara kollox kienet ir-raġuni li hija rrifjutat il-klawsura għas-sorijiet tal-Kongregazzjoni sekolari tagħha ta’ Notre-Dame – hija ppreferit xi skejjel fil-post, qrib il-popolazzjoni, bla mistrieħ miftuħa għal suġġerimenti tal-ġenituri, għaliex huwa mportanti li ma teħdilhomx posthom.
U Margherita Bourgeoys qieset nhux inqas indispensabbli li tagħmel kollox biex titfà bażijiet sodi ta’ familji sodi u b’saħħithom. Hija mela kellha tikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta’ problema tassew partikolari għal dan il-post u għal din l-epoka. Għall-irġiel li ġew bħala suldati jew bdiewa fuq din l-art tad-dinja l-ġdida, biex twettaq ġo Villa Marie ċentru ta’ evanġelizzazzjoni li kellu jkun differenti mill-kolonizzazzjonijiet l-oħra, kienu neqsin nisa ta’ valur. Margherita Bourgeoys fettxet u akkumpanjat bis-“savoir faire” edukattiv tagħha xi tfajliet Franċiżi, possibilment b’saħħithom u ta’ vera virtù. U ħadet ħsiebhom bħal omm, b’imħabba u fiduċja, billi laqgħethom f’darha, biex tħejjihom ħalli jkunu għarajjes u ommijiet ta’ valur, insara, edukati, ħabrieka, radjanti. U fl-istess ħin, bi tjubitha, għenet lil dawn l-irġiel goffi biex isiru miżżewġin komprensivi u missirijiet tajbin.
Imma ma kkuntentatx ruħha b’dan. Meta l-fokolari kienu ffurmati, kompliet toffrilhom is-sosten materjali meħtieġ f’każ ta’ karestija u ta’ epidemija, u kisbitilhom, b’mod partikolari lin-nisa, l-okkażjoni li jiggustaw flimkien il-mistrieħ, il-ħbiberija, waqt li saħħithom fil-għanijiet tajbin, fis-sorsi tal-ispiritwalità, f’dawk li hija sejħet l-“irtiri” u wkoll il-“kongregazzjonijiet esterni”.
Fil-qosor, dak li bosta jisfurzaw biex iwettqu llum b’metodi, istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet addattati għal żmienna, għal edukazzjoni valida, għat-tħejjija għaż-żwieġ nisrani, b’opra ta’ sosten u ta’ parir għall-familji, donnha ssib iż-żerriegħa, taħt modi oħra, fl-ispirtu u fl-inizjattivi ta’ Margherita Bourgeoys. Din hija għall-insara ferħ kbir u inkuaġġiment biex jinxteħtu b’mod iktar riżolut għat-twettiq ta’ dak li s-Sinodu riċenti qal dwar il-familja u li jien ipproponejt lill-Knisja s-sena l-oħra fl-eżortazzjoni Familiaris Consortio. Jalla s-soċjetà kollha attwali, fil livell tal-korpi ċivili kollha tagħha, tkun hi wkoll konvinta li ebda soluzzjoni fit-tul ma tistà tinstab jekk ma tagħtix lura lill-familja l-post l-iktar ċentrali tagħha u l-kondizzjonijiet tal-istabiltà tagħha u tal-promozzjoni tagħha! Jekk il-familja tagħraf kriżi, m’għandniex neħduha qatta bla ħabel biex nikkritikawha jew biex neliminawha – ħaga li kienet tibżà minnha l-qaddisa tagħna – imma biex ninkuraġġjawha, nagħtuha fiduċja u ngħinuha fit-twettiq tal-impenji tagħha, mingħajr ma nieħbu post dak li jmiss lilha.
U ejjew ma ninsewx li Margherita Bourgeoys kienet sostnuta fl-opra sorprendenti tagħha mid-devozzjoni tagħha lejn il-Familja Mqaddsaè u li f’nofs l-agħar diffikultajiet – “pieni u xogħlijiet” – serviet il-familji b’dik l-imħabba li tiġi mill-Ispirtu Santu.
4. “Santa Giovanna Delanoue”, l-aħħar fost tnax-il wild sabet ruħha wkoll tgħin lill-familji, imma dan għamlitu fil-kuntest partikolari ta’ pajjiżha, Saumur, li mis-XVII-il seklu kien milqut minn diffikultajiet kbar materjali u soċjali, ferm iktar gravi għan-nisa, ħsad ħażin, xtiewi kiefra. Wieħed iqis fuq kollox l-għajnuna effikaċi tagħha lil dawk l-iktar foqra. Hija li kienet magħrufa bħala negozjanta prudenti u interessata saret f’daqqa waħda “tassew ġeneruża fil-karità”, meta l-Ispirtu Santu, waqt li tefa “in-nar tax-xeħħa”, ġagħlha tifhem li l-fidi mħeġġa tagħha kienet qiegħda titlob ukoll “in-nar tal-karità”, billi wrieha l-firxa enormi tal-faqar. Il-ktieb ta’ Iżaija qalilna: “Aqsam il-ħobż ma’ min għandu l-ġuħ, / iġbor ma dwarek l-imdejqa bla kenn, / Għatti lil min tara għeri, / la twarrabx lil min hu bħalek”.
Dan huwa dak li Giovanna Delanoue wettqet litteralment: kienet iżżur lil dawk li kienu jgħixu bħala annimali fl-istalel imħaffra fl-għoljiet, iġġorr ikel u lbies, taħsel ħwejjiġhom u jekk ikun hemm bżonn tagħtihom tagħha, kienet tieħu ħsieb issaħħan dawn ir-rifuġji prekarji, tqassam fil-wisgħa lil dawk li jgħaddu, tibda billi tilqagħhom fid-dar tagħha, imbagħad tarma suċċessivament tlett idjar li jiġu mislufa lilha u ssejħilhom “Providenza”, biex tilqà tfal iltiema, tfajiet abbandunati għal rashom, nisa fil-miżerja, xjuħ milquta minn kull tip ta’ faqar, milquta mill-ġuħ u mill-bard, insomma dawk kollha li f’jum il-ġudizzju jistgħu jgħidulhom, kelli l-ġuħ, l-għatx, kont għeri, marid, bla dar. Ma riditx tagħmel distinzjoni bejn foqra meritevoli u mhux. Kienet tgħinhom kollha, imma ridithom ukoll jieħdu sehem fix-xogħlijiet, jgħallmu xogħol lit-tfal u lit-tfajliet.
Ħafna iktar, Giovanna Delanoue tagħmel l-esperjenza tal-umiljazzjonijiet tal-foqra, billi xi daqqiet tmur saħansitra tittallab, billi spiss tiekol agħar minnhom, mingħajr ma tgħodd is-sawm kontinwu tagħha, l-iljieli qosra u skomdi tagħha, trid li s-Sorijiet tagħha jaqsmu l-istess dar tal-foqra, jieklu bħalhom, bħalhom ikunu ttrattati f’każ ta’ mard, u jilbsu ilbies griż umli. Inkwantu għall-foqra tagħha, taf iddawwarhom bi ħlewwa, kultant tiksbilhom pranzijiet ta’ festa, tesiġi li s-Sorijiet tagħha jaqbżuhom b’rispett, billi jservuhom qabilhom.
Il-borgeżija ta’ pajjiżha, u saħansitra s-saċerdoti, ikkritikaw l-awsteritajiet “eċċessivi” tagħha u l-karità tagħha “diżordinata”. Imma xejn ma kien iwaqqafha, linqas it-tiġrif tal-ewwel abitazzjoni tal-ilqugħ: “Irrid ngħix u nmut mal-għeżież ħuti: il-Foqra”.
Inizjattivi oħra, bħal dawk imwielda mill-karità ta’ San Vinċenz ta’ Pawli, kienu diġa mifruxa fi Franza. Imma għall-epoka, Saumur kien għadu nieqes minn ospizji u Giovanna Delanoue riedet toħloq servizz ta’ karità għal dawk fil-bżonn u l-morda abbandunati għal riħhom. Biex torganizza ż-żjajjar tagħhom, u eventwalment tiftaħ skejjel żgħar għal uliedhom. Fi żminijietha, bil-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha, riedt tirrimedja għall-faqar u għall-vogabundaġġ. L-eżempju tagħha ma jonqosx li jisfida wkoll iż-żmien modern tagħna. Tant pajjiżi jgħixu f’miżerja kbira! U n-nazzjonijiet industrijalizzati ma jaħarbux mill-preokkupazzjonijiet materjali, huma wkoll għandhom il-foqra tagħhom, ta’ kull tip. Min se jimpenja ruħu forsi dejjem iktar illum biex jirrivela l-kawżi ta’ dawn il-miżerji, biex joħloq kondizzjonijiet iktar ġusti għal kulħadd, biex jistabilixxi miżuri ta’’ sikurezza soċjali, biex jgħin lill-foqra biex jimpenjaw ruħhom personalment, bla ma jħallu li jkunu biss assistiti. Imma l-attenzjoni lill-foqra, l-għajnuna immedjata u effikaċi jibqgħu ukoll huma fundamentali biex jirrimedjaw għell-għebusija tad-dinja tagħna. Dan huwa l-prezz, jgħid Iżaija, li d-“dawl jitla.
Flaħħarnett, waqt li nipproklamaw il-qdusija ta’ Giovanna Delanoue, huwa mportanti li nfittxu li nifhmu s-sigriet spiritwali tad-devozjoni li ma titqabbilx tagħha. Ma jidhirx li t-temperament tagħha kien jimbuttaha lejn il-foqra minħabba s-sentimentaliżmu jew minħabba l-ħniena. Imma, l-Ispirtu Santu kien iħalliha tara lil Kristu, Kristu tarbija fit-trabi tagħhom – kellha lejh devozzjoni speċjali –, Kristu Ħabib tal-foqra, Kristu nnifsu umiljat u msallab. U ma’ Kristu, riedet turi lill-fqar l-ħlewwa tal-Missier. Għand dan Alla kienet tirrikorri bi qlubija ta’ tfajjel, billi kienet tistenna kollox mingħandu, mill-Providenza tiegħu, isem li kien li jaħtar id-djar u l-fondazzjoni tagħha fil-bidu: il-Kongregazzjoni ta’ SantAnna tal-Providenza. Id-devozzjoni kostanti lejn Marija kienet inseparabbli minn dik tat-Trinità Qaddisa. Il-misteru ewkaristiku kien ukoll fiċ-ċentru ta’ ħajjitha. Dan kollu kien ferm ‘il bogħod mill-ġansinismu imperanti. L-attakkament tagħha mal-Knisja kien jimpediha li timxi f’toroq ġodda mingħajr ma tikkonsulta lill-konfessuri tagħha u lill-Isqof tad-dijoċesi. Imma hawn ikun insuffiċjenti li wieħed jitkellem dwar tejoloġija b’saħħitha, dwar spiritwalità għanja, wirt mill-aħjar tal-iskola Franċiża. Giovanna Delanoue b’għaġġla kbira tgħallmet mhux biss l-eroiżmu tal-virtujiet evanġeliċi, dawk tad-Diskors tal-muntanja, imma wkoll kontemplazzjoni profonda tal-persuni divini, b’sinjali mistiċi tal-ogħla għaqda ma’ Alla, għal għonq it-triq li tgħaqqad, taħraq b’imħabba lejn Ġesù “L-Għarus Tagħha”. Huwa propju hemm li jieħdu l-ispirazzjoni u t-twettiq tagħhom il-“ġenn” tal-karità tagħha, il-qlubija tal-inizjattivi tagħha. Il-Knisja toqgħod attentat sewwa li dan ma tinsiehx: bħal f’dan it-tmiem tas-seklu XVII u l-bidu tas-seklu XVIII, ma kienx ikun hemm illum riforma vera linqas movimenti fertili mingħajr kurrent mistiku awtentiku.
5. Għeżież ħuti, inħallilkom issa d-dmir li tħarsu iktar mill-qrib lejn il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ qaddisin. Qrajna fis-Salm: “Is-Sultan jinsab sedott minn sbuħitha”, Iva, Alla laqagħhom fil-ferħ etern. Interċiedu għalina! Għas-Sorijiet tal-Kongregazzjoni ta’ Notre-Dame, li qegħdin ikomplu l-opra edukattiva u missjunarja ta’ Santa Margherita Bourgeoys fost it-tfajliet u l-familji, f’ħafna pajjiżi”, għall-Qaddejja tal-foqra, ħut Giovanna Delanoue, li għadhom ikomplu jmorru fost il-fqar, biex jilqgħuhom u biex jgħinuhom billi jaqsmu magħhom l-kondizzjonijiet tagħhom tal-ħajja, biex jirrivelawlhom it-tjieba ta’Alla! Għal dawk kollha li jaħdmu għall-promozzjoni tal-familji u għas-servizz tal-foqra! Għall-komunitajiet dijoċeżani taż-żewġ qaddisin, u għall-Knisja kollha, sabiex, imqanqla minn tali qdusija ta’ ħajja, jippjanaw toroq ġodda ta’ karità u ta’ ħniena!
Amen! Alleluia!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb