Ġwanni Pawlu II f’quddies b’sufraġju għall-Kardinal Benelli

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA B’SUFRAĠU TAL-KARDINAL BENELLI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 30 ta’ Ottubru 1982

1. “Kunu lesti, b’ġenbejkom imħażżma u bl-imsiebaħ tagħkom mixgħula” (Lq 12,35).

Waqt li nisimgħu dan il-kliem ta’ Kristu, li jwissi dwar l-insikurezza tal-ħajja u jistieden għall-għassa operanti, ħsiebna jmur b’mod spontanju fuq il-figura mibkija tal-meqjum ħuna, il-Kardinal Ġwanni Benelli, maħtuf nħar it-Tlieta li għadda minn mewt immatur lill-imħabba tal-Għeżież tiegħu u ta’ dawk li kienu jafuh u jistrmawh. Kristu, meta iltaqà miegħu, tassew sab fih il-qaddej viġilanti “b’ġenbejh imħażżma u l-musbieħ mixgħul”.

Miġburin fit-talb f’din il-Kappella, taħt il-viżjoni mminenti tal-kapulavur Mikelanġesk, aħna noffru lil Alla din iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ sufraġju għal ruħu, waqt li nieqfu mħassba biex nirriflettu fuq il-ġrajja terrena tiegħu fid-dawl tal-kliem evanġeliku li għadna kemm smajna: “Imberkin dawk il-qaddejja li s-sid meta jiġi lura jsibhom għadhom imqajma” (Lq 12,37). Din hija beatitubni, li jidhtrilna li tgħodd perfettament għall-ħajja u l-mewt tal-Arċisqof ta’ Firenze.

Hija magħrufa l-attività qawwija li huwa wettaq sa ftit jiem ilu, waqt li għeleb bil-qawwa tar-rieda ir-reżistenzi ta’ saħħa li minn xi xhur saret inqas b’saħħitha. Meta llum inqisu, b’viżjoni retrospettiva, ir-ritmu ta’ xogħol li għalih huwa ssottometta ruħu, nistgħu nkunu ttentati naħsbu li b’xi mod kien qed jaħseb dwar it-tmiem primatur u ried a kwalunkwè kost jiggwadanja żmien prezzjuż.

2. Waqt li daħal meta kien għadu żgħir fis-servizz tas-Santa Sede b’funzjonijiet ta’ Segretarju tas-Sostitut ta’ dak iż-żmien tas-Segreterija tal-Istat, Monsinjur Giovanni Battista Montini, huwa, ta kważi sa mill-bidu prefigurazzjoni tiegħu nnifsu, ma llimitax ruħu għax-xogħol tal-uffiċċju, imma ried jorbot mal-impenji tas-Segreterija dawk ta’ Assistant ekkleżjastiku tal- Gioventù Aclista Romana u tal-Moviment “Rinascita Cristiana”. Wara kien mibgħut f’diversi Rappreżentazzjonijit Pontifiċi biex jiżvolġi x-xogħol li huwa propju ta’ tali settur tal-ħajja tal-Knisja.

Kullimkien Monsinjur Benelli ħa l-entużjużmu tat-temperament ġeneruż u intraprendenti tiegħu, billi mpenja ruħu b’kull mezz għad-dispożizzjoni tiegħu għall-għarfien mhux biss tad-drittijiet ta’ Alla, imma dawk ukoll tal-bniedem. L-azzjoni ntelliġenti u effettiva tiegħu kisbitlu l-apprezzament partikolari tal-predeċessur tiegħi, il-Papa Pawlu VI, li, f’Ġunju 1967, riedu maġembu fl-inkarigu mportanti ta’ Sostitut tas-Segreterija tal-Istat. Kienu s-snin diffiċli tal-post-Konċilju immedjat. Is-Santa Sede, taħt il-gwida tħares ‘il quddiem u għaqlija tal-Papa Pawlu VI, kienet qiegħda twettaq sforz kbir biex tattwa d-direttivi maturati fl-Assissi Ekumenika. Monsinjur Benelli xeħet id-dinamiżmu kollu tat-temperament ta’ wettieq għad-dispożizzjoni ta’ dak il-Papa, li lejh dejjem ħassu – bħalma ried ukoll ifakkar ukoll fit- Testment – “b’mod speċjali obbligat u marbut”, waqt li għaraf fih il-veru “Missier u Għalliem”. Kienu għaxar snin ta’ attività intensissma, li matulhom is-Sostitut żagħżugħ ħadem bl-enerġiji kollha tiegħu biex jiffaċċja f’kull ċirkustanza u bla tlaqliq fuq d-dmirijiet multipli tal-Uffiċċju. Il-frott ta’ dak il-perijodu tax-xogħol fiċ-ċentru tal-Knisja huma taħt il-ġidizzju ta’ Alla u tal-istorja.

U hawn hi, fl-aħħarnett, in-nomina bħala Arċisqof ta’ Firenze: kapitlu ġdid ta’ impenn pastorali dirett, li ġie b’mod opportun ħalli tkompli bl-esperjenza tat-tmexxija ta’ tal-personalità versatili ta’ dan il-bniedem mhux komuni tal-Knisja.  U kien fl-aqwa taż-żelu ta’ din l-aħħar forma ta’ servizz li ħafnitu l-mewt. Ħafnitu “b’ġenbejh imħazzma u bil-musbieħ jixgħel”.

3. Issa ruħu tinsab “f’idejn Alla”, hemm fejn jinsabu “l-erwieħ tal-ġusti”, kif  fakkarna l-ktieb tal-Għerf. Infatti, huwa wkoll, minkejja d-dgħufijiet relatati mal-fraġilità umana, kien bniedem ġust. Bniedem li kellu ħaj is-sens tad-dover, li għat-twettiq tiegħu qatt ma żamm lura. Bniedem li dejjem ispiratu l-azzjoni tiegħu għal kriterju loġiku u sod ta’ reqqa, sas-sogru li jkun magħdud bħala intransiġenti ma’ min ma kienx jirnexxilu jifhem dan l-issikkar ta’ severità personali. Kien bniedem lejali, li qatt ma għamel misteru mill-għażliet fundamentali tiegħu, iddikjarati onestament u attwati bi qlubija, mingħajr ċedimenti fil-konfront tal-burdati u tal-modi tal-mument: ċarezza u kuraġġ kienu n-noti karatteristiċi fl-għemil ta’ kollox possibbli fis-servizz ta’ Kristu u tal-aħwa. Huwa kien, ukoll, bniedem fidil, li dejjem qiegħed fil-quċċata tal-preokkupazzjonijiet tiegħu dik li ma jiddiżappuntax il-fiduċja  magħmula fih. Kien bniedem ta’ ħajja sempliċi u iebsa,nieqsa minn kull sodisfazzjon għal kull forma ta’ sforz u kapaċi. Anzi ta’ distakki eżemplari, bħal meta, biex isostni l-impenn tal-arċidijoċesi favur tad-drogati u tar-rifuġjati tal-Kambodja, huwa ċaħħad lilu nnifsu mill-ġid personali, billi offrihom f’bejgħ ta’ benefiċenza  .

Huwa kien bniedem – biex ngħiduha f’kelma waħda li fiha tiġbor kull oħra – li serva lill-Knisja, mingħajr qatt ma nqeda biha.

Għal dan aħna nittamaw li ruħu issa qiegħda ma’ dawk tal-ġusti, “f’idejn Alla”. U dan huwa ħsieb li jrattab il-qrusa tal-firda. Xtaqna li hu jibqà magħna, biex ikompli jqiegħed għas-sevizz tal-Knisja d-doti tiegħu tal-moħħ u tal-qalb: kellu tant entużjażmu f’ruħu u kellu inizjattivi numerużi fi proġett, maġemb dawk li kienu qegħdin jitwettqu, fosthom, prominenti, iż-“żjara pastorali” tal-arċidijoċesi.

Il-ġudizzji ta’ Alla kienu differenti u aħna ma feħsibniex nikkuntestawhom: inkunu qegħdin nissugraw li nsibu ruħna fost dawk il-“boloh” li għalihom – bħalma rrivela l-ktieb tal-Għerf – il-mewt tal-ġusti hija “diżastru u t-tluq minn magħna bħala rovina” (Għerf 3,2-3). Nafu, iżda, fid-dawl tal-fidi li, ħafna jew ftit li jkunu s-snin tal-ħajja hawn isfel, fil-konfront tal-eternità dawn jidhru dejjem bħala “piena qasira”, li warajha Alla irriserva “benefiċċji kbar” għal dawk li “sabhom denji tiegħu” (Għerf 3,5).

Ejjew għalhekk inbaxxu rasna quddiem il-pjanijiet bla qies ta’ Alla, bħalma baxxiha hu, il-Kardinal Benelli, meta, mwissi mit-Tobba, sar konxju tat-tmiem imminenti.

4. F’dak il-waqt iffjorixxew f’moħħu sentimenti simili għal dawk espressi fis-Salm li qrajna ftit ilu:
“Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi / minn min għandi nibżà? / Il-Mulej huwa d-difiża ta’ ħajti, / minn min se nibża?  (…) / Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, / din biss infittex: / li ngħix f’dar il-Mulej / il-jiem kollha ta’ ħajti, / biex induq ħlewwet il-Mulej  (…) / Jiena ċert li nikkuntempla t-tjubija tal-Mulej / f’art il-ħajjin” (Sal 26 [27],1.4.13).

F’dik l-“art” aħna nittamaw li hu wasal. U jekk xi fdal ta’ dgħufija umana għadu jimpedixxi dik il-“kontemplazzjoni tat-tjieba tal-Mulej” sħiħa li kienet l-aspirazzjoni ta’ ħajtu kollha, aħna llum ngħollu talbna ta’ sufraġju sabiex il-waqt tal-laqgħa definittiva u beatifikanti ma’ Alla tkun għalihh malajr.

Jalla hu joqgħod bilqegħda mal-mejda li magħha, skont x-xbieha suġġestiva tal-paġna evanġelika, l-istess “Sid id-dar”, “hu stess jitħażżem… u jgħaddi quddiemhom iservi” lill-mistednin (cf. Lq 12,37): il-mejda jiġifieri li fiha l-ikel tar-ruħ se tkun il-viżjoni ta’ Alla nnifsu, li bl-għana ta’ mħabbtu se tkun is-sors li qatt ma jintemm ta’ ferħ mingħajr dellijiet u etern. Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: