Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2023

Print Friendly, PDF & Email

“Int Alla li tarani” (ara Ġen 16, 13).

Dan il-kliem insibuh fil-Ġenesi, l-ewwel ktieb tat-Testment il-Qadim u qalitu Ħagar, il-qaddejja ta’ Saraj, li ma setax ikollha tfal. Għalhekk kienet talbet lil żewġha biex hu jieħu b’martu lil Ħagar biex hekk minnu jkun jista’ jitwieled nisel. Meta Ħagar indunat li tqalet, bdiet tħossha aqwa minn sidtha; u l-mod ħażin kif Saraj bdiet iġġib ruħha magħha, ġegħelha taħrab lejn id-deżert. Kien hawn fejn hi ltaqgħet m’Alla, li wegħidha li għad jitwieled minnha nisel, l-istess kif kien wiegħed lil Abram. L-iben li kien se jitweldilha kellha ssemmieh Ismael, li jfisser “Alla sema’”, għax Hu sema’ l-krib ta’ Ħagar u taha nisel.

“Int Alla li tarani”.

L-imġiba ta’ Ħagar turina kif kien jaħsibha l-bniedem tal-qedem: li hu ma setax jersaq qrib t’Alla. Ħagar stagħġbet u mtliet bil-ħajr wara l-laqgħa li kellha miegħu. Hi ħasset l-imħabba t’Alla eżattament fid-deżert, li hu l-aħjar post fejn dak li jkun jista’ jagħmel l-esperjenza ta’ laqgħa persunali m’Alla. Ħagar ħasset il-preżenza u l-imħabba t’Alla li “raha” f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija; ħasset il-preżenza ta’ Alla li jieħu ħsieb lill-ħlejjaq tiegħu u jħobbhom. “M’huwiex Alla li jżomm ʹil bogħod minna, li ma jimpurtahx mill-bnedmin u minn kull wieħed u waħda minna. Kemm-il darba ġarrabna dan f’ħajjitna. Hu jinsab hawn miegħi, hu dejjem miegħi, jaf kollox fuqi u jaqsam kull ħsieb, kull ferħ, kull xewqa, iġorr miegħi kull ma jtaqqalni u kull prova tal-ħajja”.1 

“Int Alla li tarani”.

Din il-Kelma tal-Ħajja tqanqal fina din iċ-ċertezza u ssabbarna: qatt m’aħna waħedna fil-mixja tal-ħajja, Alla jinsab il-ħin kollu magħna u jħobbna. Bħal Ħagar, aħna kultant inħossuna “barranin” fuq din l-art, jew inkella f’ċirkustanzi iebsa u ta’ tbatija nfittxu minn fejn nistgħu ngħaddu. Imma għandna nkunu ċerti mill-preżenza t’Alla li jeħlisna, u mir-rabta tagħna Miegħu. Għax Hu jserrħilna moħħna u dejjem jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nibdew.

Din hi l-esperjenza ta’ Pawla, mara li fi żmien il-pandemija għexet waħedha: “Meta beda l-lock-down u ma stajna nagħmlu xejn, dejjem bqajt id-dar waħdi. Ma kelli ʹl ħadd ma’ min naqsam din l-esperjenza u bqajt nagħmel dak li stajt biex  nara kif se ngħaddi ż-żmien. Imma aktar ma bdew igerrbu l-ġranet, aktar bdejt naqta’ qalbi. Kont insibha diffiċli norqod. Bdejt naħseb li ma stajtx noħroġ minn din il-kriżi. Imma fija ħassejt b’mod qawwi li kelli nintelaq għal kollox f’idejn Alla u nemmen f’imħabbtu. Ma kelli l-ebda dubju li Hu kien qiegħed hemm, miegħi, u li kien qed ifarraġni f’dawk ix-xhur ta’ solitudni. Minn sinjali żgħar li bdew jasluli, bdejt nifhem li ma kontx waħdi. Bħal meta ċċelebrajna on-line għeluq is-snin ta’ waħda ħabibha tiegħi u mbagħad, wara ftit, waslitli biċċa kejk mingħand waħda mill-ġirien”.  

“Int Alla li tarani”.

Għalhekk, imħarsin mill-preżenza t’Alla, aħna wkoll nistgħu nkunu messaġġiera ta’ Mħabbtu. Infatti, aħna msejħin naraw xinhuma l-bżonnijiet tal-oħrajn, nagħtu daqqa t’id lil ħutna meta jibdew iħossuhom waħedhom, naqsmu magħhom il-ferħ u t-tbatijiet. Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex inżommu għajnejna miftuħin fuq il-bnedmin ħutna.

Nistgħu nieqfu u nersqu lejn kull min qed ifittex sens u tweġiba għall-ħafna mistoqsijiet tal-ħajja: ħbieb, qraba, ġirien, nies li jaħdmu magħna, nies li għaddejjin minn xi diffikultajiet ekonomiċi u li huma mwarrba mis-soċjetà.

Inkunu nistgħu niftakru u naqsmu magħhom dawk il-mumenti prezzjużi li fihom iltqajna mal-imħabba t’Alla u skoprejna s-sens tal-ħajja. Flimkien nistgħu naffrontaw id-diffikultajiet biex, mid-deżerti li nkunu għaddejjin minnhom, niskopru l-preżenza t’Alla, li jgħinna biex f’ħajjitna nibqgħu mexjin ʹil quddiem b’fiduċja.

Kitba ta’ Patrizia Mazzola u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

C. Lubich, Parola di Vita ta’ Lulju 2006, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 785.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading