VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI TA’ SUOR ANĠELA TAS-SALIB
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Siviglia, 5 ta’ Novembru 1982
Sinjur Kardinal,
ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.
1.Illum jien kuntet li ninsab hawn għall-ewwel darba taħt is-sema tal-Andalusija; dan ir-reġġjun sabiħ, l-iktar mifrux u ppopolat ta’ Spanja. Ċentru ta’ waħda mill-iktar kulturi antiki tal-Ewropa. Hawn jiltaqgħu diversi ċiviltajiet li jagħtu bidu għan-noti karatteristiċi speċifici tal-bniedem Andaluż.
Intom tajtu lill-Imperu Ruman imperaturi, filosfi, poeti; tminn sekli ta’ preżenza Għarbija irraffinaw is-sensibiltà poetika u artistika tagħkom; hawnhekk ġiet maħduma l-unità nazzjonali; mix-xtut viċini għal dan il-“Guadalquivir damdami” telqet l-intrapriża formidabbli tal-iskoperta tad-Dinja l-Ġdida u l-ispedizzjoni ta’ Maġellanu u ta’ Elcano sal-Filippini.
Nagħraf l-oriġni apostolika tal-kristjaneżmu tal-Betica, iffertilizzat mill-martri tagħkom u sostnut mill-qaddisin tagħkom: Isidoru, Ferdinandu u Ġwanni ta’ Ribera, Ġwanni ta’ Alla u l-Beatu Ġwanni Grande, Ġwanni ta’ Avila u Diego Giuseppe ta’ Cadice, Francesco Solano, Raffaella Maria, il-Venerabbli Michele di Manara u bosta figuri oħra distinti.
It-tifkira ta’ mħabba ta’ tant rikkezza storika u spiritwali hija l-aħjar tislima tiegħi lill-poplu tagħkom, lill-Arċisqof il-ġdid tagħkom, lir-Rgħajja preżenti u lill-Ispanjoli kollha, b’mod speċjali lil dawk li ġew mill-gżejjer Kanarji; imma fuq kollox huwa leħen ipprovdut lil min ta tant lil nieskom: il-għażiż ħija u maħbub Kardinali tagħkom li qiegħed jakkumpanjana.
2. F’dan l-isfond Siviljan, imdawwar bħall-btieħi tagħkom mill-“fwieħa tal-Andalusia, niltaqà man-nies tagħkom tal-kampanja Spanjola. U dan nagħmlu waqt li nqiegħed quddiem għajnejhom bint umli tal-poplu, hekk qrib għal dan l-ambjent, imħabba l-oriġni u l-opra tagħha. Għalhekk ridt inħallilkom rigal prezzjuż, billi nigglorifika hawn lil Suor Angela tas-Salib.
Smajna l-kliem tal-Profeta Iżaija li jistieden biex naqsmu l-ħobż mal-imġewwaħ, biex nilqgħu lil min hu miżerabbli, biex inlibbsu lil min hu għeri u biex ma nagħlqux għajnejna quddiem ħuna (cf. Is 58, 7); għaliex “jekk toffri l-ħobż lill-imġewwaħ, / jekk ixxebbà lil min qiegħed isum, / allura se jiddi qalb id-dlamijiet id-dawl tiegħek, / id-dlam tiegħek se jkun bħad-dawl ta’ nofsinhar” (cf. Iż 58, 10).
Il-kliem tal-profeta donnu jirreferi direttament għal Suor Angela tas-Salib: meta b’mod erojku teżerċita l-karità ma dawk fil-bżonn tal-ħobż, tal-ilbies, tal-imħabba; u meta, kif jiġri llum, dan l-eżerċizzju erojku tal-karità iġiegħel jiddi d-dawl tagħha fuq l-altari, bħala eżempju għall-insara kollha.
Naf li l-Beata l-ġdida hija meqjusa teżor komuni tal-Andalusi kollha, ‘il fuq minn kull firda soċjali, ekonomika, politika. Is-sigriet tagħha, l-għerq li minnu jitwieldu l-atti ta’ mħabba eżemplari tagħha, huwa espress fil-kliem tal-Vanġelu, li għadna kemm smajna: “Min irid isalva ruħu, se jitlifha; imma min se jitlef ħajtu minħabba fija, se jsibha” (Mt 16, 25).
Hija kien isimha Angela tas-Salib, bħallikieku riedet tgħid li, skont il-kliem ta’ Kristu, qabdet is-salib tagħha biex issegwih (cf. Mt 16, 24). Il-Beata l-ġdida fehmet perfettament din ix-xjenza tas-salib u esponieta lil uliedha b’espressjoni plastika ta’ forza kbira. Hija timmaġina li fuq il-Kalvarju eżista, maġemb il-Mulej msallab bl-imsiemer mas-saib, salib ieħor “fl-istess għoli, la fuq il-lemin linqas fuq ix-xellug, imma quddiemu u ferm qribu”. Dan is-salib vojt iridu jokkupawh Suor Anġela u s-sorijiet tagħha, li jixtiequ “jaraw lilhom infushom imsallba quddiem il-Mulej” b’“faqar, distakk u umiltà qaddisa” (Angela della Croce, Escritos Intimos, Primeros escritos, fol.1, p. 176). Magħqudin fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, Suor Angela u s-sorijiet tagħha jistghu jwettqu x-xhieda tal-imħabba ma dawk fil-bżonn.
Fir-realtà, iċ-ċaħda tal-ġid terren u d-distakk minn kull interess personali, qiegħed lil Suor Angela f’dak l-atteġjament ideali ta’ servizz, li hija tiddefinixxi b’mod espressiv billi sejħet lilha nfisha “imċaħħda għall-utilità pubblika”. B’xi mod diġa tappartieni għall-oħrajn, bħal Kristu Ħuna.
L-eżistenza severa, misluba, tas-Sorijiet tas-Salib, titnissel ukoll mill-missjoni tagħhom għall-misteru feddej ta’ Ġesù Kristu. Ma jppretendux li jħallu lil min imut inutilmrnt bil-ġuħ jew bil-bard, huma xhieda tal-Mulej, għalina mejjet u rxuxtat. Hekk il-misteru nisrani jitwettaq perfettament f’Suor Anġela tas-salib, li donnha “mgħaddsa fil-ferħ paskwali”. Dak il-ferħ mħolli bħala xhieda għal uliedha u li kulħadd jammira fihom. Għaliex il-penitenza hija eżerċitata bħala ċaħda bi pjaċir tagħhom, biex ikunu disponibbli għas-servizz tal-proxxmu; dan jissopponi fidi kbira, biex jissagrifikaw ruħhom bid-daħka, mingħajr ma jitolbu drittijiet, billi jnaqqsu l-importanza tas-sagrifiċċju propju.
3. Suor Angela tas-Salib, fidila għall-eżempju ta’ faqar ta’ Kristu, qegħdet l-Istitut tagħha għas-servizz tal-foqra l-iktar foqra, dawk neqsin mill-kumdità essenzjali, l-emarġinati. Riedet li l-Kumpanija tas-Salib issib ruħha “fil-faqar”, billi ma tkunx mgħejjuna minn barra, imma billi tgħix il-kondizzjonijiet tal-eżistenza propja tal-foqra. Suor Angela taħseb li hi u wliedha jappartienu lill-kategorija tal-ħaddiema, tal-umli, ta’ dawk fil-bżonn, “dawn tallaba li jirċievu kollox bħala karità”.
Il-faqar tal-Kumpanija tas-Salib mhuwiex purament kontemplattiv, iservi lis-Sorijiet bħala pjattaforma dinamika għal xogħol assistenzjali mal-ħaddiema, mal-familji bla saqaf, il-morda, il-fqar. It-tfal iltiema jew bla skola, l-adulti analfabeti. Lil kull persuna jfittxu dak li jkollha bżonn: flus, dar, istruzzjoni, ilbies, mediċinali; u kollox, dejjem offrut b’imħabba. Il-mezzi li jużaw huma x-xogħol personali tagħhom u l-karità li jitolbu lil kull min jistà jtihielhom.
B’dan il-mod Suor Anġela stabbiliet rabta, pont bejn dawk fil-bżonn u l-potenti, bejn il-foqra u s-sinjuri. Evidentement hija ma tistax issolvi l-konflitti politiċi linqas l-iskwilibri ekonomiċi. Dmirha jfisser “karità ta’ urġenza”, ‘il fuq minn kull firda, billi twassal għajnuna lil kull min jeħtieġa. Titlob f’isem Kristu, tagħti f’isem Kristu. Din tagħha hija dik il-karità riferuta mill-Appostlu Pawlu fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin: “Sabar, twajjeb . . . ma jfittixx l-interess tiegħu, ma jirrabjax, ma jagħtix każ tad-deni li rċieva . . . Kollox ikopri, kollox jemmen, kollox jissaporti” (1 Kor 13, 4.5.7).
4. Ix-xhieda u l-azzjoni karitatevoli ta’ Suor Angela eżerċitaw influwenza benefika ferm iktar ‘il hemm mill-periferiji tal-bliet il-kbar u minnufih tferrxet fl-ambjent rurali. Ma setax iseħħ mod ieħor, ladarba fl-aħħar għaxriet tas-seklu XIX, meta Suor Angela waqqfet l-Istitut tagħha, ir-reġġjun Andalus ra jfallu t-tentattivi tiegħu ta’ industrijalizzazzjoni u jibqà suġġett għal modi ta’ ħajja purament rurali.
Ħafna rġiel u nisa tal-kampanja kienu jmorru fil-belt ifittxu post tax-xogħol fiss u mħallas tajjeb, imma bla success. L-istess Suor Angela hija bint missier u omm li marru Siviglia minn pajjiżi żgħar biex jistabilixxu ruħhom fil-belt. Hawn ħadmu għal xi snin f’fabbrika żgħira taż-żraben.
Ukoll il-Kumpanija tas-Salib iffurmat ruħha fil-biċċa l-kbira min-nisa ġejjin minn familji bidwin, f’sintonija perfetta man-nies sempliċi tal-pajjiż, u żżomm il-karatteristiċi tal-oriġni. Il-kunventi tagħha huma fqar, imma tassew indaf; huma armati b’għamara karatteristika tad-djar umli tal-bdiewa.
Matul il-ħajja tal-Fundatriċi, is-Sorijiet jiftħu disat idjar f’daqstant pajjiżi tal-provinċja ta’ Siviglia, erbgħa f’dik ta’ Huelva, tlieta Jaén, tnejn f’Malaga u waħda f’Cadice.Fl-azzjoni tagħhom fil-periferija tal-bliet il-kbar tiżvolġi ruħha fost il-familji bdiewa, sikwit li jkunu għadhom kemm waslu mill-kampanja u ssetiljati f’abitazzjonijiet miżeri, mingħajr inqas il-mezzi meħtieġa jiffaċċjaw marda, in-nuqqas jew l-iskarsizza ta’ ħwejjeġ tal-ikel u lbies .
5. Illum, id-dinja rurali ta’ Suor Angela assistiet għall-bidla tas-soċjetajiet agrarji f’soċjetajiet industrijalizzati, kultant b’suċċess impressjonanti. Imma din l-attrazzjoni tax-xefaq industrijali qanqlet, bħala konsegwenza, ċertu disprezz lejn il-kampanja “sal-punt li kkawżat fil-bdiewa l-impressjoni li huma soċjalment xi enarġinati, u li ħaffet fihom il-fenomenu tal-ħarba bil-folol mill-kampanja lejn il-bliet, u sfortunatament lejn kondizzjonijiet ta’ ħajja ferm iktar diżumanizzanti” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 21).
Dan id-disprezz jitlaq minn presuppożizzjonijiet foloz, ladarba ħafna ingranaġġi tal-ekonomija mondjali jkomplu jiddependu mis-settur agrarju, “li joffri lis-soċjetà il-ġid meħtieġ għas-sosten ta’ kuljum” (Ivi.).
F’din il-linja ta’ difiża tal-bniedem tal-kampanja, il-Knisja kontemporanja tħabbar lill-bnedmin tallum l-esiġenzi tad-duttrina dwar il-ġustizzja soċjali, kemm f’dak li jirriferi għall-problemi tal-kampanja kif ukoll f’dak li jirriferi għax-xogħol tal-art: il-messaġġ ta’ ġustizzja tal-Vanġelu li jislet oriġni mill-Profeti tat-Testment il-Qadim. Il-Profeta Iżaija fakkarulna ftit ilu: jekk taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, “Allura id-dawl tiegħek jitlà bħas-sebħ, / . . . Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek” (Iż 51, 8). Sejħa attwali dakinhar u llum, għaliex il-ġustizzja u l-imħabba għall-proxxmu huma dejjem attwali.
Tul is-seklu XX, il-kampanja, fortunatament, bidlet diversi kondizzjonijiet li rrendewha diżumana: salarji tassew baxxi, djar miżeri, nuqqas ta’ skejjel għat-tfa, propjetajiet miżmuma minn ftit, estensjonijiet sfruttati ftit jew ħażin, nuqqas ta’ assikurazzjonijiet li offrew minimu ta’ serenità għall-futur.
L-evoluzjoni tas-soċjetà u tax-xogħol bla dubju tejbet din il-panorama tassew tal-biki, fid-dinja kollha u fi Spanja. Imma l-kampanja għadha tkun iċ-ċenerentola tal-iżvilupp ekonomiku. Minħabba dan il-poter pubbliku għandu jiffaċċja l-problemi urġenti tas-settur agrikolu.
Billi jirrivedi l-valuri u l-prezzijiet b’mod li jirrenduh profitabbli; billi jipprovduh bi ndustriji sussidjarji u ta’ bidla li jeħilsuh mill-pjaga miżerabbli tad-diżokkupazzjoni u tal-emarġinazzjoni forzata li għadha taffettwa tant għeżież ulied ta’ din u ta’ artijiet oħra ta’ Spanja; billi jirrazzjonalizza l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrarji, u billi jipprovdi lill-familji tal-bdiewa, b’mod speċjali liż-żgħażagħ, kondizzjonijiet ta’ ħajja li jistimolizzawhom biex iqisu ruħhom ħaddiema denji bl-istess mod ta’ dawk li jaħdmu fl-industrija.
Nittamaw li l-istadji li jmiss ta’ ħajjitkom pubblika jiksbu avanz f’din id-direzzjoni, billi jitbegħdu minn demagoġiji faċli li jirstordu lill-poplu mingħajr ma jsolvu l-problemi tiegħu, u billi jsejħu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex jikkordinaw l-isforzi fi programmi tekniċi u effikaċi.
6. Biex navanzaw f’din il-mixja hija meħtieġa l-qawwa spiritwali u l-imħabba għall-bniedem li animaat lil Suor Angela tas-Salib; dik il-karità li qatt ma jkollha tmiem (cf. 1 Kor 13, 8), tistà tinnotifika l-ħajja umana u reliġjuża ta kull nisrani
Naf li l-Andalusija ssostni l-għeruq kulturali u reliġjużi tal-poplu tagħha, grazzi għal patrimonju ta’ tradizzjonijiet mgħoddija minn missier għal iben. Kulħadd jammira l-espressjonijiet sbieħ ta’ ħniena maħluqa mill-poplu Andalus biex ilibbes b’mod sensibbli s-sentimenti reliġjużi tiegħu. Mill-banda l-oħra, il-fratellanzi maħluqa tul is-sekli, kellhom influwenza notevoli fil-korp soċjali.
Din ir-reliġjożità popolari hemm bżonn li tkun rispettata u kkultivata, bħala forma ta’ qbil nisrani mal-esiġenzi fundamentali tal-messaġġ evanġeliku; billi tkun integrata l-azzjoni tal-fratellanzi fil-pastorali mġedda mill-Konċilju Vatikan II, , billi jkunu ppurifikati mir-riservi fejn jidħol il-ministeru saċerdotali u billi nbegħduhom minn kwalunkwè tensjoni interessata jew partiġjana. B’dan il-mod, din ir-reliġjożità ppurifikata tistà tkun mixja valida lejn il-milja tas-salvazzjoni fi Kristu, kif għidt lir-Rgħajja tagħkom (cf. Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad quosdam Hispaniae Episcopos occasione oblata ad Limina visitationis coram admissos habita, die 30 ian. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V, 1 [1982] 253 ss).
7. Maħbubin Andalusin u Spanjoli kollha. Il-figura tal-Beata l-ġdida togħla quddiemna bl-eżemplarità kollha tagħha u l-viċinanza tagħha lejn il-bniedem, b’mod speċjali lejn l-umli u lejn il-bniedem tad-dinja rurali. L-eżempju tagħha huwa prova permanenti ta’ dik il-karità li m’għandhiex tmiem (cf.1 Kor 13, 8).
Hija tkompli tkun preżenti fost niesha bix-xhieda ta’ mħabbitha. Ta’ dik l-imħabba li hija t-teżor tagħha fil-komunjoni eterna tal-Qaddisin, li twettaq lilha nfisha għall-imħabba u fl-imħabba.
Il-Papa li llum ibbejatifika lil Suor Angela tas-Salib, jikkonferma f’isem il-Knisja t-tweġiba ta’ mħabba fidila li hija tat lil Kristu. U fl-istess ħin jidwi t-tweġiba li Kristu stess ta lill-ħajja tal-qaddejja tiegħu: “Bin il-bniedem se jiġi fil-glorja ta’ Missieru, u flimkien mal-anġli tiegħu, se jirrendi lil kull wieħed u waħda skont l-azzjonijiet tagħhom” (Mt 16, 27).
Illum ejjew inqimu dan il-misteru tal-miġja ta’ Kristu, li jippremja lil Suor Angela “skont l-azzjonijiet tagħha”.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb