VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA MAL-EDUKATUTRI FIL-FIDI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Granada, 5 ta’ Novembru 1982
“Imbierkek, o Missier, Sid is-sema u l-art, għaliex int żammejt moħbija dawn il-ħwejjeg lill-għorrief u lill-intelliġenti u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, o Missier, għaliex hekk għoġob lilek” (Mt 11, 25-26).
1. Nixtieq, għeżież ħuti, nippronunzja magħkom dan il-kliem ta’ barka li Ġesù Kristu jindirizza lill-Missier.
Huwa jbierku għaliex il-Missier huwa “Sid is-sema u l-art”.
U jbierku għad-“don tar-rivelazzjoni”. Sa ċertu punt, ir-rivelazzjoni hija l-ewwel frott tal-korteżija ta’ Alla fuq il-bnedmin. Alla “sa mill-eternità” kien kuntent bil-bniedem, u minħabba dan fiż-żmien irrivela lilu nnifsu u l-pjanijiet tal-ħniena tar-rieda tiegħu. Il-Konċilju Vatikan II jgħid: “Alla, fil-Għerf tiegħu, iddispona li jirrivela lilu nnifsu u li jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (cf. Ef 1, 9), li permezz tagħhom il-bnedmin permezz ta’ Kristu, Verb Inkarnat,għandhom aċċess għall-Missier fl-Ispirtu Santu u jsiru parteċipi tan-natura divina (cf. Ef 2, 18; 2 Pt 1, 4)” (Dei Verbum, 2).
Intom, “edukaturi fil-fidi”, twettqu servizz speċjali għar-rivelazzjoni divina, boilli tispiraw ruħkom minn din l-korteżija eterna li tinsab f’Alla nnifsu.
Intom fl-istess ħin dixxipli u appostli ta’ Kristu. Lilu, preċiżament Lilu, “kollox kien mogħti” mill-Missier (Mt 11, 17). Fih il-Missier irrivela dak kollu li kellu jkun irrivelat lill-umanità, ibda mit-teżor dwar il-korteżija divina: “U ħadd ma jagħraf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Ibenu dak li l-Iben irid jirrivelahulu”” (Mt 11, 27).
Għeżież ħutu: l-Iben jixtieq jirrivelalkom l-verità kollha tal-imħabba ta’ Alla, sabiex intom ixxandruha lill-bnedmin l-oħra, ladarba intom edukaturi fil-fidi.
2. Magħqudin f’din l-imħabba tal-Missier, illum ninsab mar-Rgħajja ta’ dan ir-reġġjun, magħkom ilkoll li għandkom fi Spanja l-missjoni mportantissma li tedukaw fil-fidi, u magħkom li takkumpanjawna u ġejtu b’mod speċjali mid-dijoċesijiet tal-Andalużija orjentali u minn Murcia.
Ix-xenarju stupend għal din il-laqgħa, toffrihulna l-belt ta’ Granada, waħda mill-ġojjelli artistiċi ta’ Spanja, li jfakkar ġrajjiet ta’ natura traxxendenti fl-istorja tan-nazzjon u tal-għaqda tiegħu.
Jiena naf t-tradizzjoni antikissma tal-fidi nisranija ta’ dawn il-knejjes, ix-xhieda ammirevolu tal-martri tagħkom, il-vitalità riflessa diġa fil-Konċilju ta’ Elvira, fil-bidu tas-seklu IV.
Dik il-fidi riċevuta fl-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu, tkompli teżisti b’għeruqha mgħaddsa fil-ħajja personali u familjari u fir-reliġjożità popolari tan-nies tagħkom speċjalment fid-devozzjoni għall-misteri tal-Passjoni tal-Mulej, tal-Ewkaristija u fl-imħabba filjali għal Verġni Marija.
Dawn l-artijiet kellhom il-fortuna li jiddisponu minn edukaturi nsara eċċellenti li għenuhom iżommu u jsaħħu l-fidi tagħhom. Fosthom, Hernando di Talavera, iċ- ċelebri arċisqof katekista li b’sengħa kbira għaraf jesponi l-ministri nsara lil-Lhud u lill-Musulmani. U fiż-żminijiet riċenti tajtu lill-edukazzjoni fil-fidi mgħallmin ta’ elevatezza kbira bħall-Isqof ta’ Malaga, Manuel Gonzalez, l-edukatur stupend Andres Manjon, fundatur tal-iskejjel u tas-seminarju tal-Maestri dell’Ave Maria, u d-distint Patri Poveda, fundatur tal-meritorja Istituzzjoni Tereżjana.
Dawn huma magħqudin ma edukaturi nsara kbar oħra ġejjin mid-diversi reġġjuni ta’ Spanja; fosthom infakkru lil Sant’Antonio Maria Claret u Daniel LLorente. Figuri mdawla u inċiżivi li antiċipaw it-tiġdid tal-katekiżmu li seħħ fiż-żminijiet ta’ wara li laħaq l-quċċata tiegħu fl-aħħar Konċilju Ekumeniku. Figuri li għadhom ikomplu jkunu eżempju elokwenti għal dawk kollha li llum iridu jkomplu l-missjoni tal-edukazzjoni fil-fidi tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.
3. Din il-missjoni li hija dmir ekkleżjali: “Gwaj għalija jekk ma nippridkax il-Vanġelu!” (1 Kor 9, 16), ikompli jkollha fi żmienna importanza traxxendentali, biex tkun tistà tmexxi lill-fidili – tfal, żgħażagħ u adulti –, għal għonq id-diversi forom ta’ katekeżi u edukazzjoni nisranija, għaċ-ċentru tal-rivelazzjoni: Kristu.
Għal dan ktibt l-ewwel Enċiklika tiegħi: L-Impenn fundamentali tal-Knisja f’kull epoka, u partikolarment f’din tagħna, huwa dak li nindirizzaw ħarset il-bniedem, norjentaw il-kuxjenza u l-esperjenza tal-umanità kollha lejn il-misteru ta’ Kristu, billi ngħinu lill-bnedmin kollha ħalli jkollhom familjarità mal-ġrajja profonda tar-Redenzjoni mwettqa fi Kristu Ġesù” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 10).
Tali missjoni mhix affattu riservata għall-ministri sagri jew għad-dinja reliġjuża imma għandha testendi ruħha għal-lajċi, għall-familja, għall-iskola.
“Kull nisrani għandu jieħu sehem fl-impenn tal-formazzjoni nisranija. Għandu jħoss l-urgenza li jevanġelizza “Infatti mhuwiex ħaġa li niftaħar biha li nippriedka l-Vanġelu; għalija dan huwa dmir” (1 Kor 9, 16).
Illum speċjalment dan id-dmir isir meħtieġ u urġenti, sabiex jgħin lil kull nisrani biex iżomm u jiżviluppa l-fidi tiegħu fil-kuntest tat-trasformazzjonijiet soċjali u kulturali mgħaġġla li s-soċjetà Spanjola qiegħda tisperimenta.
Għal tali għan għandha tkun imsaħħa l-edukazzjoni fil-fidi permezz ta’ formazzjoni reliġjuża profonda, li tistabilixxi sekwenza organika bejn il-katekeżi mfantili, ġovanili u tal-adulti u li takkumpanja u tippromwovi it-tkabbir tal-fidi nisranija tul il-ħajja kollha. Infatti hemm “minoranza ta’ età” nisranija u ekkleżjali, li ma tistax iġġarrab l-attakki ta’ soċjetà dejjem iktar sekolarizzata.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-katekeżi taż-żgħażagħ u tal-adulti għandha tgħin biex tittrasforma f’konvinzjonijiet profondi u personali s-sentimenti u l-esperjenzi fissi mhux biżżejjed radikati fl-infanzja. Id-dmir edukattiv b’dan il-mod jitwettaq fix-xenarju u l-wisgħà kollha tiegħu bl-iskop li jmexxi lil kulħadd għall-innovazzjoni tal-ħajja fi Kristu. Il-fidi nisranija, infatti, timplika għall-kredent riċerka u aċċettazzjoni personali tal-verità, waqt li tegħleb it-tentazzjoni li dak li jkun jgħix fid-dubju sistematiku, u jkun jaf li l-fidi tiegħu “ġiet mix-xejn jew minn illużjonijiet puri, minn opinjonijiet foloz jew minn inċertezzi, imma hija bbażata fuq il-kelma ta’ Alla, li la jqarraq u linqas jitqarraq” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 60). Għal dan, il-katekeżi għandha tagħti wkoll “dawk iċ-ċertezzi, sempliċi imma solidi, li jgħinu biex ifittxu kull darba iktar u aħjar, l-għarfien tal-Mulej” (Ivi.).
Il-kredent għandu mela jinfetaħ għal prospettiva ġdida li tħaddan u torjenta l-eżistenza kollha tiegħu u li tistà toffrilu bil-programm nisrani “raġunijiet biex jgħix u raġunijiet biex jittama” (Gaudium et Spes, 31). F’din il-linja llum l-edukatur kattoliku jistà jsib postu tal-unur, billi jorjenta l-isforz tiegħu lejn formazzjoni ntegrali li toffri t-tweġibiet validi miġburin fir-Rivelazzjoni dwar is-sens tal-bniedem, tal-istorja u tad-dinja (cf. Sagrada Congregación para la Educación Católica, El laico católico testigo de la fe en la escuela, 28).
4. Għalkemm l-edukazzjoni kattolika hija dmir li jħaddan il-ħajja kollha, hemm fażijiet tat-trobbija tan-nisrani li jitolbu attenzjoni partikulari, bħal dawk tal-bidu nisrani, l-adoloxxenza, l-għażla tal-istat tal-ħajja u ċirkustanzi oħra ta’ importanza maġġura fil-ħajja personali bħalma jistgħu jkunu kriżi reliġjuża jew esperjenza doloruża. Dawn huma waqtiet li għandhom ikunu segwiti b’attenzjoni partikolari biex tgħin lill-persuna tgħixhom u biex tħoss b’mod opportun is-sejħa ta’ Alla (cf. Mt 11, 28).
Biex wieħed ikun jistà joffri din l-għajnuna effikaċi, huwa meħtieġ u indispensabbli li l-katekeżi u l-edukaturi jiġu ffurmati b’mod solidu, permezz ta’ formazzjoni adegwata bibblika, tejoloġika u antropoloġika, sabiex qabel kollox jgħixu huma stess dik il-fidi, biex ikunu mbagħad jistgħu jikkatekizzaw lill-oħrajn bil-kelma u speċjalment bil-professjoni ntegra tal-fidi, meħudha bħala stil ta’ ħajja.
Dan l-atteġġjament jesiġi, minn banda, id-disponabiltà totali għal fidi migħuxa, u mill-banda l-oħra, id-disponibiltà għas-servizz tal-fidi nfisha u tal-oħrajn. L-Appostlu dan jenfasizzah b’dan il-mod fl-ittra li għadna kemm smajna: “Infatti, għalkemm ma jien marbut ma’ ħadd jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna” (1 Cor 9, 19). Waqt li juża l-kelma “lsir”, San Pawl irid jenfasizza l-għotja totali għas-servizz tal-fidi u ta’ dawk li jaqdi.
Huma iktar elokwenti dawn il-kelmiet tiegħu: “Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva akkost ta’ kollox lil xiħadd” (1 Kor 9, 22).
L-Appostlu u bniedem rejalistiku; jifhem li xogħolu jipproduċi biss frott parzjali. Bdanakollu huwa jirregala ruħu kollu kemm hu: “Nagħmel dan kollu minħabba l-Vanġelu, biex ikolli sehem minnu magħhom” (1 Kor 9, 23).
Infatti, il-Vanġelu ma jiġix sempliċement trażmess, hemm bżonn li jieħu sehem fih. Min l-iktar jieħu sehem, jittrażmetti b’mod iktar matur, u min b’mod ġeneruż jittrażmetti, jieħu sehem b’mod iktar profond. Kollox ma’ kollox, ix-xandir tal-Vanġelu, is-servizz tal-fidi, jikkonsisti fit-“tqarrib ta’ Kristu lill-bnedmin u l-bnedmin lejn Kristu”. Allura isibu t-twettieq tagħhom il-kelmiet: “Ejjew għandi, intom ilkoll, li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28).
5. Fil-ġewwieni tal-kamp wiesà tal-edukazzjoni fil-fidi, l-Isqfijiet Spanjoli fl-aħħar assemblea plenarja tagħhom għażlu bħala impenn prijoritarju is-servizz tal-fidi u b’mod partikolari ikkunsidraw l-importanza tat-trażmissjoni tal-messaġġ nisrani permezz tal-katekeżi u tal-edukazzjoni skolastika.
Dan huwa kamp li jixraqlu tant attenzjoni pastorali. Mhemmx dubju li l-parroċċa għandha tkompli l-missjoni privileġġjata tagħha ta’ formatriċi fil-fidi: mhemmx dubju li l-ġenituri għandhom ikunu l-ewwel katekisti ta’ wliedhom. Dan ma jfissirx li wieħed għandu jittraskura t-trażmissjoni tal-messaġġ tal-fidwa permezz tat-tagħlim reliġjuż fl-iskola privata u pubblika, b’mod speċjali f’Pajjiż li fih il-maġġoranza tal-ġenituri titlob it-tagħlim reliġjuż għal uliedha matul il-perijodu skolastiku. Wieħed għandu jipprovdi t-tagħlim bid-diskrezzjoni xierqa. Bl-ikbar rispett tal-libertà ġusta tal-kuxjenza, imma billi fl-istess ħin jirrispetta d-dritt fundamentali tal-ġenituri, l-ewwel responsabbli tal-edukazzjoni ta’ wliedhom (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad quosdam Hispaniae sacros praesules occasione oblata ad Limina visitationis coram admissos habita, die 2 febr. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V, 1 [1982] 280 ss).
Min-naħa tagħhom, il-professuri u l-għalliema kattolċi jistgħu jkollhom ukoll fil-kamp reliġjuż, irwol ta’ mportanza primarja. Fihom jafdaw tant ġenituri u wkoll il-Knisja, biex jiksbu din l-edukazzjoni ntegrali tal-infanzja u taż-żgħożija, li mid-definittiva tagħhom jiddependi li d-dinja futura tkun iktar jew inqas qrib Ġesù Kristu (cf. Sagrada Congregación para la Educación Católica, El laico católico testigo de la fe en la escuela, 81).
6. “Imbierkek, o Missier, Sid is-sema u l-art, għaliex żammejt moħbija dawn il-ħwejjeġ mill-għortrief u mill-intelliġenti u wrejthom liċ-ċkejknin”. Dan il-kliem fetaħ il-laqgħa tagħna.
U tul il-korsa tagħha kienet preżenti dejjem f’moħħna l-figura ta’ settur wiesgħa u mportantissmu tal-istudenti fil-fidi: it-tfal. Lilhom issa rrid nirreferi b’mod dirett.
Intom, għeżież tfal subien u bniet ta’ Spanja, intom l-ewwel li tagħrfu tant ħwejjeġ tar-Rivelazzjoni li huma moħbija għall-kbar. Għal dan intom il-maħbubin ta’ Ġesù. Fikom. Iż-żgħar, Huwa jfaħħar lill-Missier għaliex għamilkom parteċipi ta’ verità u ta’ esperjenzi li jibqgħu moħbija għall-għorrief. Quddiem it-tjubija, is-sempliċità u s-sinċerità u mħabba tagħkom għal kulħadd, Huwa kien ipproklama: “Ħallu lit-tfal jiġu għandi, għaliex tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 3).
Waqt li qed ikellimkom fi Granada, waqt din il-laqgħa ddedikata għall-edukazzjoni fil-fidi, il-Papa jrid jgħidilkom li jżommkom tant preżenti f’moħħu u f’qalbu; u jrid jirrakkomandalkom li tieħdu b’tant impenn il-formazzjoni katekistika tagħkom, kemm fl-iskola, kif ukoll fil-parroċċa, bħal fl-iskola jew fil-kulleġġ u fl-istruzzjoni reliġjuża riċevuta mingħand il-ġenituri tagħkom. Hekk, naqra naqra, titgħallmu tagħrfu u tħobbu lil Ġesù u biex kuljum idduru Lejh bit-talb, u biex issejħu lil Ommna tas-sema, il-Verġni Marija, biex iġgibu ruħkom sewwa f’kull waqt biex tirrendu ruħkom apprezzati minn Alla li jikkontemplana dejjem b’ħarstu amoruża ta’ Missier.
Jiena nitlob għalikom, nibgħatilkom tgħanniqa u barka bħala ħabib tat-tfal u nitlobkom biex titolbu wkoll għalija. Veru se tagħmluh dan?
7. Għeżież edukaturi fil-fidi, quddiem din il-panorama hekk stupenda ta’ dinja biex tkun katekizzata ħalli nqarrbuha lejn Kristu, quddiem tant adulti, żgħażagħ u tfal, li jitolbu kunsinna fidila għall-kawża tal-Vanġelu, “b’liema qawwa u konvinzjoni” jidwi f’din il-laqgħa l-kliem tal-Appostlu: “Infatti mhuwiex għalija ftaħir li nippriedka l-Vanġelu; dan għalija huwa dmir.
Ħażin għalija jekk ma nippridkax il-Vanġelu!” (1 Kor 9, 6). Nawgura li dan il-kliem ikun minqux b’mod profond f’qalbkom, għeżież ħuti .
L-Appostlu jkompli: “Jekk nagħmlu b’inizjattiva tiegħi, għandi dritt għal ħlas; imma jekk ma nagħmlux b’inizjattiva tiegħi, ikun inkarigu li ġie afdat lili” (1 Kor 9, 17).
Infatti, dan huwa inkarigu afdat lill-amministraturi.
Ftakru din l-espressjoni: “Dispensaturi tar-Rivelazzjoni divina”. Ladarba din ir-rivelazzjoni tieħu spunt mill-korteżija ta’ Alla lejn il-bnedmin, allura, b’mod indirett intom ukoll “dispensaturi” ta’ dik il-korteżija, ta’ dik “l-imħabba eterna”.
Hemm bżonn li titolbu u tisforzaw sabiex id-dixxipli tagħkom fil-fidi jaċċettaw mingħandkom mhux biss il-kelma tal-verità rivelata, imma wkoll dik l-imħabba li minnha titwieled ir-Rivelazzjoni u li fiha tesprimi ruħha u titwettaq.
Għal dan l-Appostlu mbagħad jikteb lil dawk li joffru s-servizz ta’ ekonomi: “Xinhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar il-Vanġelu, inxandru b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Vanġelu stess” (1 Kor 9, 18). Għaliex il-Vanġelu jattribwilkom id-dritt ta’ sosten, jekk is-servizz spiritwali jokkupa l-ħin kollu tagħkom u jassorbi l-enerġiji kollha tagħkom. Bla dubju, il-ħlas maġġuri, skont l-Appostlu jikkonsisti fil-“poter li xxandar il-Vanġelu”. Jistgħu jkunu ekonomi tal-kliem tal-imħabba ta’ Alla, ikunu kollaboraturi u appostli ta’ Ġesù Kristu.
“Ħażin għalija jekk ma nippridkax il-Vanġelu!”.
Għeżież edukaturi fil-fidi: Jalla Kristu jkun “il-ħlas” tax-xogħol tagħkom, imwettaq b’diżinteress u ġenerożità fil-knejjes kollha ta’ Spagna. Jalla dan ix-xogħol jipproduċi ħsad ta’ mija għal kull wieħed. Dan nitlob lill-Verġni tad-Diqa tal-Qalb, patruna ta’ Granada.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb