Il-Fidi fi żmien ta’ gwerra

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Joe Galea

Meta wieħed jidħol fl-Ukrajna mir-reġjun tat-Transcarpazja, li tinsab fit-tarf nett tal-Punent tal-pajjiż, kollox jidher fil-paċi. Fit-triq lejn il-belt żgħira ta’ Khoust hemm xbiha ta’ Kristu jġorr is-salib, ifakkar lil min għaddej li f’dan il-post, fl-1953, Stalin kien ordna li jinġiebu fix-xejn l-aħħar partiġġjani tal-armata Ukrajna, li kienet waqfitlu. Fid-daħla tal-belt, fejn normalment il-billboards ikunu b’reklami tal-ħwienet kbar lokali, hemm billboard li jsellem lil min dieħel fl-Ukrajna, bil-wiċċ tal-Verġni Marija u b’messaġġ li jgħid: “Qaddisa Omm Alla, salva lill-Ukrajna!”

Minn meta bdiet l-invażjoni Russa fl-24 ta’ Frar tal-2022, aktar minn żewġ miljuni ta’ refuġjati qasmu minn hawn il-fruntiera lejn l-Ungerija, u mijiet ta’ eluf sabu kenn f’dan ir-reġjun ta’ reliġjonijiet diversi. Għax l-Ukrajna tinsab f’salib it-toroq tal-Lvant Ortodoss u l-Punent Latin. Hawnhekk Kattoliċi tar-rit Latin jew tar-rit Orjentali huma l-ġirien ta’ ħuthom mifrudin mill-Knisja Kattolika, li wħud minn dawn jagħmlu mal-Patrijarkat ta’ Moska filwaqt li oħrajn huma fil-Knisja Ortodossa Ukrena, li kienet infirdet minn Moska.

Il-Verġni Marija tilqa’ lil dawk li jidħlu fil-belt ta’ Khoust

Minn Khoust għal Kiev

Fil-knisja ta’ Santa Katarina, tar-rit Kattoliku, Patri Vladimir jgħid li jara lill-parruċċani tiegħu dejjem jiżdiedu fl-uffiċċju tiegħu. Madwar tletin minnhom ġew imsejħa biex jingħaqdu mas-suldati fil-gwerra. Hu baqa’ jagħtihom attenzjoni speċjali u biex isostnihom qed jorganizza laqgħat ta’ talb b’komunikazzjoni online, li jipprovdi grazzi għat-telefon tiegħu. Patri Vladimir mar ukoll jarahom fuq il-front tal-gwerra qalila. Patri sieħbu, Patri Ioan, li qiegħed fl-istess belt, jappartjeni għall-Knisja Ortodossa marbuta mal-Patrijarkat ta’ Moska. Patri Ioan jistqarr l-impenn tiegħu favur ir-refuġjati, iżda huwa inqas komdu meta jiġi biex jikkummenta dwar il-kliem tal-Patrijarka Kirill ta’ Moska, li kien qal li din hi: “gwerra qaddisa magħmula mill-armata Russa kontra s-Sataniżmu Ukren”. B’ċertu tħassib, Patri Ioan jgħid li dan mhux kliem, imma jieqaf hemm. Il-Knisja li jagħmel parti minnha tiegħu iddgħajfet ħafna fl-Ukrajna.

Fil-fatt, f’Novembru tas-sena 2022, nies mis-servizz sigriet Ukren għamlu tfittxija fil-bini tal-knisja ta’ Patri Ioan, u għarblu dokumenti li sabu biex jaraw jekk hemm xi kollużjoni mar-Russja. Ir-RADA, li hi l-Assembleja Nazzjonali, kienet qed tħejji liġi li ma tħallix tiffunzjona fl-Ukrajna din il-Knisja li hima magħquda ma’ Moska. B’hekk il-parroċċi Ortodossi jkunu mġiegħla jingħaqdu mal-Knisja Ukrena (mhux Kattolika) li għaliha jirritorna l-patrimonju kkonfiskat. Dan jista’ jaffettwa wkoll lill-miljuni ta’ Nsara mhux Ortodossi fl-Ukrajna.

Fl-okkażjoni tal-Milied Ortodoss, fi Kiev, xi 800 kilomentru ‘l bogħod minn Khoust, kien hemm avveniment storiku. Għall-ewwel darba, taħt l-għajnejn mistagħġba tal-fidili u fil-preżenza ta’ ħafna membri tal-kleru, il-Patrijarka Epiphanius, qalb sħab ta’ inċens daħal b’ċerimonjal fil-katidral majestuż bl-isem ta’ Laura tal-Għerien. Dan il-post simboliku tal-Ortodossija, imwaqqaf fis-seklu ħdax minn patrijiet li ġew mill-Muntanja Athos, kien ġie trasferit lill-Knisja Ukrena f’Diċembru tal-2022.

Dfin kollettiv f’Boutcha

L-istorja Nisranija tal-pajjiżi Slavi bdiet bil-Magħmudija tal-Prinċep Vladimir I fid-988, fil-punent tal-kapitali Ukrena, ftit kilometri ‘l bogħod. Patri Andryi qiegħed fil-knisja tiegħu f’Butcha. Din il-belt żgħira saret is-simbolu tal-martirju tal-poplu Ukren meta t-truppi Russi rtiraw fl-aħħar ta’ Marzu tal-2022.

Patri Andryi jieħu ħsieb id-dfin tal-vittmi

Instabu fit-toroq kważi 500 katavru, fil-kantini jew fid-djar meqruda. Kien twettaq qtil bl-addoċċ ta’ adoloxxenti, bħal Karina, żagħżugħ ta’ 16-il sena, li saret simbolu tal-moħqrija lill-abitanti, ta’ ommijiet u ta’ nies anzjani tal-belt. Patri Andryi ħa ħsieb id-dfin tagħhom b’mod kollettiv fuq art tal-knisja. F’dik ir-rebbiegħa mexxa ċ-ċerimonji tal-funerali f’dan iċ-ċimiteru hekk kif il-mejta ġew identifikati. F’ringieli ħdejn xulxin, hemm 163 salib mingħajr ebda kitba għajr numri sempliċi li jfakkru l-kalvarju kli għaddiet minnha din il-popolazzjoni.

Bħal Patri Vladimir, Patri Andryi juża teknoloġiji ġodda biex iżomm kuntatt mal-fidili. Huwa jxandar il-Quddiesa tal-Ħadd fuq il-kanal YouTube tiegħu għall-ħafna abitanti li għadhom refuġjati barra l-pajjiż jew fil-punent tal-pajjiż. Xi wħud minn dawk li qegħdin jiġġieldu fil-gwerra f’Donbass, jieħdu sehem huma wkoll.

Patri Andryi jieħu ħsieb id-dfin tal-vittmi

Il-fidi fid-diffikultà

Minn dan ir-reġjun, li hu fruntiera mar-Russja, fejn il-kunflitt armat ilu għaddej bla waqfien mill-2014, wieħed jgħaddi għall-belt ta’ Bakhmut, meqruda minn bumbardament bla waqfien għal aktar minn ħames xhur u żvujtata mill-abitanti tagħha. Katarina, mara ta’ 30 sena. li tagħmel volontarjat għal organizzazzjoni  Ukrena żgħira mhux governattiva, tassigura linja ta’ komunikazzjoni fi speċi ta’ klinika mill-villaġġ għal Kostiantynivka, bil-vann tagħha tal-era Sovjetika. Hi tevakwa l-abitanti eżawriti u bla tama, u meta tiġi lura ġġib magħha mediċini, ikel, xemgħat, kutri, dak kollu li jista’ jgħin biex wieħed jibqa ħaj. Fi stat ta; xokk, Katarina tgħid li poġġiet il-fidi tagħha f’Alla mingħajr ma tista’ tifhem. Għalhekk tħalli l-fidi għall-quddiem. “Wisq orrur, wisq tbatija!” Imbagħad iżżid: “Nibqa’ għaddejja f’li nieħu ħsieb ħaddieħor u nistaqsi  meta jintemm dan kollu.”

Il-fraternità u tama

Ftit ‘il bogħod minn dik l-ispeċi ta’ klinika, żewġ anzjani qed jaqtgħu l-friegħi ta’ siġra tal-lumiċell quddiem id-dar tagħhom, mibnija mill-briks mis-snin Sovjetiċi. Huma Natalya u Vitali, it-tnejn imwielda f’Kaliningrad, fuq ix-xtut tal-Baħar Baltiku u kienu ġew bħala miżżewġin friski biex jibdew familja fid-Donbass, imħajrin mis-salarji tal-industrija tal-azzar. Ta’ 70 sena, Natalya u Vitali ma jimmaġinawx li jitilqu mill-appartament li fih rabbew liż-żewġt uliedhom. Wisq inqas minn meta binthom Oksana u n-neputijiet mietu fl-2015 taħt il-bombi fil-ġlied tal-bidu. “Dan huwa dak li jżommni għaddej,” tgħid Natalya hekk kif toħroġ minn but tal-ġakketta sewda u qadima tagħha għadd ta’ ikoni tal-Verġni Marija u tal-Qaddisin. “Nitlob il-ġurnata kollha biex tispiċċa din il-gwerra! Għaliex dan il-massakru bejn Insara? X’messaġġ ta’ Kristu qed iwasslu dawk li jibagħtu lis-suldati żgħażagħ tagħhom biex joqtluna?”

Dwar il-preżenza ta’ saċerdot fil-belt, Natalya twieġeb li l-knejjes kollha ilhom magħluqa għal żmien twil. Ftit toroq ‘il bogħod, madankollu, il-qassis Oleg iżomm d-dar tiegħu miftuħa għal min għandu bżonn. Id-dar tagħti għal ġnien fejn hemm ġeneratur li jħaddem il-bini ta’ żewġ sulari. Fis-sular t’isfel, tintuża kamra kbira għat-talb tal-komunità. Il-qassis joqgħod f’rokna, wara fuklar li jagħti ftit sħana. Il-Qassis jitkellem dwar il-ħidma tiegħu: “Id-dmir tiegħi illum huwa l-ewwelnett li nsalva l-ħajjiet. Għal ruħhom, nagħmel mill-aħjar. Sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jitilqu mill-belt, ma’ xi nies organizzajt post ta’ akkoljenza f’xi parroċċi ta’ Dnipro. Inżur, sa fejn jippermettuli l-bumbadamenti, lil dawk li minkejja kollox baqgħu hawn. B’hekk naslu li nitolbu flimkien ħalli nsalvaw il-komunità.”

Hemm tank Ukren għaddej fit-triq. Il-ħoss tal-kanuni jiżdied. Meta tintemm il-gwerra, xejn mhu se jkun bħala qabel għal dawn l-Insara Ukreni.

Joe Galea

%d bloggers like this: