Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju ta’ Montserrat

Print Friendly, PDF & Email

 VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA FIS-SANTWAREJU TA’ MONTSERRAT
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Barċellona, 7 ta’ Novembru 1982

Għeżież ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti: ikun imfaħħar Ġesù Kristu!

1. Idoqq għal kollox attwali, fil-liturġija, il-kliem tal-profeta: “Jiġu ħafna popli u jgħidu: / «Ejjew, nitilgħu fuq il-muntanja tal-Mulej, / fit-tempju ta’ Alla ta’ Ġakobb, / sabiex jurina triqatu / u nkunu nistgħu nimxu fil-mogħdijiet tiegħu ». Ladarba minn Sion toħroġ il-liġi, / u minn Ġerusalem kelmet il-Mulej” ( 2, 3).

F’armonija mal-istedina bibblika, iż-żjara f’Montserrat tassoċja f’għaqda stretta ħafna l-valuri tal-pellegrinaġġ reliġjuż għas-seħer tal-għan marjan fuq il-quċċata tal-muntanja, fejn is-smewwiet jiltaqgħu, mal-art. It-tlugħ għas-Santwarju, f’dan il-kwadru xeniku suġġestiv, jistieden biex iqanqal storja twila-sekli.

Huwa mpressjonanti li tkun taf li ninsabu f’post sagru; li minn dawn il-mogħdijiet, miftuħa sekli ilu, imxew folol ta; Pellegrini, ħafna minnhom magħrufa minħabba twelidhom nobbli jew għall-għerf tagħhom. U dan huwa mottiv ta’ ferħ speċjali li nsegwu l-passi ta’ Ġwanni di Mata, Pietro Nolasco, Raimondo di Peñafort, Vincenzo Ferrer, Luigi Gonzaga, Francesco Borgia, Giuseppe Calasanzio, Antonio Maria Claret u bosta qaddisin oħra magħrufa; mingħajr ma ninsew dak is-suldat li, wara li qiegħed l-armi f’riġlejn il-“Moreneta”, niżel mill-muntanja biex imexxi l-Kumpanija ta’ Ġesù.

2. Hawn jiffjorixxi spontanju il-kantiku ta’ ferħ tal-pellegrin meta jilħaq id-destinazzjoni tiegħu. Is-Salmista jfakkar, fuq kollox, il-ferħ inizjali tal-vjaġġ: “Kemm fraħt meta qaluli: / «Se nmorru f’dar il-Mulej»” (Sal 121 [122], 1). Ferħ qawwi, kontaġġjuż, bla sabar, skont dak li jikkummenta Santu Wistin: “Ejjew niġru, ejjew niġru, għaliex se nmorru f’dar il-Mulej. Ejjew niġru bla ma ngħejjew, għaliex se naslu fejn mhemmx iktar għejja . . . Se nmorru f’dar il-Mulej.

Tirt bil-ferħ mal-profeti, tirt bil-ferħ mal-Appostli. Dawn kollha qalulna: “Se nmorru f’dar il-Mulej”” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 121 [122], 1).

Minnufih wara, is-Salmista jiddeskrivi l-esperjenza unika tal-pellegrini, hekk kif jaslu fid-destinazzjoni tant mixtieqa: “U issa riġlejna jieqfu / f’bibien Ġerusalem! Ġerusalem hija mibnija / bħala belt qawwija u kumpatta. Jitilgħuha flimkien it-tribujiet, / it-tribujiet tal-Mulej, / skont il-liġi ta’ Iżrael, biex ifaħħru isem il-Mulej” (Sal 121 [122], 2-4).

L-ewwel sentiment ta’ ammirazzjoni quddiem is-solidità ta’ bini mibni fuq pedamenti tajba. Montserrat figura b’mod feliċi fis-serje ta’ dawk is-Santwarji li s-sena l-oħra kelli l-pjaċir niddefenixxi bħala “sinjal ta’ Alla, tal-irruzzjoni fl-istorja umana”, billi jippreżentaw “monumenti tal-misteru tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni”, f’konsonanza meraviljuża ma’ dik il-“vokazzjoni tradizzjonali u dejjem attwalissma tas-Santwarji kollha, li tikkonsisti fli jkunu antenna permanenti tal-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni tagħna” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad sanctuariorum rectores habita, die 22 ian. 1981: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, IV, 1 [1981] 139).

Dan huwa glorja tal-ulied ta’ min ifaħħarhom ta’ San Benedittu li bidlu f’realtà l-ħolma ta’ Santu Wistin: “Dan huwa dak li hija dar il-Mulej. Fiha huwa mfaħħar min bena d-dar. Huwa hu l-gost ta’ dawk kollha li hemm jgħixu. Huwa biss huwa t-tama hawn u r-realtà ta’ hemm” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 121 [122], 3). Fidili għall-kariżma fondazzjonali tagħhom, l-Irħieb ta’ Montserrat jgħixu sal-qiegħ l-impenn tagħhom li jagħmlu mill-Bażilika eżempju ta’ talb liturġiku, billi jirrendu sbieħ iċ-ċerimonji bil-kant tal-“iskola kantorum” famuża tagħhom u billi jorjentaw it-talb tagħhom fil-pastorali favur id-devoti bla numru li jiffullaw madwar il-“Mare de Déu”.

L-ambjent jistieden b’mod irreżistibbli għat-talb, li huwa neċessità għall-pellegrini li jitilgħu l-muntanja, “skont il-liġi ta’ Iżrael, / biex iqimu isem il-Mulej”. Huwa gost tigglorifika l-kobor tiegħu, hawn, fejn il-kantiku tal-Krejaturi jiffjorixxi spontanju fuq xuftejna; huwa dmir niżżuh ħajr b’imħabba filjali għad-doni ġenerużi tiegħu ukoll f’isem ħutna; u fl-aħħarnett, miżura ta’ prudenza titlob riserva ta’ enerġija qabel l-istadji l-oħra. Għaliex il-pellegrinaġġ ikompli. Mhuwiex leċitu tanħseb hawn fuq l-art għal “għamara permanenti”, u jmissna “naspiraw għal dik futura”.

3. Għal dan nistieden l-atteġġjament eżemplari tal- Madonna, li hija Omm u, għalhekk, Għalliema.

Bilqiegħda fuq tron ta’ glorja f’atteġġjament sollenni, bħalma jixraq lis-Sultana tas-smewwiet u tal-art, bil-Bambin Alla fuq irkubtejha, il-“Virgen Morena” tiżvela quddiem għajnejna l-viżjoni eżatta tal-aħħar misteru glorjuż tar-Rużarju mqaddes.

Huwa, bdanakollu, providenzjali li ċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-festa tkun stabbilita fuq il-misteru gawdjuż tal-Viżitazzjoni, li jikkostitwixxi l-ewwel inizjattiva tal-Verġni Omma. Montserrat jinkludi, mela, lezzjoni validissma għall-mixja tagħna ta’ Pellegrini.

Qatt m’għandna ninsew d-destinazzjoni definittiva tal-aħħar misteru ta’ glorja. “Aħseb – jgħid Santu Wistin – li għada trid tibqà hemm, għalkemm inti għadek fil-mixja, aħseb bħallikieku diġa tinsab hemm, bħallikieku diġa qiegħed tgawdi bla ma jistħoqqlok fost l-Anġli, bħalikieku diġa qed iseħħ fik dak li ingħad: «Beati dawk li jgħammru fid-dar tiegħek; li dejjem ta’ dejjem ifaħħruk»” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 121 [122], 3).

Fil-mixja hemm bżonn nimitaw l-istil tal-Omm fiż-żjara li għamlet lil kuġinitha: “F’dawk il-jiem Marija telqet lejn il-muntanja u b’għaġġla laħqet belt ta’ Ġuda” (Lq 1, 39). Ir-ritmu tagħha huwa deċiżament eżemplari skont San Ambroġ: “Kuntenta fix-xewqa, lesta reliġjożament għad-dmir, konsideranti fil-ferħ, marret fuq il-muntanja” (S. Ambroġ, Exp. in Evang. secundum Lucam 2, 19).

Huwa tad-dmir li nosservaw li l-itinerarju tagħha ma jillimitax ruħu għal din l-axxensjoni fiżika biss fuq il-muntanja. L-Ispirtu jinterveni f’waqt qawwi: ġiegħel jaqbeż bil-ferh lil Ġwanni fil-ġuf matern; fawwar b’dawl divin il-moħħ ta’ Eliżabetta; ħataf is-Sultana tal-profeti, billi mbuttaha fil-mixja għat-telgħa sal- quċċata tal-muntanja nviżibbli tal-Mulej. Dan għamlu billi segwa l-liġi meraviljuża li “tniżżel il-qawwijin u tgħolli lill-umli” (Lq 1, 52). Il-Magnificat jirrappreżenta l-eku ta’ dik l-esperjenza sublimi fil-pellegrinaġġ eżemplari tagħha: “Ruħi tfaħħar il-Mulej / u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, Salvatur tiegħi, / għaliex ħares lejn l-umiltà tal-qaddejja tiegħu. / Minn issa ‘l quddiew il-ġenerazzjonijiet kollha isejħuli ħienja” (Lq  1, 46-48). Il-kantiku ta’ Marija jidwi bla ma jiċċaqlaq tul is-sekli. Hawn f’Montserrat donnu l-ikkritalizza ruħu sal-punt li jikkostitwixxi “Magnificat tal-blat”. Mhuwiex biss sinjal denn ta’ fidi tat-tlugħ imwettaq; huwa wkoll vleġġa indikatriċi ta’ telgħat oħra.

Il-virtù tal-pellegrin hija t-tama. Hawn huwa possibbli li nagħmlu provista, għaliex Marija tħaddanna f’dirgħajja u maternament tqegħdha għad-dispożizzjoni tagħna. Saħansitra mingħajr ma aħna nintebħu, bħalma għamlet mal-għarajjes ta’ Kana tal-Galilea. Tintervieni dejjem bi prontezza u delikatezza ta’ omm. Dan għamlitu b’mod eżemplari fil-misteru tal-viżitazzjoni, rappreżentat b’mod liturġiku b’mod indelibbli hawn f’Montserrat.  Jispjega ruħu, mela, għaliex jidwi kuljum fuq din il-muntanja l-aċċent tat-tislima lill-Madonna, lis-Sultana, lill-Omm, lid-Depożitarja tat-tama li tinkuraġġixxi lill-pellegrini: “Déu vos salve, vita, dolcezza e speranza nostra”.

4. Is-Salmista jirreferi għal Ġerusalem ċelesti li tintlemaħ permez tal-Ġerusalem terrena. Tkun sfurzata t-transpożizzjoni tax-xbiha? Il-Verġni ta’ Montserrat, bilqiegħda fuq tron, b’binha fuq irkubbtejha donnha tistenna li tħaddan flimkien miegħu lil uliedha kollha. Il-pellegrinaġġ spiritwali tagħna jirriduċi ruħu, fl-aħħar minn l-aħħar, biex jilħaq b’milja l-filjazzjoni divina. Il-vokazzjoni tagħna hija fatt; bi preferenza inkomprensibbli tal-Missier, għamilna wlied fl-Iben: “Imbierek ikun Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, / li berikna b’kull barka spiritwali fis-smewwiet, fi Kristu. /  Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja, / biex inkunu qaddisin u immakulati quddiemu fil-karità, / billi ppredestinana biex inkunu wliedu addottivi / bl-opra ta’ Ġesù Kristu, / skont  l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu. / U dan għat-tifħir u l-glorja tal-grazzja tiegħu, / li tana f’Ibnu l-għażiż” (Ef 1, 3-6).

Is-Salmista jiddeskrivi d-destinazzjoni bħala “Ġerusalem li tinbena bħala belt”. Minn hawn jieħu spunt Santu Wistin biex jimmodula l-filjazzjoni skont reġistru ieħor: “Issa qiegħed jibni, u għaliha jikkonkorru, għall-kostruzzjoni tagħha, ġebel ħaj, li dwarhom San Pawl jgħid: “Intom ukoll, bħala ġebel ħaj, intom mibnija bħala dar spiritwali”” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 121 [122], 4).Ido

Din il-muntanja li hija Montserrat, imperreċ b’mod karatteristiku, tidher bħal barriera nkomparabbli. “Issa tinbena l-belt, Issa jaqgħu l-ġebel tal-muntanji b’idejhom dawk li jippridkaw il-verità u jiskrutinawhom sabiex jingħaqdu f’binja eterna” (Ivi.). Minn hawn, ninn Montserrat, mir-reġġjun Katalan, minn Spanja kollha hemm bżonn jinqatgħu l-ġebel tal-binja l-ġdida.

Mingħajr ma ninsew li s-sies huwa Kristu (cf. 1 Kor 10, 4); bil-konsegwenzi kollha li joħorġu fl-arkitettura. Wieħed jgħid li Santu Wistin, meta kkumenta s-Salm, kellu quddiem għajnejh Bażilika bħal dik ta’ Montserrat. “Meta jibnu s-sisien fl-art. Jibnu l-ħitan lejn l-għoli, u l-piż tagħhom lejn il-baxx, għaliex taħt huma mqegħda s-sisien. Imma jekk is-sosten jew sies tagħna jinsab fis-sema nibnu lejn is-sema. Il-bennejja li bnew il-fabbrika ta’ din il-Bażilika li taraw togħla majjestuża; imma billi bnewha l-bnedmin, tefgħu s-sisien taħt; iżda meta nkunu mibnija spiritwalment, is-sies isib ruħu fil-għoli. Ejjew mela niġru f’dik d-direzzjoni biex inkunu mibnija; infatti dwar din l-istess Ġerusalem jgħid: «U issa riġlejna jieqfu f’bibien, Ġerusalem»” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 121 [122], 4). It-tempju li fuqu nqiegħdu riġlejna huwa bieb ta’ dak l-ieħor li għadu qiegħed jinbena, li tiegħu nħossuna ġebel ħaj.

5. Mhuwiex leċitu li ninjoraw s-suġġeriment offrut lill-pellegrini: “Itolbu paċi għal Ġerusalem: / tkun paċi għal dawk li jħobbuk, / tkun paċi fuq ħitanek, / sikurezza fis-swar tiegħek. / Għal ħuti u ħbiebi / se ngħid: «Tkun fuqek il-paċi!». / Għal dar il-Mulej Alla tagħna, / se nitlob għalik il-ġid” (Sal 121 [122], 6-9).

Il-paċi tiġbor fil-qosor il-munzell ta’ ġid li bniedem jistà jixtieq. Paċi fermament ibbażata fuq l-patt tal-Mulej, fidila mal-għeżież tiegħu. Minn fuq din il-muntanja qaddisa, oażi ta’ serenità u ta’ paċi, nawgura l-paċi messjanika awtentika lill-bnedmin kollha, li huma aħwa, li l- “Moreneta” tħares bi mħabba identika ta’ Omm, u li tirrakkomanda lil Binha divin. “Huwa jkun imħallef fost il-bnedmin / u jkun arbitru fost ħafna popli. / Ħa jfasslu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, / u l-lanez tagħhom fi mnieġel; / poplu ma jgħollix iktar ix-xabla kontra poplu ieħor, / ma jeżerċitawx iktar ruħhom fl-arti tal-gwerra. / Dar ta’ Ġakobb, ejja / nimxu fid-dawl tal-Mulej” ( 2, 5).

Jalla l-muntanja qaddisa, Mulej, tkun bosk taż-żebbuġ, tkun “sagrament ta’ paċi”. Sinjal ta’ dak li huma l-ulied li jħobbu l-Omm komuni vera; u mpuls effikaċi biex verament jitwettaq dak li llum jinħass bħala utopija.  U jkun realtà fil-qies li fih il-bnedmin jitbaxxew b’mod doċli għall-uniku imperattiv li l-Vanġeli ġabru minn fomm Marija: “Agħmlu dak li jgħidilkom”.  U huwa jissejjaħ “Prinċep tal-paċi”..

6. Niżżuk ħajr, Mulej, għall-ferħ li ġibitilna l-waqfa ta’ passi tagħna hawn fis-Santwarju kkonsagrat lill-Omm, li fih ħassejniena msabbra minn impuls imġedded għall-itinerarju futur tagħna.

Nitolbuk, o Missier, f’din il-Bażilika, li fiha jgħammar Ibnek Ġesù Kristu, Bin Marija, biex tikkonċedi bil-kbir il-paċi, il-qbil u l-ferħ lit-tribujiet kollha ta’ Iżrael il-ġdid.

Agħmel, o Mulej, li l-bnedmin kollha jirnexxilhom jiskopru s-sens profond tal-eżistenza pellegrina tagħhom fuq l-art; li ma jħawdux l-istadji mad-destinazzjoni. Li jimmudellaw il-mixja fuq l-eżempju ta’ Marija. Hija se tkun l-Awżiljatriċi tagħhom; għaliex hawn, issa u dejjem, Marija hija Sultana qawwija u Omm grazzjuża.  Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: