Mistiċi: Ġuljana ta’ Norwich

Print Friendly, PDF & Email

Nru 2. ĠULJANA TA’ NORWICH, BEJN IL-KATIDRAL U T-TRIQ

Minn Joe Galea

Meta, fir-rakkonti tal-mistiċi, nitkellmu dwar eremiti, x’aktarx jiġuna f’moħħna nies li tbiegħdu mill-abitant biex jgħixu ħajja ta’ kontemplazzjoni, f’ambjent ta’ awsterità. Ġuljana  ta’ Norwich ħadet triq differenti, dik ta’ anakoreta, billi rtirat għaliha u baqgħet rekluża f’kamra, imma fil-qalba tal-belt.

Ġuljana kienet tgħix f’Norwich, fil-Lvant tal-Ingilterra, 180 kilometru minn Londra. Iċ-ċella tagħha kellha żewġ twieqi, waħda tinfetaħ għal ġol-knisja u l-oħra tagħti għat-triq. Sa mis-seklu 12, xi nisa bdew jgħixu bħala reklużi, weħidhom jew f’komunità. Beda l-fenomenu tal-béguinage, ta’ nisa romol li għażlu li jgħixu flimkien f’binja b’ħafna kmamar żgħar.

Il-béguinage huwa grupp ta’ djar mibnijin madwar ġnejna mdaqqsa ta’ siġar. Kien risposta ta’ nies li kienu qed ifittxu l-kwiet f’dinja li aktar ma’ kien għaddej iż-żmien aktar kienet qed issir storbjuża u titbiegħed minn dak li hu tar-ruħ. Ħafna minn dawn in-nisa twajba sfaw weħidhom minħabba li żwieġhom mietu fil-gwerer ta’ dak iż-żmien. Għadhom sal-lum il-béguinage pittoreski ta’ bliet kbar bħal Bruges u Antwerp, fil-Belġju. Huma ta’ attrazzjoni għal min iżur dawn il-bliet.

Mill-bqija ftit nafu dwar Ġuljana ta’ Norwich. Hawn min jgħid li kienet l-ewwel mara li kitbet ktieb bl-Ingliż. Meta kellha 30 sena ġiet milquta minn marda gravi u ta’ madwarha kienu ħasbu li mietet. Malli s-saċerdot li ġie biex jagħmlilha l-griżma tal-morda żamm il-kurċifiss f’idu, Ġuljana qamet hekk kif rat lil Kristu jbati l-passjoni tiegħu u jmut fuq is-salib. Waqt din l-esperjenza Ġuljana ntilfet kemm fil-passjoni ta’ Kristu kif ukoll fil-qawmien tiegħu hekk li stejqret ma’ din il-viżjoni.

Ġuljana ta’ Norwich, Stephen Reid, 1812

Din il-ġrajja kienet il-magħmudija spiritwali ta’ Ġuljana u l-bidu ta’15-il viżjoni, li kellha fi spazju ta’ 5 sigħat. L-għada kellha s-16-il viżjoni. Kien wara din l-esperjenza, fl-1373, li Ġuljana għażlet il-ħajja kontemplattiva u ngħalqet fil-binja tal-katidral ta’ Norwich. F’din il-kamra kitbet dak li għaddiet minnu f’rivelazzjoni mistika hekk qawwija.

Ġuljana ta’ Norwich ma kinitx ta’ xi skola. Bilkemm kienet taf taqra u tikteb. Madankollu kienet taf x’qiegħda tgħid, anke f’dak li hu f’livell teoloġiku. Wasslet fil-kitba l-esperjenza tagħha, għall-bidu fil-qosor, lejn l-1374. Imbagħad tul 20 sena kompliet tikteb, bla dubju megħjuna minn teoloġi tal-epoka. Approfondiet l-esperjenzi tagħha bit-talb u bl-istudju u kitbet dwarhom fit-tul fil-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet. Fih tiddeskrivi s-16-il viżjoni u tagħmel analisi teoloġika bi stil ta’ sempliċità.

Sal-mewt tagħha fl-1416, Ġuljana qdiet l-irwol ta’ gwida spiritwali ma’ diversi nisa. Kienu jżuruha biex jitolbuha l-pariri u hi għenithom wara ħafna dixxerniment. Fost dawn insemmu lil Margery Kempe (1373-1438), mistika lajka Ingliża, mara ta’ spiritwalità qawwija, li Ġuljana rfinat u inkuraġġiet.

Ġuljana tgħid li l-viżjonijiet li kellha bidlu lil ħajjitha. F’żgħożitha kienet talbet lil Alla tliet rigali: li tikseb l-għarfien dwar it-tbatijiet ta’ Kristu fuq il-Kalvarju, li tkun purifikata bis-sofferenza u li tkabbar l-indiema ta’ dnubietha flimkien ma’ kompassjoni lejn l-oħrajn u l-għatx għal Alla.

Wieħed jistagħġeb b’din it-tfittxija għas-sofferenza. Madankollu rridu nqisu dan fil-kuntest tal-epoka. Kien żmien iebes ħafna wara l-pesta l-kbira. Għall-bidu tas-seklu 14 il-Kristjaniżmu kien iċċentrat ħafna fuq il-mistika tal-passjoni ta’ Kristu, kif żviluppat fl-Italja u l-Ewropa ta’ Fuq. Kienu komuni l-purċissjonijiet tal-flaġellanti. Ġuljana, bil-mod tagħha, ħadet din is-sensibbiltà. Il-viżjonijiet li ngħatawlha ppermettew li hi tifhem il-kura immensa li għandu Alla għall-bnedmin u li tapprofondixxi l-qima lejn il-misteru tat-Trinità.

Soru tal-Ordni ta’ Ġuljana ta’ Norwich

1343 Twelid f’Norwich,  l-Ingilterra. 
1370 Sittax-il viżjoni. Tirtira fil-Katidral ta’ Norwich. 
1372 Tikteb l-ewwel verżjoni tar-Rivelazzjonijiet. 
1390 Mewt ta’ Ġuljana.

Ġuljana trażmettiet din il-katekeżi lill-oħrajn fi spiritwalità popolari, xi ftit fil-manjera ta’ Hildegarde ta’ Bingen (1098-1179), Benedittina Ġermaniża. Il-ktieb ta’ Ġuljana, dak tar-Rivelazzjonijiet għandu idea ottimista tal-fidi Kristjana u li jikkontrasta mal-kultura tal-epoka tagħha. Fih elementi tal-imħabba ta’ Alla fil-ħolqien, il-viżjoni Kristoċentrika, il-passjoni ta’ Kristu, is-salvazzjoni għal kulħadd, tagħrif dwar it-Trinità Qaddisa u l-imħabba ta’ Alla fil-ħidma tiegħu fil-ħajja tal-bnedmin.

Il-mistika ta’ Ġuljana ta’ Norwich, bħal dik ta’ Meister Eckhart, hi mmarkata bin-nozzjoni tal-profondità tar-ruħ. Eckhart (1260-1329) kien mistiku mir-reġjun ta’ Thuringe, il-Ġermanja. Hu awtur ta’ diversi kitbiet ta’ spiritwalità li wħud minnhom ma ġewx aċċettati fi żmienu. Id-Djalogu ma’ Swor Katerina ta’ Strasbourg, tal-istess Eckhart, seta’  kellu impatt fuq it-triq li ħadet Ġuljana. Hu f’dan l-istat profond tar-ruħ li Ġuljana tiltaqa’ ma’ Alla fit-talb li għalih ikkonsagrat il-ħajja kollha tagħha wara li kellha l-viżjonijiet. Hija kkultivat fiha d-dimensjoni kariżmatika.

Fl-Ingilterra Ġuljana ta’ Norwich hi meqjusa bħala l-ikbar teologa Ingliża, flimkien ma’ San John Henry Newman (1809-1890). Fis-seklu 20 inħoloq l-Ordni ‘Ġuljana ta’ Norwich’. Fi Franza, ix-xogħlijiet tagħha ġew tradotti għall-Franċiż, mhux mill-ewwel għax kienu mitfija mill-kitbiet ta’ awturi oħra Ingliżi tal-epoka li setgħu influwenzaw il-kitbiet tagħha. Fost dawn kien hemm dawk ta’ Richard Rolle (1300-1349), eremit mistiku Ingliż, awtur u kompożitur, Walter Hilton (1300-1349), mistiku Agostinjan li l-kitbiet tiegħu kellhom influwenza fl-Ingilterra u f’Wales tas-seklu 15 u l-awtur anonimu Ingliż ta’ Is-Sħab tal-Inkonoxxenza, meqjus fost l-aqwa kitbiet influwenti ta’ spiritwalità.

_____

“Il-Mulej irrevelali żewġ xorta ta’ misteri. Min-naħa, il-Misteru l-kbir u l-misteri partikulari li hemm fih. Alla jrid li aħna nagħrfu li dawn jeżistu imma jridu jibqgħu hemm sakemm hu jurihomlna b’mod ċar. Dawn huma s-sigrieti li jrid jgħaddilna biex inkunu nafuhom. Irid li jkun Hu li jikxifhomlna biex aħna nkunu nistgħu nagħrfuh, inħobbuh u nsiru ħaġa waħda miegħu.

Alla jrid li jkollna intelliġenza vera dwar dak li jmissna fit-talb, l-aktar dwar tliet ħwejjeġ. L-ewwel ħaġa hi dik li nkun nafu li Hu l-għajn tat-talb tagħna, u kif dan hu hekk. It-tieni hi li nagħrfu l-mod kif nutilizzaw il-ħin tagħna tat-talb. It-tielet hu li nagħrfu l-frott u l-fini tat-talb tagħna li huma li nkunu nixbhu lill-Mulej tagħna f’kollox u li nkunu magħqudin miegħu.”

– Estratt mit-Tielet Rivelazzjoni, ta’ Ġuljana ta’ Norwich.

Tista’ tagħmel żjara virtwali fil-Katidral ta’ Norwich kif inhu llum, fuq … https://cathedral.org.uk/

%d bloggers like this: