Mistiċi: Serafim ta’ Sarov

Print Friendly, PDF & Email

SERAFIM TA’ SAROV KAMRA FIL-FORESTA

Minn Joe Galea

Fix-xitwa tal-2003 l-folol ta’ nies li nġabru madwar il-fdal qaddis ta’ San Serafim f’Sarov, ir-Russja, fiċ-ċentinarju tal-kanonizzazzjoni tiegħu, kienu xhieda tal-profezija tiegħu: “L-art tingħi bid-dmugħ u l-biki”. L-Insara fir-Russja jaraw f’San Serafim il-konsolatur matul it-tbatija tal-poplu taħt il-ħakma Sovjetika. Iċċelebraw lill-mistiku f’Jannar tal-1833 meta ghal tmint ijiem għadd kbir ta’ Nsara Ortodossi ntrassu fejn hemm il-qabar tal-eremit umli, biex jitolbu bl-interċessjoni tiegħu.

Il-ħajja ta’ San Serafim ta’ Sarov (1759-1833) tiġbor fiha l-kobor tal-ispiritwalità tal-Ortodossija Slava: il-għażla tal-iktar baxxi, il-ġmiel tal-liturġija, il-poplu li jbati, it-tfittxija axxetika, ix-xewqa għas-solitudni u t-talba perpetwa tal-qalb u b’mod speċjali l-ferħ tal-Għid.

Mill-monasteru għall-foresta

Id-dar ta’ San Serafim kienet il-foresta, jgħix fil-qalba tagħha mal-annimali selvaġġi, jilqa’ lil dawk li jżuruh, iħaddanhom miegħu filwaqt li jsefsef f’widnejhom: “Il-ferħ tiegħi, Kristu li qam mill-imwiet!”

Kienet ħajja ta’ tbatija mill-bidu u f’waqtiet mhedda bil-perikli. Ta’ seba’ snin ħelisha ħafif f’waqgħa minn bini għoli. Meta kellu għaxar snin it-tobba qatgħuha li mhux se jgħix minħabba d-deni li kien qed jifnih. Il-Madonna, li lilha kkonsagra ħajtu, kienet tidhirlu biex teħilsu mill-mewt. Serafim kien orfni minn missieru sa mit-tfulija. Ta’ 17-il sena, bil-barka ta’ ommu, kien milqugħ fil-monasteru. Kien fil-Laure des Grottes, monasteru fi Kiev, l-Ukranja, li patri għaref bl-isem ta’ Dosithee ordnalu li jmur fid-‘deżert’ ta’ Sarov. Hekk għamel fl-20 ta’ Novembru tal-1778, lejlet il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Marija fit-Tempju u qatt ma reġa’ lura għad-dinja.

Issa li minn novizz intrabat bil-voti monastiċi, iż-żagħżugħ Serafim iddistingwa ruħu bl-osservanzza tar-radikalità tar-regoli spiritwali tal-monaċi bikrin Eġizzjani, tat-tagħlim tal-Missirijiet tas-Sinaj u tal-Muntanja Athos. Fis-sawm, fis-sagħriet, fis-salmi, fis-silenzju u fit-talb Serafim ħaddan l-aktar tradizzjonijiet għolja tal-Knisja Ortodossa.

Ħajja ta’ tbatija

Mill-ġdid reġa’ marad serjament b’marda li żammitu fis-sodda għal tliet snin, sakemm reġgħet dehritlu Marija, din id-darba fil-kumpanija tal-appostli Ġwanni u Pietru, li magħhom stqarret li: “Dan hu mir-razza tagħna.” Minn hemm kotru f’ħajtu l-grazzji, id-dehriet u l-mirakli. Mal-ordinazzjoni saċerdotali ngħata l-permess li jmur joqgħod f’ċella fil-qalba tal-foresta, qrib il-monasteru. Għadda 25 sena bħala eremit fil-foresta. Għall-ewwel kien jiekol ħobż mill-monasteru u ħaxix mill-ġnien tiegħu, imbagħad ħaxix biss. Kien jilbes ċoqqa qadima ta’ għażel abjad, salib tal-ġild u żarbun taċ-ċarruta. Il-kenn tiegħu kien gorboġ magħmul minn twavel tal-injam b’xi oġġetti utli fosthom spiritiera kollha nugrufun.

San Serafim ta’ Sarov (1759-1833)

Minn kontemplazzjoni għal oħra, Serafim kien jintilef fl-inviżibbli, bħallikieku l-ġenna nstabet mill-ġdid madwar l-axxetiku. Żdiedu dawk li jżuruh u lkoll kienu jistagħġbu kif jarawh jitbaxxa quddiemhom u jurihom tenerezza straordinarja. Għal xi ħin kien jiskot. Ma kinux jindunaw bil-kumbattimenti li Serafim kien ikollu fit-talb tiegħu. Darba qal: “Ix-xjaten huma tal-biża’, l-aspett tagħhom terribbli.”

“L-għan veru tal-ħajja tagħna

jikkonsisti fl-akkwist

tal-Ispirtu s-Santu Alla.”

Fuq l-eżempju tal-istiliti tal-antik (monaċi axxetiċi li kienu jgħixu fuq kolonna jew fuq torri; stiliti ġejja minn San Xmun Stilita, 521-592), għażel għalih blata tal-granit li fuqha kien jgħaddi l-lejl, b’dirgħajh merfugħa lejn is-sema, itenni: “Mulej Ġesù Kristu, ikollok ħniena minni, midneb”. Kienet storja ta’ elf lejl.  Kien hemmhekk li kellu prova qawwija. Tliet ħallelin li kienu jiġġerrew fil-foresta għamlu għalih u tant tawh bil-maqbad tal-mannara tiegħu stess li ħallewh għal mejjet. Serafim ma lissinx kelma. Meta xehed fil-qorti, huwa ħafer lit-tliet ħallelin.


Gwida spiritwali

Imbagħad ġew snin ta’ silenzju totali u axxeżi qawwija. Fil-25 ta’ Novembru tal-1825 dehritlu l-Madonna u ordnatlu biex jitlaq mill-kamra tal-foresta tiegħu u jilqa’ lil kull min xtaq jgħaddi s’għandu. Ta’ 66 sena sar gwida spiritwali għal ħafna nies, jagħti pariri lill-patrijiet, lill-qassisin u lill-isqfijiet, u wessa’ t-tjubija tiegħu għall-komunità tas-sorijet ta’ Diveevo, viċin Sarov.

Kien jilqa’ l-foqra, is-setgħana, l-għorrief, jeżorta lil xi wħud, ifejjaq lil oħrajn u jbierek lil kulħadd. Kellu d-don tal-profezija u l-ħila li jwieġeb qabel ma jqegħdulu l-mistoqsija. Daqskemm kien iebes miegħu nnifsu, daqshekk ieħor kien twajjeb u ġentili man-nies, dejjem jilqagħhom billi jinżel għarkupptejh quddiemhom. Ismu u l-eżempju tiegħu qajjem mill-ġdid il-fidi f’min sar jaf bih fir-Russja.

San Serafim kellu ħafna dixxipli. Wieħed minnhom kien lajk, negozjant Russu bl-isem ta’ Nikolay Alexandrovich Motovilov. Il-kitbiet ta’ San Serafim lil Motovilov fihom tagħlim sabiħ, l-aktar dwar l-iskop tal-ħajja Nisranija. Fost l-oħrajn insibu din is-silta: “Meta tkunu magħkusin, ejjew fuq il-qabar tiegħi u rrakkuntawli kollox, bħal meta kont ħaj, u jiena nikkunslakom.” Id-dixxipli tiegħu madwar id-dinja jafu li San Serafin hu iktar ħaj mill-ħajjin.

San Serafim miet waqt li kien għarkupptejh quddiem l-ikona tat-Theotokos, bit-titlu ta’ Umilenie li kien isejħilha l-“Ferħ tal-Ferħat Kollha”. Umilenie tfisser tenerezza, u hekk turi lil Marija tħaddan ma’ wiċċha lil Ġesù. Din l-ikona tinsab fil-kappella tar-residenza tal-Patrijarka ta’ Moska. San Serafim kien idikjarat qaddis fl-1903.

Stampa – L-ikona Umilenie. L-oriġinali saret lejn l-1600.

__________

“Dwar l-għan tal-ħajja tan-Nisrani, ħadd ma jagħtik l-ebda definizzjoni. Forsi jgħidulek: “Mur il-knisja, itlob lil Alla, ġib ruħek skont il-Kmandamenti u agħmel dak li hu tajjeb. Għax dan hu l-għan tal-ħajja Nisranija.” Xi wħud li jkunu ndunaw bil-kurżità tiegħek, iweġbuk hekk: “Tfittixx dak li hemm ‘il fuq milli tista’ tifhem.” Imma dan mhux il-mod kif kellhom iwieġbu. Jien ukoll, l-imsejken Serafim, se nispjegalek liema hu l-għan tal-ħajja Nisranija. It-talb, is-sawm, u l-prattiċi Nsara l-oħra, kemm qodma kif ukoll ġodda, eċċellenti kemm huma eċċellenti fihom infushom u li huma indispensabbli bħala mezzi, dawn mhumiex biżżejjed bħala għan tal-ħajja Nisranija. L-għan veru tal-ħajja tagħna jikkonsisti fl-akkwist tal-Ispirtu s-Santu Alla.”

(mill-kitbiet ta’ San Serafim lil Victor Motovilov dwar l-Ispirtu s-Santu)

__________

%d bloggers like this: