Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa Rumana ta’ San Ġustinu

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN ĠUSTINU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
14 ta’ Novembru 1982 

1. “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mk 13, 31).

Kristu jitkellem dwar it-transizzjoni tal-ħolqien kollu, tad-dinja u tal-bniedem fid-dinja.

L-esperjenza ta’ kuljum tagħna tikkonferma l-verità ta’ dan il-kliem.

Dan huwa partikolarment attwali fix-xahar ta’ Novembru, li fih ħsibijietna jduru b’mod speċjali lejn il-mejtin, lejn dawk li għaddew fid-dinja viżibbli tagħna. Il-mewt ħatfithom mix-xena viżibbli tagħha. It-tifkira umana biss iżżomm isimhom. Il-qlub biss jibku wara t-telfa tagħhom, kultant għal żmien twil…

Fl-okkażjoni tal-laqgħa tagħna tallum ejjew niftakru l-mejtin tagħna u ndawruhom b’talba speċjali.

2. Imma mhux dan biss. Ejjew nisimgħu dak li, b’xi mod, huma jgħidulna bil-kliem tas-Salm tal-lituġija tallum.

“Il-Mulej huwa s-sehem tal-wirt tiegħi u l-kalċi tiegħi: / f’idejk hija ħajti” (Sal 15[16], 5).

Quddiem il-bżonn inevitabbli tal-mewt, sa ċertu punt quddiem il-liġi tat-transizzjoni miktuba fil-ħolqien kollu, hemm Alla nnifsu. Kristu jitkellem dwar it-transizzjoni tad-dinja, u fl-istess ħin dwar in-non-transizzjoni ta’ kliem Alla l-ħaj. Din il-kelma ma tgħaddi qatt u l-qawwa ta’ Alla hija indistruttibbli. Din il-kelma u din il-qawwa saru s-sehem tal-wirt u l-kalċi, kważi d-destin, tal-bniedem. B’dan il-mod ħajtu hija f’idejn Alla  (cf. Sal 15 [16], 5).

Is-Salmista ikompli u jipproklama hekk: “Jiena nqiegħed dejjem quddiemi lill-Mulej, / jinsab fuq lemini, ma nistax infalli. / B’dan tifraħ qalbi, / tiftaħar ruħi; / ġismi wkoll jistrieħ fiż-żgur, / għaliex ma jitlaqx lil ħajti fil-qabar, / linqas ma tħalli lill-qaddis tiegħek jara t-taħsir”” (Sal 15 [16], 8-10).

3. Il-kelma ta’ Kristu, li ma tgħaddix, ġabet ir-rebħa fuq il-mewt. Is-Salm iħabbar bil-quddiem l-verità messjanika tal-qawmien mill-imwiet. Infatti l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu tefà dawl kompletament ġdid fuq id-destin definittiv tal-bnedmin suġġetti għall-bżonn tal-mewt. Dawk li jħallu din id-dinja ma jmorrux biss lejn il-mewt, imma jimxu lejn Alla Ħaj, lejn din il-Kelma li ma tgħaddix. Jimxu lejn din il-qawwa li hija indistruttibbli.

Illum nipprofessaw flimkien mal-Knisja kollha: nemmen fil-qawmien mill-imwiet tal-ġisem, / nemmen fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-qari bibbliku ta’ dan il-Ħadd iqajmu mill-ġid fina din il-fidi.

Id-“dinja” turi kuljum lill-bniedem l-inevitabiltà tal-mewt. Fl-istess ħin trid tagħlqu, sa ċertu punt, fil-limiti tal-ħajja li tgħaddi flimkien miegħu. Il-Kelma ta’ Alla l-Ħaj turi lill-istess bniedem il-prospettiva tal-ħajja li ma tgħaddix: “Turini l-mogħdija tal-ħajja, / ferħ sħiħ fil-preżenza tiegħek, / ħlewwa bla tmiem f’lemintek” (Sal 15 [16], 11).

4. Fl-istess prospettiva tal-ħajja li ma tgħaddix, hemm illum quddiemna Kristu, bħala saċerdot uniku u etern: il-medjatur bejn iż-żmien u l-eternità, bejn il-bniedem u Alla.

Fl-ittra lil-Lhud naqraw: Ġesu Kristu “wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħr riġlejh” (Lh 10, 12-13).

Nafu li r-rebħa fit-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin inkisbet permezz tas-Salib. Kristu rebaħ bis-sagrifiċċju. U s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib għad-dnubiet jibqà. Ma jgħaddix, l-istess bħalma ma tgħaddix kelmtu. F’kull direzzjoni ta’ dan is-Sagrifiċċju tiżvolġi ruħha l-istorja tal-umanità u l-istorja ta’ kull bniedem.

“Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes” (Lh 10, 14).

Is-Sagrifiċcju ta’ Kristu jġorr fih t-tama tar-rebħa definittiva tat-tajjeb fuq il-ħażin: fuq id-dnub, fuq it-tbatija u fuq il-mewt. Huwa jurina it-“triq tal-ħajja”.

5. Id-dinja miexja lejn tmiemha. Kemm baqà għal jum it-tmiem, ħadd ma jaf, “linqas l-anġli fis-sema, u linqas l-Iben, imma biss il-Missier” (Mk 13, 32).

Fid-dawl tal-kliem tallum tal-Vanġelu, dan it-“tmiem” jew “tarf” ma jagħlaqx l-istorja tal-bniedem imma jiftaħha fid-dimensjoni definittiva, jiftaħha permezz ta’ Bin il-bniedem, permezz tat-tieni miġja ta’ Kristu.

“Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab / b’qawwa kbira u bi glorja” (Mk 13, 26).

Huwa se jiġi biex jiġbor “il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ” (Mc 13, 27): dawk li mmaturaw permezz tal-verità ta’ kelmtu u tal-qawwa ta’ Salibu.

Huma dawn li dwarhom jitkellem il-profeta Danjel fl-ewwel qari: “L-għaqlin se jiddu bħall-isplendur tal-firmament; / dawk li se jkunu wasslu ħafna għall-ġustizzja se jiddu / bħall-kwiekeb għal dejjem” (Dn 12, 3).

Huma dawn, li l-protagonista tagħhom huwa Mikiel, “il-prinċep il-kbir” li llum huwa wkoll imfakkar mill-profeta. L-isem “Mi-cha-el” ifisser: “Min bħal Alla?”. U f’dan l-isem, bħal f’miġbur fil-qosor, jinġabru l-verità u l-feliċità tal-ħajja eterna.

6. Jalla din il-meditazzjoni dwar il-Kelma ta’ Alla fil-liturġija tallum tintrabat, għeżież ħuti, mas-servizz tal-Isqof ta’ Ruma fil-konfront tal-parroċċa tagħkom ta’ San Ġustinu Martri.

Din, din-sena tagħlaq tletin sena ta’ ħajja. Ifhmu għalhekk il-ferħ tiegħi għal-laqgħa magħkom illum. Likom inwassal it-tislima kordjali tiegħi. Nixtieq insellem l-ewwelnett lill-Kardinal Vigarju; lill-Isqof ta’ dan is-settur tad-dijoċesi, Monsinjur Ġulju Salimei; lill-kappillan u lill-kollaboraturi tiegħu tal-Komunità Missjunarja “Paradiso” ta’ Bergamo, li jipprovdu b’intelliġenza u mħabba għall-attivitajiet pastorali differenti; is-saċerdoti awżiljarji u lis-sortjiet tas-sitt Kongregazzjonijiet, li jgħinu b’mod validu u kostanti kemm fil-katekeżi kif ukoll fl-azzjoni liturġika. Insellem imbagħad b’imħabba speċjali lil dawk kollha li b’xi mod jikkollaboraw mas-saċerdoti fl-iżvolġiment tal-ħajja parrokkjali: il-Katekisti; il-grupp “Aiuto fraterno”, għall-assistenza tal-persuni l-iktar batuti u fil-bżonn; il-Komunità Ġovanili, żelanti bl-attivitajiet edukattivi, formattivi, liturġiċi, sportivi u rikrejattivi; il-“komunità ta’ Sant’Eġidju”; il-grupp sportiv “Alessandrina”, il-grupp tal-Ommijiet u dak tal-Anzjani.

Intom tifhmu li t-tislima speċjali riservata għal dawn il-kategoriji ta’ persuni l-iktar li jixirqilhom ma tnaqqas xejn miż-żelu tal-kliem ta’ mħabba u ta’ awgurju li nixtieq nindirizza lilkom ilkoll, hawn preżenti, u lill-fidili kollha tal-parroċċa: kważi 25,000 persuna, madwar 5,000 familja! Ilqgħu ilkoll l-espressjoni l-iktar ħajja tas-sentimenti tiegħi u aqsmuha b’mod speċjali ma’ dawk li mhumiex hawn minħabba mard, minħabba l-bogħod jew mottivi oħra!

F’dan il-waqt taż-Żjara pastorali tiegħi lill-parroċċa tagħkom, l-ewwel u qabel kollox nixtieq nizzi ħajr u nfaħħar lis-saċerdoti tagħkom għax-xogħol imwettaq f’dawn it-tletin sena ta’ attività u b’mod partikolari f’dawn l-aħħar żminijiet, hekk diffiċli u esiġenti; fl-istess ħin nizzi ħajr ukoll lilkom għas-sapport mogħti lid-diversi inizjattivi, għall-impenn tagħkom u r-rieda tajba tagħkom  fir-rendiment dejjem iktar żeluż u maħsus lill-ħajja tal-Komunità tagħkom.

Madankollu, kif tafu sewwa intom, ix-xogħol spiritwali qatt ma jistà jitqies konkluż minħabba n-numru tal-inizjattivi li għandna nsegwu u nwettqu, tal-erwieħ li rridu navviċinaw, ngħinu u nilluminaw. Għalhekk l-awgurju tiegħi u l-eżortazzjoni tiegħi huma dawn: fittxu b’kull mod li niffurmaw “komunità” li tagħmel “komunjoni”, li jiġifieri tħoss ħaj il-bżonn ta’ fraternità fid-dawl u fil-grazzja ta’ Kristu. Biex nistgħu naġixxu hekk, jinħtieġ li qabel kollox nagħrfu fil-fond il-fidi nisranija tagħna u hekk imbagħad nikkomunikawha u nixhduha.

Illum fis-soċjetà moderna, dan li jittanta l-iktar lin-nisrani hija l-indifferenza reliġjuża. Hemm bżonn li nirrejaġixxu bil-mezzi kollha, billi nkunu nafu sewwa li l-verità hija fi Kristu u li biss billi naċċettaw il-messaġġ tiegħu nistgħu nsibu l-vera feliċità! Inħeġġiġkom għalhekk biex tiffurmaw il-“Kunsill Pastorali”, li jistà jgħin lis-saċerdoti b’mod organiku u kostanti u jikkoordina b’mod intelliġenti u effikaċi l-attivitajiet differenti; inħeġġeġ lil kulħadd għall-frekwenza għall-Korsijiet ta’ Istruzzjoni reliġjuża, assolutament indispensabbli biex tagħrfu, tgħixu u tixhdu l-fidi tagħkom; u nistedinkom biex tagħmlu lilkom infuskom appostli tal-frekwenza festiva għall-Quddiesa, waqt fundamentali biex tħossukom magħqudin fl-unika fidi u fil-karità konkreta.

Itolbu lill-qaddis patrun tagħkom, il-filosfu Ġustinu, li kif tafu, għatxan għal dawl intern u ta’ verità dwar is-sens tal-ħajja, bir-riċerka metodika u rigoruża, ikkonverta mill-paganeżmu għall-kristjaneżmu. U tant ħass ferħ għall-verità miksuba, li sar id-difensur kontra tant akkużi u kalonji li dak iż-żmien tferrxu kontra l-Kristjaneżmu, kiteb iż-żewġ manifiċi “Apoloġiji” u ma beżà xejn li jmut martri għall-verità! San Ġustinu jilluminakom! Iġegħlkom ssiru lkoll maħbubin u riċerkaturi tal-verità, b’mod speċjali liż-żgħażagħ! Lill-Prefett Rustico li kien staqsiieh, skont dak li naqraw fl-“Atti tal-Martri”: “Tassew taħseb li se titla fis-sema biex tirċievi rikompensa sabiħa?”, San Ġustinu kien wieġeb b’ċarezza kuraġġuża: “Mhux naħseb, imma naf b’ċertezza u jien għal kollox persważ!”. Nawgura lil kulħadd iċ-ċertezza u l-kuraġg tal-qaddis Martri, sabiex il-parroċċa tagħkom tkun dejjem iktar magħquda, iktar fraterna, iktar żelanti!

7. Tul l-liturġoja tallum jiġru kważi ż-żewġ għajtiet li jirriflettu l-kontenut important tal-qari tagħha.

Waħda hija l-għajta tal-bniedem konxju tal-“wirt” etern tiegħu u tad-“destin” tiegħu: “Ħarisni, o Alla: fik jien nistkenn”!

L-oħra hija l-appell ta’ Kristu: “Għassu u kunu lesti” (Cant. Ad Evang.: Mt 24, 42), biex tkunu tistgħu tidhru quddiem Bin il-bniedem.

Jalla dawn iż-żewġ għajtiet jibqgħu dejjem fi qlubna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: