Kif tistieden lil Marija għat-Tieġ – 2

Print Friendly, PDF & Email

Minn Joe Galea

Grace u Frank Vitale

F’artiklu ieħor b’dan l-istess t-titlu semmejna kif Mari u Trey Wagner iddedikaw it-tieġ tagħhom lil Marija. Hekk għamlu wkoll il-koppja Grace u Frank Vitale, mill-istat ta’ Michigan, l-Istati Uniti.

Grace ma kinitx taf titlob ir-Rużarju qabel ma erba’ snin ilu daħlet fi ħbiberija ma’ Frank li ftit snin wara kellu jkun ir-raġel tagħha. Meta bdew jiltaqgħu, Frank kien jgħid b’ċajta lil Grace li missieru qallu li ma jistax iġib tfajla d-dar tagħhom jekk ma tkunx taf titlob ir-Rużarju. Grace riedet titgħallem tgħid ir-Rużarju u għalhekk kienet toqgħod tisma’ recordings tar-Rużarju kif ukoll tmur ma’ Frank f’dawk li huma sejħulhom “il-Mixjiet tar-Rużarju”.

Grace tgħid li: “B’hekk l-imħabba tiegħi għal Marija kibret ħafna. Qatt ma ħassejt fija daqshekk faraġ fit-talb lill-Qaddisin biex jgħinuni. Inħobb l-idea ta’ din il-mara perfetta li nista’ nżommha bħala mudell għalija. F’ħajti kelli qaddisin nisa lil min nikkopja, imma ħadd ma kien jixraqli daqs din il-mara speċjali, l-Omm ta’ Ġesù.

Ward abjad fit-tieġ ta’ Grace u Frank Vitale

Żaffiri fiċ-ċurkett tat-tieġ

Il-koppja Vitale żżewġu fit-18 ta’ Ġunju, 2022. It-tieġ kien jinkludi ħin ta’ talb biex Marija tidħol għalihom meta jkun hemm il-bżonn fil-ħajja miżżewġa tagħhom. Kemm l-omm ta’ Grace kif ukoll dik ta’ Frank kellhom żaffiri fiċ-ċrieket tal-għerusija tagħhom, allura Grace riedet tagħmel l-istess. Grace tgħid li hemm teoloġija Marjana assoċjata maż-żaffiri. Fil-fatt iż-żaffiri huma msemmija diversi drabi fil-Bibbja bħala ornament ta’ ħaġar prezzjuz. Grace riedet ukoll li, minbarra l-Omm tas-Sema, tunura wkoll lil ommha u lil omm Frank biċ-ċurkett tal-għerusija tagħhom.

It-tfal bniet bil-fjuri ma kinux waħdiet fil-mixja fil-knisja. Grace kellha purċissjoni sħiħa ta’ tfal bniet bil-fjuri. Qiegħdu l-fjuri fid-daħla tal-knisja u t-tfal setgħu jiġbru fjura u jimxu biha mal-korsija flimkien. Imbagħad qiegħdu l-fjuri kollha f’vażun hekk li fformaw bukkett li Grace u Frank ippreżentaw lil Marija waqt il-Quddiesa tat-tieġ.

“Nittama”, qalet Grace, “li ġurnata jkolli t-tfal. B’dawn it-tfal fit-tieġ qed nunura lil Marija mill-bidu nett taż-żwieġ tiegħi. Għalhekk tant għoġbitni din l-idea ta’ fidi fejn xtaqna nuru li tinsab ukoll fit-tfal. Inħobb nuri qima lejn ommi, u minn hemm mmur għand Ommna Marija, biex tagħtina l-għajnuna u tkun gwida tul iż-żwieġ tagħna.”

Ir-rigal lill-mistednin

Bħala rigal għall-mistednin tat-tieġ, Grace iddisinjat kartolini bil-Familja Mqaddsa u qegħdithom f’kull mejda tar-riċeviment. Ta’ disinjatura u kapaċi fl-arti, Grace għandha kont tal-Instagram, The Cradle Catholic, mimli bl-arti u l-kreazzjonijiet kollha tagħha. Għandha għal bejgħ varjeta’ wiesgħa ta’ oġġetti, fosthom flokkijiet u stickers. Spiss tqiegħed posts ta’ tagħlim kontra ideat żbaljati fil-midja dwar Marija u dwar il-Kattoliċiżmu.

L-unika ġojjellerija li libset Grace minbarra l-imsielet kienet Medalja Mirakuluża sempliċi. Il-bukkett ta’ Grace kien magħmul kollu minn ward abjad bħala sinjal ta’ unur lil Marija. Min-naħa tagħhom, il-ġenituri tal-koppja afdaw it-tieġ ta’ Grace u ta’ Frank lil Marija bħala Omm Alla.

%d bloggers like this: