Iktar profeti milli saċerdoti

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Vġili tas-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista u fl-Ordinazzjoni Djakonali tas-seminaristi Matthew Borg u Franklin Micallef. Katidral tal-Assunta, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-fl-ordinazzjoni-djakonali-katidral-il-gimgha-23-ta-gunju-2023?si=d4d81ad16f454e22a5f15b17a83dae5f&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija Għawdex Anton Teuma

Ma nafx jekk tafux, imma s-saċerdozju fit-Testment il-Qadim kien differenti ħafna mis-saċerdozju tagħna llum. Is-saċerdozju fit-Testment il-Qadim kien prattikament jintiret skont in-nisel; jiġifieri jekk Żakkarija kien saċerdot, u jerġa’ wkoll, jekk “Eliżabetta kienet minn ulied Aron” (Lq 1:5), ir-razza tas-saċerdoti per eċċellenza, mela Ġwanni minn bejniethom kellu joħroġ jekk mhux saċerdot, isqof jew Papa. Imma ma joħroġx saċerdot Ġwanni. Joħroġ profeta.

Jiena naħseb li mhux kumbinazzjoni li qegħdin niċċelebraw illum il-Vġili tal-Festa tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista, u proprju f’dan il-mument l-Ispirtu ta’ Alla se jinżel fik, Matthew, u fik, Franklin. Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li se jinżel, biex jagħmilkom l-ewwel u qabel kollox profeti. Tgħiduli, x’differenza hemm bejn saċerdot u profeta? Hemm differenza kbira ħafna. Is-saċerdot fl-ordni ta’ Melkisedek, fl-ordni tal-Levitiku, fl-ordni ta’ Aron; is-saċerdot kien mibni kollu kemm hu fuq dak li jidher, fuq l-apparenza, fuq ir-riti; fuq dak li jagħmel, fuq il-funzjoni: fuq il-funzjonijiet, il-festi, iċ-ċelebrazzjonijiet; u dak kollu li jġibu magħhom, dak kollu li jidher minn barra. Il-profeta kien differenti: kien dak li jħalli l-Ispirtu ta’ Alla jidħol fih, ikellmu, jilluminah fl-azzjonijiet, fl-għażliet, fid-deċiżjonijiet tiegħu.

Is-saċerdozju tat-Testment il-Ġdid hu l-ewwel u qabel kollox Ġesù Kristu, il-Profeta l-kbir, mimli bl-Ispirtu ta’ Alla biex isalva lill-poplu. Filwaqt li s-saċerdot kien iwettaq il-funzjoni tiegħu fit-Tempju, allura l-ħin tiegħu hemm, marbut maċ-ċerimonji u ċelebrazzjonijiet tat-Tempju, il-profeta ħafna drabi kien jispiċċa antagonista, għadu tat-Tempju. Kien jispiċċa jniggeż lil dawk li kontinwament jgħixu fir-riti u fir-ritwaliżmi tat-Tempju. Għax il-profeta jmur għall-essenzjal, għal dak li jnebbħu bih l-Ispirtu ta’ Alla, mhux għal dak li jidher, mhux għall-qoxra.

Allura llejla qegħdin niċċelebraw flimkien dan ir-rigal tal-Ispirtu Qaddis, li se jiġi fikom u li se jimliekom bih. Smajna fl-Ewwel Qari, mill-ktieb tal-Profeta Ġeremija, Alla jgħidlu: ‘Jien għażiltek minn ġuf ommok, jien insiġtek. Inti ġejt b’xejn; inti ġejt għax ridtek jien u għax xtaqtek jien; rigal tiegħi għalik innifsek u rigal tiegħi għall-poplu. Inti żgħir’. U Ġeremija jdur lejh u jgħidlu: “Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir” (Ġer 1:6); ‘m’iniex kapaċi, jiena nibża’ minnhom’.

Għax il-bniedem li ma għamilx lilu nnifsu, il-bniedem li s-saċerdozju jew il-ħajja taż-żwieġ, jew il-professjoni personali tiegħu mhix pjan personali, mhix xi ħaġa tiegħu, imma hi risposta għas-sejħa ta’ Alla, jibża’. Jibża’, għax jaf li mhux kapaċi. Il-bniedem li għażel hu l-ħajja tiegħu, li għażel hu t-triq tiegħu, li jħoss illi s-saċerdozju jew il-ħajja miżżewġa għamilha hu, b’deċiżjoni tiegħu prinċipalment, b’mod żbaljat għax fil-fatt ma jkunx hekk, min jaħseb li hi l-għażla tiegħu l-ħajja tiegħu, allura dak il-bniedem mhux se jibża’, anzi dak il-bniedem iħoss li għandu l-kapaċitajiet, iħoss li għandu d-dritt, iħoss li kollox huwa dovut lilu, u ma jgħix l-ebda esperjenza ta’ ħajtu bħala don, bħala rigal, bħala grazzja. Jekk qegħdin hawn illejla, intom għaraftu matul dawn is-snin ta’ formazzjoni li ħajjitkom hija rigal, hija don, bħall-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista. La l-ġenituri tagħkom ma kellhom dritt għalikom – huwa rigal mogħti lilhom; imma lanqas intom ma kellkom dritt għall-vokazzjoni tagħkom – hija rigal mogħti lilkom. Ibqgħu għixuha bħala rigal il-vokazzjoni, bħala don. Issiru qatt proprjetarji tagħha.

Verament ħadt pjaċir bis-silta li għażiltu bħala Tieni Qari, l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru (2:18-25). Min jaf li kollox irċieva, min jaf li hu nnifsu hu rigal, allura naturalment m’hemmx mod ieħor kif tgħix il-ħajja ħlief li tkun qaddej, ħlief li taqdi, ħlief li tara lil min hu l-aktar fil-bżonn, iddur lejh biex tagħtih l-għajnuna. Imma jekk m’hemmx din il-konvinzjoni li aħna rigal ta’ Alla, li Alla għamel magħna ħafna doni, allura nispiċċaw bħal Erodi. Hekk jibda l-Evanġelju tal-lum: “Fi żmien Erodi…” (Lq 1:5). Għandna kontroppożizzjoni kbira: bejn Erodi, li jħossu s-sid tad-dinja, il-proprjetarju, saħansitra qatel l-innoċenti għax beża’ li xi ħadd jeħodlu t-tron tiegħu, u bejn Ġwanni l-Battista. Ġwanni saħansitra mhux talli jkun qaddej, imma lanqas jibża’ għal rasu biex jgħid il-verità, lanqas jibża’ għal ħajtu biex ikun ta’ qadi, ta’ servizz għall-profezija, għall-Ispirtu ta’ Alla li kien fih.

Nixtieq nispiċċa din ir-riflessjoni billi nħeġġiġkom tmorru għall-essenzjal. Veru li l-bidu tal-ministeru tagħkom, tad-djakonat, huwa mgeżwer fil-formalità, fir-riti; imma jalla dawn ir-riti, jalla dawn il-festi jkunu verament espressjoni tal-verità li ser isseħħ: l-Ispirtu ta’ Alla li se jiġi fikom, li jiġi fina, li rridu ngħożżuh, inħarsuh matul ħajjitna, b’mod speċjali permezz tar-riflessjoni personali, permezz tat-talb, permezz tad-direzzjoni spiritwali, permezz ta’ kontinwità tal-konfront tagħna mal-Kelma ta’ Alla.

Minn hawn u ftit ieħor jien se ngħidilkom biex temmnu fil-Kelma, u biex ixxandru mhux dak li tafu, mhux dak li titgħallmu, imma biex ixxandru dak li temmnu, dak li tgħixu. Ejjew neħduhom bis-serjetà dawn il-kelmiet; ejjew neħduhom bħala l-missjoni vera tagħna. Ejjew nagħmlu mid-djakonat, intom tagħkom, aħna tagħna – għax aħna lkoll li qegħdin hawn aħna djakni, u anki intom [il-poplu] għandkom sa ċertu punt id-djakonat, il-ministeru tal-qadi tagħkom – servizz fidil, l-ewwel u qabel kollox lejn dak li jixtieq il-Missier. L-anġlu lil Żakkarija, meta jkellmu fuq il-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista, isemmilu tliet ħwejjeġ, u se nieqaf bihom.

L-ewwel waħda: dan it-tifel li għad irid jitwieled “se jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom” (v. 16). Ejjew inġeddu r-risposta tagħna, kollha kemm aħna, għal din is-sejħa, l-ewwel, l-unika u l-aħħar sejħa li għandna: li nressqu l-poplu lejn Alla. Din kienet is-sejħa ta’ Ġwanni: sejħa li għex b’qalbu u b’ħajtu kollha.

Imbagħad ikompli l-Anġlu Gabrijel lil Żakkarija: għad “iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom” (v. 17). Kemm hi sabiħa din il-frażi! Mhux biss fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, mhux biss il-bniedem fl-intimità fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Missier tas-Sema, imma wkoll fir-relazzjonijiet bejnietna, b’mod speċjali fir-relazzjonijiet familjari. X’jiġifieri li jqarreb il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied? Biżżejjed inħarsu madwarna, u naraw kemm il-qlub tal-missirijiet huma mbegħdin mill-ulied. Mhux verament jagħtu kas tal-ulied, mhux verament ifittxu l-ġid tal-ulied. Araw x’jiġri meta tinqala’ separazzjoni, araw x’inhu jiġri ngħidu aħna fejn tidħol id-droga, il-kbar li jisfruttaw iż-żgħar. Araw x’jiġri ngħidu aħna fejn jidħol l-alkoħol, għalkemm hemm liġijiet u regoli li ma jbigħux alkoħol lil min hu taħt l-età. Il-missirijiet li mhumiex qrib il-qlub tal-ulied, il-missirijiet li mhumiex jifhmu l-ulied, il-missirijiet li mhumiex jagħmlu għażliet veri li jagħmlu l-ġid lill-ulied. U nistgħu nibqgħu sejrin, elf eżempju ieħor. Araw x’jiġri meta nabbandunaw lit-tfal, meta nħallu lit-tfal għal tul ta’ ħin weħidhom, għax forsi rridu dak is-sold, jew dawk il-flus iktar milli għandna bżonn, bl-iskuża li qegħdin naħdmu għalihom. Kellu raġun l-anġlu lil Żakkarija jgħidlu li dan it-tifel għad “iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom” (v. 17); għax kulma jmur, b’mod speċjali fi żmienna, il-qlub tal-ġenituri qegħdin jitbiegħdu mill-ulied.

Intom imsejħin, l-ewwel u qabel kollox, biex wara li nqarrbu lill-poplu lejn Alla, inqarrbu wkoll lill-poplu l-wieħed lejn l-ieħor. Għiduli intom x’jista’ jibqa’ mir-relazzjonijiet jekk il-missier jitbiegħed minn ma’ ibnu. X’jiġri mir-relazzjonijiet l-oħra? Jekk l-omm titbiegħed minn bintha, kif nista’ nippretendi li jkun hemm fedeltà, li jkun hemm sigurezza fir-relazzjonijiet bejn l-adulti, bejn iż-żgħażagħ, fir-relazzjonijiet li mbagħad ikunu qegħdin jippjanaw biex jiżżewġu? Kif jista’ jkun hemm sigurtà, sens ta’ serħan il-moħħ, jekk il-qlub tal-ommijiet u tal-missirijiet ikunu mbegħdin minn tal-ulied.

Fl-aħħar, l-Anġlu Gabrijel fuq Ġwanni jħabbar lil Żakkarija illi “lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti” (v. 17); se jipprova jikkonvinċihom biex ikunu ubbidjenti. Fi kliem ieħor, se jipprova jgħin lill-bnedmin, jgħin lilna, sa fejn għandna naslu, min tassew aħna. B’xorti ħażina qed ngħixu f’dinja fejn il-bniedem ma għadux jagħraf il-limiti tiegħu; fejn l-ubbidjenza għall-awtorità sparixxiet, ma għadhiex teżisti; fejn kulħadd jippretendi li jkun is-sid tiegħu. Imma minbarra li ssir ħsara lill-oħrajn, b’dan il-mod nagħmlu ħsara kbira lilna nfusna. Minħabba f’hekk din il-firxa kbira ta’ dipressjoni, minħabba f’hekk dan l-użu mingħajr rażan ta’ alkoħol u sustanzi, l-użu mingħajr rażan anki kultant ta’ mediċini… għax tlifna s-sens ta’ dipendenza minn Alla u minn xulxin. Tant nemmnu u tant ikkonvinċejna ruħna b’mod żbaljat li kollox jiddependi minna, li aħna m’aħna ubbidjenti lejn ħadd, ma nagħtu kont lil ħadd, spiċċajna għal kull frustrazzjoni li jkollna naqgħu ħażin, ma nkunux kapaċi, ma nkunux nafu kif se nġibu ruħna.

Għalhekk din is-sejħa li għamel l-Anġlu Gabrijel, is-sejħa li jagħti lil San Ġwann il-Battista, din is-sejħa li se jagħti lil dan it-tfajjel li se jitwieled, qed inħoss illejla li tista’ tkun il-missjoni tagħkom, il-missjoni ta’ kull wieħed minna, imma wkoll ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Ilkoll kemm aħna rridu nistinkaw u nitħabtu biex inqarrbu lill-bniedem lejn Alla, biex noqorbu lejn xulxin fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, u biex ikollna qies tassew ta’ veru, tassew oġġettiv, tassew reali tal-persuna tagħna, ta’ fejn nibda u fejn nispiċċa jien, mingħajr l-illużjoni tal-omnipotenza. L-Ispirtu ta’ Alla li ġej fuqkom jagħmilkom iktar profeti milli saċerdoti.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading