Fl-Angelus il-Papa jitkellem dwar il-Vanġelu tal-lum li jitħaddet mil-parabbola tas-sikrana (Mt 13, 24-30). Il-bidwi jiskopri li matul il-lejl l-għadu tiegħu wara li żera’ l-qamħ żeragħlu is-sikrana, li tixbah ħafna l-qamħ. Biss hu jinduna x’ħin tkun bdiet tikber, u ma jkunx irid jaqtagħha. Imma għalfejn?
Il-Papa jagħti tlett tifsiriet lill-għalqa fejn tinżera’ l-qamħ u s-sikrana: d-dinja, l-qalb tagħna, u n-nies li huma qrib tagħna u madwarna. Fid-dinja hemm it-tajjeb u l-ħażin u ħafna drabi t-tentazzjoni tkun li neħilsu mill-ħażin mill-ewwel. Ma jistax ikollna dinja perfetta. U ma nistgħux nagħmlu t-tajjeb billi sempliċement neħilsu minn dak kollu li ma jmurx sew.
Il-Papa jgħid li filwaqt li aħna limitati x’nistgħu nagħmlu fid-dinja, aħna nistgħu imma naħdmu direttament fil-qalb tagħna. Irridu nkunu kapaċi nindunaw fejn qed jikber it-tajjeb (u nkabbruh) u fejn qed jinbet il-ħażin (u naqtgħuh fil-mument opportun).
It-tielet tixbiha tal-għalqa hija tan-nies li huma madwarna. Kemm hu faċli naraw is-sikrana li qed tikber fl-għalqa tal-oħrajn, niġġudikaw u nqasqsu fuq l-oħrajn. Il-Papa jistedinna biex naraw it-tajjeb “il-qamħ” fl-oħrajn, u mhux il-ħażin “is-sikrana”
Papa Franġisku (23/07/23)
Tista’ tara l-post fuq facebook hawnhekk: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0oCmbEb4TTCUi54fTr2n9egyepKAg2HfLbs2jR6Ge5sKdMRvqPkdwBagtWfuTNmcbl