Qari tal-Magħmudija tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Il-Magħmudija tal-MulejFesta

Jekk is-solennità tal-Epifanija tiġi ċċelebrata l-Ħadd, u taħbat fis-7 jew fit-8 ta’ Jannar, il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej tiġi ttrasferita għat-Tnejn ta’ wara. Qabel l-Evanġelju jsir qari wieħed.

QARI I
Ejjew għall-ilma: Isimgħu minni, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Iż 55:1-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Hekk jgħid il-Mulej:
“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m’għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.

Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom, oraklu tal-Mulej.
Għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Iż 12:2-3,4bċd,5-6

R/. (3): Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.

Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni. R/.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael? R/.

QARI II
L-Ispirtu, l-ilma u d-demm.
1 Ġw 5:1-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Ħuti, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?

Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda ta’ Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1:29

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal:
“Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.
Mk 1:7-11

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: