Il-Ħamis
QARI I
L-Iżraelin tħarbtu u l-arka ta’ Alla nqabdet.
1 Sam 4, 1-11
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, Iżrael ħareġ biex jitqabad mal-Filistin, u waqqfu l-kamp tagħhom f’Eben-għeżer, u l-Filistin waqqfuh f’Afek. Il-Filistin tqassmu quddiem Iżrael, u ħadet ġlieda sewwa. L-Iżraelin tħarbtu quddiem il-Filistin, u sfaw midruba fir-raba’ xi erbat elef raġel.
Meta l-poplu raġa’ daħal fil-kamp, ix-xjuħ ta’ Iżrael staqsew: “Għaliex il-Mulej ħarbatna llum quddiem il-Filistin? Ħa nġibu minn Silo l-arka tal-patt tal-Mulej, u tiġi f’nofsna u ssalvana mill-għedewwa tagħna”.
Il-poplu bagħat iġib minn Silo l-arka tal-patt tal-Mulej tal-eżerċti li qiegħed fuq il-kerubini. Mal-arka tal-patt ta’ Alla kien hemm iż-żewġ ulied ta’ Għeli: Ħofni u Fineħas. Malli l-arka tal-patt tal-Mulej waslet fil-kamp, l-Iżraelin kollha għajtu għajta kbira, hekk li theżżet l-art.
Il-Filistin semgħuh il-ħoss ta’ dik l-għajta, u qalu: “X’inhu dan il-ħoss ta’ din l-għajta fil-kamp tal-Għebrej?” U saru jafu li l-arka tal-Mulej kienet waslet fil-kamp. U l-Filistin beżgħu għaliex, kif qalu, “Ġie Alla fil-kamp!” U qalu: “Jaħasra għalina! Qatt ma ġrat ħaġa bħal din s’issa. Jaħasra għalina! Min se jeħlisna minn id dawn l-allat qawwija? Dawn huma l-allat li ħarbtu lill-Eġizzjani b’kull xorta ta’ kastigi fid-deżert. Agħmlu l-qalb u kunu rġiel, Filistin, ħalli ma taqgħux ilsiera tal-Għebrej, bħalma kienu huma lsiera tagħkom. Kunu rġiel u tqabdu!”
Il-Filistin tqabdu, u l-Iżraelin tħarbtu, u kulħadd ħarab lejn l-għarix tiegħu; kien hemm tħarbita sħiħa, u minn Iżrael waqgħu tletin elf raġel mill-fanterija. L-arka ta’ Alla nqabdet, u mietu ż-żewġ ulied ta’ Għeli: Ħofni u Fineħas.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 43 (44), 10-11.14-15.24-25
R/. (27): Eħlisna, Mulej, f’ġieħ it-tieba tiegħek
Mulej, issa warrabtna u ċekkintna,
ma għadekx toħroġ mal-eżerċti tagħna.
Ġagħaltna nduru lura minn quddiem l-għadu;
dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna. R/.
Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna,
għaċ-ċajt u t-tkasbir ta’ dawk ta’ madwarna.
Ġibtna fi lsien il-ġnus,
u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom. R/.
Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi?
Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.
Għaliex taħbi wiċċek minna?
Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna? R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Il-lebbra marritlu u ġismu ndaf.
Mk 1, 40-45
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”. U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”. Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu