QARI I
Jiena nqajmilhom profeta u nqiegħed kliemi fuq fommu.
Dewt 18:15-20
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu. Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: ‘Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx’. U l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kulma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 94(95):1-2,6-7,8-9
R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej,
la twebbsux qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.
QARI II
Ikunu ħsibijietna fil-ħwejjeġ tal-Mulej.
1 Kor 7:32-35
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu!
Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.
Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:16
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1:21-28
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.
Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.