Minn Angelo Xuereb
Kull meta niftakru fit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija bir-ruħ u l-ġisem inġarrbu ferħ u paċi.
1• Il-Verġni Marija tasal fid-destinazzjoni tagħha
It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija jfakkarna fid-destinazzjoni finali tagħha. Dan jgħallimna li ħajjitna għandha wkoll tkun orjentata wkoll lejn il-qawmien mill-imwiet.
Ħafna drabi l-bniedem jippretendi li joħloq dinja mingħajr tbatija billi jfittex il-kumditajiet u d-divertiment. Jippretendi li huwa turist f’din id-dinja u mhux pellegrin kif għexet Marija Santissima.
F’dan il-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm tas-Sema għandna bżonn li ma naqtgħux qalbna u nimtlew bit-tama. Iżda l-esperjenza tgħallimna li l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jagħtuna tama li ma ddumx wisq.
Alla biss jagħtina l-vera tama. U fil-festa tal-Għid tal-Assunta niċċelebraw din it-tama.
2• L-Assunzjoni tfkkarna fil-qawmien mill-imwiet
Din il-festa kbira tal-Verġni Marija hija t-tkomplija tal-Għid il-Kbir. Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u d-dnub hija kawża tar-rebħa ta’ dawk kollha li jimxu warajh. U min ħlief Marija Santissima, l-istess persuna li tat l-‘Iva’ tagħha sabiex jitnissel fil-ġuf tagħha mill-Ispirtu s-Santu u offrietu bħala sagrifiċċju fuq il-kalvarju kienet daqshekk qrib tiegħu? U hija l-aktar persuna li gawdiet minn din ir-rebħa billi ġisimha ma tħalliex jara t-taħsir tal-qabar iżda ttieħed mill-anġli fis-Sema.
Għalhekk il-festa ta’ Santa Marija hija msejħa wkoll l-Għid tal-Assunta. Fil-promozzjoni ta’ investiment ikun hemm miktub li l-passat mhuwiex garanzija tal-futur. Iżda Alla jaħdem bil-kontra. Il-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem jurina li aħna wkoll jekk nimxu wara Kristu b’xi mod ser tmissna l-istess xorti.
Inkunu nfaqqru l-messaġġ tal-Kristjaneżmu jekk nippreżentawh bħala salvazzjoni fil-ġenna u ninsew il-qawmien mill-imwiet. Ta’ min isemmi li l-Papa Piju XII ipproklama d-domma tal-Assunzjoni fl-1 ta’ Novembru tal-1950 biex joffri tama lid-dinja li kienet għadha kif ħarġet mit-tieni gwerra dinjija. U pproklamaha fil-bidu tax-xahar li huwa ddedikat lil-erwieħ tal-mejtin.
Il-qawmien mill-imwiet b’mod universali jseħħ fit-tieni miġja ta’ Kristu meta huwa għad jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. San Pawl jikteb: “Għax jeħtieġ li dal-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ mewt” (1 Kor 15, 54). San Pawl jgħid ukoll fl-isess kapitlu: “Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa b’Sidna Ġesù Kristu” (1 Kor 15, 57).
3 • Inħarsu lejn il-Verġni Marija
F’Marija naraw il-mara mimlija tama u telqa f’idejn il-providenza ta’ Alla. Dan jidher fil-Magnificat li jinqara fil-Quddiesa tal-15 ta’ Awwissu. Tesprimi ċ-ċokon tagħha u l-qawwa ta’ Alla filwaqt li tistqarr dak kollu li għamel magħha meta qalet: “Għax ħwejjeġ kbar għamel miegħi s-Setgħani; u qaddis hu ismu” (Lq 1, 49). F’din l-għanja tant sabiħa li tingħad kuljum mil-Liturġija tas-Sigħat fil-Għasar, Marija ssemmi wkoll l-ħniena kbira ta’ Alla li jżomm kelmtu minn ġenerazzjoni għal oħra. Hawnhekk hija kienet qiegħda tirreferi għall-wegħdiet li Alla għamel lill-poplu Lhudi.
L-atteġġjament tagħna ta’ tama għandu jkun il-parir ta’ San Pawl li ta lill-Korintin meta kien jitkellem fuq il-qawmien mill-imwiet: “Għalhekk mela, ħuti maħbubin, żommu sħiħ, titħarkux, imxu ʾl quddiem dejjem fix-xogħol tal-Mulej, u kunu afu li t-taħbit tagħkom mhux fieragħ fil-Mulej” (1 Kor 15, 58).