QARI I
Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu.
Ġer 7:23-28
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Dan jgħid il-Mulej: “Dan hu l-kmand li tajt lill-poplu tiegħi u għedtilhom: ‘Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom’.
Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; imxew skond il-fehmiet tagħhom, skond l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flok ’il quddiem. Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-lum, bgħattilhom il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li nibgħathomlkom. B’danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom.
U int tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejħilhom, iżda ma jweġbukx. Inti tgħidilhom: Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 94(95):1-2,6-7,8-9
R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej: la twebbsux qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġoel 2:12-13
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi.
Lq 11:14-23
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.
Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla. Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.