Qari tat-Tlieta tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin.
Ġak 4, 1-10

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Għeżież, mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad tiġġieldu u titqabdu! Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar. Nies adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta’ Alla?

Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla. Taħsbu li għalxejn l-Iskrittura tgħid: “L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b’imħabba għajjura”? Hu jagħti grazzja akbar minn hekk: għalhekk l-Iskrittura tgħid: “Alla jieqaf lill-kburi, u jagħti l-grazzja lill-umli”. Mela oqogħdu għar-rieda ta’ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Midinbin, naddfu idejkom; nies ta’ moħħ imħawwad, saffu qlubkom. Agħrfu l-miżerja tagħkom, ibku, u olfqu, ħallu d-daħk tagħkom jinbidel f’niket u l-ferħ tagħkom f’diqa. 10Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 54 (55), 7-8.9-10a.10b-11a.23

R/. (23a): Ħalli xortik f’idejn il-Mulej

Mhux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema,
biex intir u mmur nistrieħ!
Kont ’il bogħod immur niġġerra,
u fid-deżert insib fejn noqgħod.
Kont malajr insib fejn nistkenn
mir-riħ qawwi u r-riefnu. R/.

Eqridhom, Sidi, ħawdilhom kliemhom,
għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.
Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha. R/.

Ħalli xortik f’idejn il-Mulej,
u hu jgħinek u jwieżnek;
hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 6, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija,
u jien għad-dinja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin. Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun qaddej ta’ kulħadd.
Mk 9, 30-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli għaddew minn nofs il-Galilija, u hu ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh. Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: