QARI I
Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek.
Is 38, 1-6.21-22.7-8
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
F’dak iż-żmien Ħeżekija marad għall-mewt. U ġie għandu l-profeta Isaija bin Amos, u qallu: “Dan jgħid il-Mulej: “Aħseb għal darek għax se tmut u ma tgħixx”.
U Ħeżekija dawwar wiċċu lejn il-ħajt, u beda jitlob lill-Mulej u jgħid: “Ftakar, Mulej, nitolbok kif jien imxejt quddiemek b’fedeltà, u qalb sħiħa u għamilt it-tajjeb f’għajnejk”. U beka Ħeżekija biki kbir.
Imbagħad il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Iżaija u qallu: “Mur u għid lil Ħeżekija: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ David missierek: Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se ntawwal għomrok bi ħmistax-il sena oħra, u neħilsek minn id is-sultan tal-Assirja, lilek u ’l din il-belt, u nħares ’il din il-belt”.
U Iżaija qal: “Ħa jieħdu ċappa tin u jogħrku l-ġerħa biha u jfiq”. U Ħeżekija qal lil Iżaija: “Liema hu s-sinjal li se nitla’ f’dar il-Mulej?”. Iżaija wieġeb: “U dan ikun is-sinjal mill-Mulej, li l-Mulej jagħmel dan: Arani, jiena rraġġa’ lura d-dell għaxar tarġiet, li x-xemx diġà niżlet mat-taraġ ta’ Aħaż”. U x-xemx reġgħet lura għaxar tarġiet mit-taraġ li kienet telgħet.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm Is 38, 10.11.12abċd.16
R/. (ara 17b): Mulej, int salvajtli ‘l ħajti mill-ħofra tal-qerda
Jien għedt: “F’nofs ħajti jkolli nitlaq;
għall-bqija ta’ snini
jżommuni fi bwieb Art l-Imwiet”. R/.
Jien għedt: “Miniex se nara l-Mulej f’art il-ħajjin;
ma nara b’għajnejja lil ħadd iżjed
minn fost dawk li jgħammru fid-dinja. R/.
Tneħħietli l-għamara tiegħi u ġiet imwarrba minni,
bħal għarix ta’ ragħaj.
Int kebbibt ’il ħajti bħan-nissieġ,
min-newl int qtajtni. R/.
Mulej, qalbi tgħix għalik,
aħjili ’l ruħi,
fejjaqni u agħtini saħħti”. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Bin il-Bniedem huwa Sid is-Sibt.
Mt 12, 1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa lid-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh. Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: “Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt”. U hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss? Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta’ Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu? Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju. Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”, ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija. Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu