Qari tat-Tlieta tas-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna.
Ġer 14, 17-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan qal il-Mulej:
“Għajnejja jxerrdu d-dmugħ,
lejl u nhar bla heda,
għax ix-xebba, bint il-poplu tiegħi,
ħadet daqqa kbira u tfarrket,
ġerħa bla fejqan ġarrbet.
Jekk noħroġ fir-raba’,
hemm insib il-mejtin bix-xabla.
Jekk nidħol fil-belt,
insib il-mifnija bil-ġuħ,
għax imqar il-profeta u l-qassis
jiġġerrew mitlufin fil-pajjiż”.
Tlaqt int ’il Ġuda għalkollox?
Stmellejt int ’il Sijon?
Għaliex sawwattna bla ma hemm fejqan għalina?
Stennejna s-sliem u ma għandna ebda risq;
żmien il-fejqan, u arana mwerwra!
Aħna nafu, Mulej, bi dnubietna,
bil-ħażen ta’ missirijietna,
għax dnibna kontrik.
Minħabba f’ismek tiċħadniex,
tkasbarx it-tron tal-glorja tiegħek.
Ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna.
Hemm xi ħadd fost l-allat fiergħa tal-ġnus, li jista’ jibgħat ix-xita?
Jew jistgħu jagħtu weħidhom is-smewwiet gliegel ta’ ilma?
Mhux inti l-Mulej, Alla tagħna?
Fik it-tama tagħna, għax int għamilt dan kollu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 78 (79), 8.9.11 u 13

R/. (9bċ): F’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek Mulej, eħlisna

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar. R/.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna,
minħabba l-isem tiegħek. R/.

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;
fil-kobor ta’ qawwietek
salva ’l dawk li huma għall-mewt. R/.

U aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla tal-mergħa tiegħek,
niżżuk ħajr għal dejjem;
minn żmien għal żmien inxandru tifħirek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
dak li jiżra’ ż-żerriegħa huwa Kristu:
kull min isibu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.
Mt 13, 36-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kulma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: