Il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Sacrosanctum Concilium
Fost il-forom adegwati biex tista’ ssir tħejjija xierqa għas-Sena Mqaddsa u tiġi ċċelebrata b’fidi intensa, tama ħajja u mħabba ħawtiela, il-Papa Franġisku ssuġġerixxa l-erba’ Kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fosthom is-Sacrosanctum Concilium fuq il-Liturġija Mqaddsa.
Fiha l-isqfijiet konċiljari fakkru kif matul is-sena kollha, il-Knisja tfisser fil-Liturġija li tiċċelebra, l-misteru kollu ta’ Kristu, mill-inkarnazzjoni u t-twelid sat-tlugħ fis-sema, sa Għid il-Ħamsin, u sa ma sseħħ it-tama hienja u l-miġja tal-Mulej. (p 102)
Din hija t-tama aħħarija ta’ kull minn jemmen, it-tama hienja fil-miġja tal-Mulej.
Jekk nimmaġinaw li l-pellegrinaġġ tat-tama ser jintemm fl-2025, meta nkunu qed niċċelebraw flimkien dan il-ġublew, allura jkollna nistqarru li għadna ma fhimna xejn. Ma nistgħux nemmnu li l-għan tagħna bħala “Pellegrini tat-Tama”, ser nilħquh meta ngħaddu minn xi bieb li jinżamm dejjem imbarrat u jinfetaħ biss kull ħamsa u għoxrin sena.
Fil-Liturġija Mqaddsa, b’mod speċjali fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, il-Knisja tistedinna kuljum li ngħaddu lkoll mill-Bieb Imqaddes li huwa Kristu. “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.” (Ġw:10:9)
F’din il-kostituzzjoni, il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (it-tieni) jfakkarna (p 106) kif bi tradizzjoni li ġejja minn żmien l-appostli, il-Knisja tiċċelebra kull tmint ijiem il-misteru tal-Għid meta l-insara kollha jinġabru flimkien biex jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jieħdu sehem fl-ewkaristija. Hekk mhux biss jiftakru fil-passjoni, il-qawmien u l-glorja tal-Mulej Ġesù, imma wkoll jroddu ħajr ‘l Alla li wellidhom mill-ġdid għal tama ħajja, bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet (1 Pt 1,3).“
Jalla jkun hemm minn ikollu l-opportunità li fl-2025, imur Ruma u jgħaddi mill-Porta Santa. Imma rridu nżommu f’moħħna wkoll li jekk tassew irridu nkunu Pellegrini tat-Tama, kif qiegħed jistedinna l-Papa Franġisku, allura jeħtieġ niftakru li l-pellegrinaġġ tagħna, ilu li beda. Li l-pellegrinaġġ tagħna nagħmuh kuljum ma’ kull pass li mmiddu fi djarna, fil-mogħdijiet li nterrqu, fil-postijiet tax-xogħol, fl-isptarijiet fejn inżuru lill-morda tagħna, u f’kull mument u lok ieħor li fih inwettqu xi waħda mill-opri l-oħra tal-ħniena.
Biex inkunu tassew Pellegrini tat-Tama, jeħtieġ li l-mixja tagħna nwettquha flimkien, ma’ xulxin. Imma fuq kollox miegħu, ma’ Kristu. Huwa biss Hu li fit-triq iħeġġilna qalbna meta jfissrilna l-Iskrittura, Huwa biss lilu, li wara li nkunu ftaħnilu aħna stess l-bieb tagħna, imbagħad nagħrfuh fil-Qsim tal-Ħobż.
Forsi mhux dan hu dak li niċċelebraw kuljum fil-Liturġija Mqaddsa?
Forsi mhux dan hu l-għan aħħari tal-Ġublew?
Aktar fuq il-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama … https://laikos.org/g2025/