Sinodalità ‘mhix cliché’ imma esperjenza ta’ kuljum

It-tifsira vera tas-sinodalità, r-rikkezza tad-diversità, lir-rwol tal-imgħammdin fi ħdan il-Knisja, l-attività missjunarja, l-ekumeniżmu u d-djalogu interreliġjuż, lir-rwol tan-nisa fil-perspettiva tad-djakonat femminili, u l-evoluzzjoni diġitali; mingħajr ma ninsew liż-żgħażagħ tal-pajjiżi foqra tad-dinja li huma kompletament maqtugħin mill-użu tal-aktar teknoloġiji moderni: dawn kienu wħud mis-suġġetti li ġew indirizzati t-Tnejn filgħodu waqt il-ħidma tas-Sinodu li għaddej bħalissa fil-Vatikan, kif spjegat waqt il-briefing ta’ wara nofsinhar mal-ġurnalisti, li saret fl-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede.

“Ġew eżaminati wkoll l-ewwel rapporti tal-gruppi żgħar”, spjega Paolo Ruffini, l-Prefett tad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni u l-President tal-Kummissjoni għall-Informazzjoni. Dr. Ruffini nnota lis-sessjoni fetħet bir-ringrazzjament tal-membri lill-Papa għall-eżortazzjoni appostolika tiegħu ‘Laudate Deum’, iddedikata lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li ġiet ippubblikata l-Ħadd. Il-Prefett irrimarka wkoll li l-membri fakkru, “fl-anniversarju tal-elezzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II, u l-anniversarju ta’ xi ordinazzjonijiet saċerdoti, li jaħbtu llum”. Barra minn hekk, Dr. Ruffini qasam mal-ġurnalisti, aħbarijiet mill-laqgħa, li saret nhar il-Ġimgħa li għadda, tal-kumitat ordinarju tas-Sinodu, li evalwa “t-triq li ħa s’issa u l-kwalità u s-sbuħija tas-smigħ”.

Fost il-mistednin tal-laqgħa ta’ informazzjoni kien hemm Patri Vimal Tirimanna, teologu mis-Sri Lanka, li tkellem fuq l-idea li “s-sinodalità isseħħ meta tagħmilha”. Huwa qal li oriġinarjament ħaseb “Din hi biss cliché”. Iżda kompla, grazzi l-aktar għal “atmosfera kbira ta’ talb, ikkumplimentat ħafna… mill-metodu ta’ konversazzjoni spiritwali, naraw kif il-proċess sinodali, jew aħjar il-mod tal-għajxien sinodali, diġà qed jingħex”.

Patri Tirimanna enfasizza kif dan huwa rifless ukoll fl-arranġament tal-imwejjed, filwaqt li enfasizza l-esperjenza tal-Kardinali, isqfijiet, u lajċi – b’mod speċjali n-nisa – “nkunu” flimkien fi “Knisja konċentrika, u mhux piramidali… l-ekkleżjoġija tal-Lumen Gentium qed tingħex. Mod sinodali, hawn tgħix il-kultura tas-sinodalità. L-isfidi hi li teħodha barra s-sala tas-sinodu.” Huwa nnota wkoll li l-proċess sinodali “mhux aġenda privata tal-Papa Franġisku,” iżda hija “kontinwazzjoni tal-Konċilju Vatikan II”.

Suor Patricia Murray, IBVM, is-Segretarja Eżekuttiv tal-Unjoni Internazzjonali  tas-Superjuri Ġenerali (UISG), qalet li hija kuntenta li tara lis-sinodalità qed issir dejjem aktar realtà. Hija qalet lill-ġurnalisti, “Bħala membru ta’ kongregazzjoni reliġjuża, nħoss li ilna npoġġu s-sinodalità fil-prattika għal aktar minn għoxrin sena… partikolarment hekk kif konna qed nieħdu deċiżjonijiet u naslu għal konklużjonijiet dwar affarijiet li kienu jgħoddu f’ħajjitna. U li npoġġu lil Ġesù u l-Ispirtu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, u li nisimgħu l-vuċi ta’ kulħadd f’komunità reliġjuża sabiex nagħrfu fejn Alla qed isejjaħ lil kull wieħed f’dan iż-żmien, fejn Alla qiegħed isejjaħ lill-kongregazzjoni, kienet il-prattika ta’ ħafna kongregazzjonijiet.” Żiedet tgħid, “Mela għalija l-ferħ jiżdied, li nara dan it-tixrid fil-knisja universali, li dan huwa l-mod kif irridu ngħixu u nkunu flimkien, dak il-kliem ta’ parteċipazzjoni, komunjoni u missjoni”.

L-Isqof Zdenek Wasserbauer, l-Isqof Awżiljarju ta’ Praga, qal li kien imqanqal mill-eżortazzjoni appostolika fuq Santa Tereża ta’ Lisieux, li fid-dokument tara kumpass għas-Sinodu kollu. “Matul dan ix-xogħol”, qal lill-ġurnalisti, “nnutajt b’mod ċar ħafna li l-kelma ‘missjoni’ hija punt ewlieni għalina. U Santa Tereża ta’ Lisieux hija ko-patruna tal-missjonijiet”.

Huwa offra żewġ raġunijiet, b’mod partikolari, għaliex l-eżortazzjoni tista’ titqies bħala gwida jew xempju: “L-ewwel hija relatata mal-fatt li l-Qaddisa, meta daħlet fil-Karmelu, kellha x-xewqa li ssalva l-erwieħ. Indunajt li l-400 membru li hawn, kollha jiltaqgħu kuljum ifittxu l-ġid tal-oħrajn, is-salvazzjoni tagħhom. It-tieni raġuni jirreferi għal-lejl mudlam li Santa Tereża tal-Bambin Ġesù ħasset f’ruħha fl-1856. Xi wħud jgħidu li anke llum, il-Knisja tat-Tielet Millenju għaddejja mid-dlam: hawn, is-Sinodu huwa dawl li jdawwal id-dlam”.

Waqt li wieġbet għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk l-“uġigħ” tal-persuni LGBTQ+ kienx ġie diskuss jew le, Suor Murray qalet, “Naħseb, f’ħafna mill-imwejjed, jekk mhux f’kollha, il-kwistjoni tal-weġgħa, u l-ferita tan-nies, kemm individwali, kif ukoll flimkien ġiet ttrattata u mismugħa”. Żiedet tgħid li kien hemm diskussjonijiet dwar kif il-Knisja tista’ “tirrappreżenta dik il-weġgħa,” u indirizzat il-mistoqsija dwar kif il-Knisja tista’ turi li qed tfittex maħfra għal “weġgħat li kkawżat”. Waqt li dik id-diskussjoni għadha għaddejja, hija enfasizzat, “Hemm għarfien profond tal-uġigħ u t-tbatija li ġew ikkawżati”.   

Ġurnalist ieħor staqsa jekk il-kwistjoni tal-barka għall-koppji tal-istess sess ġietx indirizzata. Dr. Ruffini spjega li l-kwistjoni “mhix ċentrali”, u li kien hemm aktar diskors dwar il-formazzjoni, l-ministeri ordnati, l-għażla preferenzjali għall-foqra, u kolonjaliżmu. It-tagħlim Kattoliku, żied Dr. Ruffini, jinsab fil-qalba ta’ dak kollu li qed isir fis-Sinodu.

Waqt li kkonferma l-aħbar li l-Isqfijiet miċ-Ċina kienu preżenti għas-Sinodu, Dr Ruffini spjega li t-Tlieta 17 ta’ Ottubru, kellhom jitilqu minħabba “raġunijiet pastorali li sejħulhom lura fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-10/synod-synodality-that-is-not-a-cliche-but-a-daily-experience.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading