Papa: Jalla nkunu ġirien tal-vjaġġaturi ta’ żmienna

Il-Ħamis filgħaxija, l-Papa Franġisku mexxa velja ta’ talb biex titfakkar il-qagħda mwiegħra tal-migranti u r-refuġjati u s-sejħa biex insalvawhom, infejqu l-feriti tagħhom, u ngħinuhom jikkontribwixxu għas-soċjetà biex tinbena dinja aħjar immarkata mill-fraternità u l-paċi. Din il-velja kienet organizzata mid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem bil-parteċipazzjoni tar-refuġjati mill-Kamerun, mill-Ukrajna, u El Salvador. Il-velja saret quddiem l-iskultura kbira fi Pjazza San Pietru, msejħa l-monument “Angels Unawares”, skutura li turi grupp ta’ migranti u refuġjati minn sfondi kulturali u razzjali differenti u minn perjodi storiċi differenti fiż-żmien.

Il-Papa qasam xi riflessjonijiet waqt il-velja qasira ta’ talb, filwaqt li mmarka wkoll mument ta’ silenzju biex jiftakar f’dawk kollha li tilfu ħajjithom tul ir-rotot differenti tal-migrazzjoni. Waqt li fakkar it-tema tas-Samaritan it-Tajjeb, inqrat is-silta mill-Evanġelju skont San Luqa. L-Papa qal li l-parabbola turina kif nimxu minn dinja magħluqa għal waħda miftuħa, minn dinja fi gwerra għal waħda fil-paċi.

Il-perikli li kienu jiffaċċjaw il-vjaġġaturi fl-antik minn Ġerusalemm għal Ġeriko, huma bħar-rotot ta’ migrazzjoni mhux siguri li jiffaċċjaw in-nies ta’ llum, li jivvjaġġaw minn deżerti, foresti u ibħra ostili, oserva l-Papa. Tant huma misruqa, mqaxxra u msawta, u li ħafna drabi mqarrqa minn traffikanti bla skrupli, qal il-Papa, biex imbagħad “jinbiegħu bħal merkanzija”.

Il-perikli li qed jiffaċċjaw il-migranti u r-refuġjati llum huma qawwija kompla jgħid hekk kif qed jirriskjaw ħtif, sfruttament, tortura u stupru, b’ħafna ma jibqgħux ħajjin qabel ma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Sfortunatament, innota, anke f’dawn il-jiem naraw kif in-nies qed jaħarbu mill-gwerra u t-terroriżmu.

Waqt li fakkar fix-xhieda tas-Samaritan li ħa nota u tħassar lir-raġel li kien mixħud mal-ġenb tat-triq wara li safa msawwat mill-ħallelin, il-Papa qal li “ra lir-raġel midrub u kellu mogħdrija għalih”, qal “il-kompassjoni hija l-impronta ta’ Alla f’qalbna”. U minn dak il-mument, ir-raġel midrub beda jirkupra grazzi għall-“barrani” li għenu.

“Ir-riżultat ma kienx sempliċiment att ta’ tjubija u ta’ għajnuna; r-riżultat kien il-fraternità”.

“Bħas-Samaritan it-Tajjeb, aħna msejħin biex inkunu ġirien tal-vjaġġaturi kollha ta’ żmienna, biex insalvaw ħajjithom, biex infejqu l-ġrieħi tagħhom u biex intaffu l-uġigħ tagħhom. Għal ħafna, traġikament, huwa tard wisq, u nibqgħu biss biex nibku fuq l-oqbra tagħhom, jekk ikollhom qabar. Iżda l-Mulej jaf wiċċ kull wieħed minnhom, u ma jinsihx”.

Il-Papa qal li l-azzjonijiet tas-Samaritan it-Tajjeb marru lil hinn minn sempliċi karità u kienu jikkonsistu f’erba’ verbi li mmarkaw is-servizz tiegħu: laqa’, pproteġa, ppromwova u jintegra. L-kura mmedjata tiegħu għar-raġel ġiet estiża f’responsabbiltà fit-tul, hekk li dar lura biex jiżgura li jkun irkuprat għal kollox filwaqt li għamilha possibbli għalih. Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li l-opportunità fit-tul ta’ din is-solidarjetà twassal għal “tkabbir ta’ soċjetajiet aktar inklusivi, aktar sbieħ u aktar paċifiċi”.

Azzjoni oħra li lkoll nistgħu nieħdu hija li “naħdmu biex it-triq tkun aktar sigura, biex il-vjaġġaturi tal-lum ma jisfawx vittmi tal-ħallelin,” żied jgħid il-Papa, filwaqt li qal li hemm bżonn aktar sforzi biex jiġu miġġielda n-netwerks kriminali “li jisfruttaw it-tamiet u l-ħolm tal-migranti”. L-ħolqien ta’ rotot aktar siguri jirrikjedi sforzi biex “jespandu l-kanali ta’ migrazzjoni regolari,” huwa qal, filwaqt li fl-istess ħin jinġiebu “politiki demografiċi u ekonomiċi fi djalogu mal-politiki tal-migrazzjoni.”

Iżda huwa essenzjali li wieħed joqgħod attent għal dawk l-aktar vulnerabbli, enfasizza, filwaqt li jaħdem biex jinstabu approwċ komuni u responsabbli għall-maniġġjar tal-influss ta’ migranti li x’aktar se jiżdiedu fis-snin li ġejjin.

“Ejja nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nersqu qrib il-migranti u r-refuġjati kollha li jħabbtu biebna, għax illum ‘la min hu ħalliel u lanqas dak li jgħaddi, ma jweġġa lilu nnifsu u lanqas jerfa’ l-persuna feruta fuq spallejh’”.    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-10/pope-may-we-be-neighbours-to-the-wayfarers-of-our-time.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading