Kitba minn P. Juan de Bono ocd
“Nintelaq f’idejk bħal priża”. B’dawn il-kliem Santa Eliżabetta tat-Trinita’ tagħlaq it-Talba Trinitarja tagħha. B’dawn il-kliem temm ukoll il-ħajja tiegħu fuq din l-art ħuna P. Wistin tat-Trinita’. Kienet l-ghodwa tat-22 ta’ Ottubru 2023, il-jum li l-Knisja tiddedika lil-missjonijiet, aspett mil-ħajja ekkleżjali li tant kien għal qalb ħuna P. Wistin.
L-ewwel wild minn tmienja għal Anthony Vella u Victoria neé Fenech, Victor kien jidher sa minn eta’ ċkejkna li kien se jkun ruħ mogħtija sew għal ħajja miġbura, imma fl-istess ħin ta’ servizz lejn l-oħrajn. Victor twieled nhar id-9 ta’ Jannar tal-1949 ġewwa l-Mellieħa.
Il-ġenituri twajbu ta’ Victor ħatfu l-opportunita’ li l-Provinċja Tereżjana kienet qiegħdha toffri lit-tfal Maltin, ta’ edukazjoni sija akkademika u sija spiritwali fi ħdan l-iskola Appostolika li l-patrijiet kienu fetħu ġewwa B’Kara, u fejn in-neputi tagħhom Alfred (iben Mary) kien ġa jattendi.
Kien proprju fuq il-bankijiet ta’ din l-iskola li t-tfajjel Victor beda jintebaħ dejjem aktar li l-Karmelu Tereżjan kien eżattament dak li huwa kien tant jaspira għalih bħala bniedem. Il-ħajja tad-dinja xejn ma kienet tattirah u tagħmel bih. Il-ħajja tal-pjaċiri tad-dinja anqas u anqas. Iva xi għawma ċ-Ċirkewwa ma kienx jitlifha, xi għadsa għal qarnit lanqas, imma mhux sejjer tarah jittraskura l-meditazjoni u l-ħajja miġbura biex iqatta xi ħin iħuf f’qiegħ il-baħar ifittex xi povra qarnita, li malli tarah kienet tipprova taħarbu, tinħeba minnu jew titfagħlu l-linka. Il-patrijiet kienu jiehdu pjaċir li l-istudent Wistin kien imur xi ġurnata mistrieħ fil-kamra li l-familja ghandha ġewwa ċ-Ċirkewwa, għax din kienet garanzija li l-għada qarnit kienu se jieklu l-kunvent.
Victor beda s-sena tan-Novizjat nhar it-12 ta’ Settembru 1965, meta kien għad kellu biss sittax-il-sena. Sena wara, preċiżament nhar it-13 ta’ Settembru 1966 P. Wistin għamel il-Professjoni Reliġjuża tiegħu f’din l-istess Knisja ta’ Bormla. Fil-pront huwa ntbagħat fil-kunvent tagħna ġewwa Oxford fejn flimkien ma reliġjużi oħra Maltin, Ingliżi u Irlandiżi huwa segwa l-kors bijennali tal-Filosofija. Fl-1968 huwa ssejjaħ lura Malta, u segwa l-Kors tat-Tejoloġija u tal-Patorali ġewwa l-INSERM. Minħabba li kien għadu ċkejken fl-eta’ biex jagħmel il-Professjoni Solenni, fl-1972 huwa ntbagħat Ruma, fejn segwa l-korsijiet mogħtija mil-Fakulta’ tat-Teresianum dwar l-Ispiritwalita’ Tereżjana flimkien ma’ studenti reliġjużi ohra mid-dinja kollha. Huwa għamel il-Professjoni Solenni nhar l-10 ta’ Ġunju 1973. Sentejn wara, sewwa sew nhar il-15 ta’ Marzu tal-1975, P. Wistin kellu jkun l-ewwel saċerdot li jiġi ordnat Presbiteru minn idejn il-Vigarju Episkopali l-ġdid tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-mibki Mons Ġużeppi Mercieca.
L-ewwel Uffiċju tiegħu ġewwa l-kunvent kien dak ta’ Surmast tal-Postulanti. Fost dak il-group ta’ Postulanti li huwa kien Surmast tagħhom insibu lil mibki P. Manwel ta’ Omm Alla, li qeda fost l-oħrajn fl-Uffiċju ta’ Provinċjal għal tmien snin in fila, il-Provinċjal attwali P. José tal-Immakulata, il-Kappillan ta’ Ta’ Xbiex u l-Vigarju Provinċjali attwali P. Salvinu ta’ Santa Katerina u P. Martin ta’ San Gejtanu, li għal aktar minn darba kien Pirjol ta’ Bormla.
Fl-1980 huwa kien intbagħat konventwali ġewwa l-komunita’ ta’ Ta’ Xbiex. Imma mal-Kapitlu tal-1984 huwa ġie msejjaħ mil-ġdid B’Kara biex jaqdi -Uffiċju ta’ Surmast tal-istudent Fra David ta’ Santa Tereża, li attwalment huwa l-Pirjol tal-komunita’ ta’ B’Kara u Kunsillier Provinċjali. Ma damx wisq jaqdi dan l-Uffiċju, meta ċirkostanza li ma kienetx maħsuba waslet biex P. Wistin jintalab jmur Bormla u jaqdi issa fl-Uffiċju ta’ Pirjol, uffiċju li dam jokkupa sal-Kapitlu Provinċjali tal-1987.
Fl-1987 huwa ngħaqad maż-żewġ aħwa mil-Provinċja tagħna ġewwa t-Taiwan, kuġinuh P. Alfred ta’ San Ġużepp u P. Nerik ta’ Santa Tereża, li kienu ilhom hemm għal madwar tliet snin, meta bħala Provinċja aħna ġejna mitluba biex ngħinu fit-twaqqif tal-Karmelu maskili ġewwa t-Taiwan. Din ir-rejalta’ issa hija waħda ħajja bi preżenza li nfirxet mit-Taiwan għal Singapore, il-Malasja u t-Tajlandja. Fl-ewwel tliet snin tieghu ġewwa t-Taiwan (1987-1990), P. Wistin kien konventwali ġewwa Hsin Chu. Bejn l-1990 u l-1995 huwa kien Superjur tal-komunita’ ġewwa Taipei u Surmast tal-istudenti. L-aħħar sena li dam it-Taiwan, huwa kien Superjur ġewwa Hsin Chu.
Hekk kif irritorna Malta, huwa kien mibgħut ġewwa Tas-Silġ fejn serva bħala Superjur bejn l-1996 u l-1999. Fi tmiem dak it-trijennju, huwa ngħata l-konventwalita’ ġewwa l-komunita’ ta’ B’Kara sa ma fl-2010 ġie assenjat l-Uffiċju ta’ Kappillan ġewwa l-Parroċċa mmexxija minna, ta’ Ta’ Xbiex, uffiċju li qeda għal erbgħa snin sal-2014. Hekk kif temm dan l-Uffiċju, P. Wistin irritorna ġewwa B’Kara, fejn ġie maħtur Pirjol sal-2017. Kien matul dawk it-tliet snin tiegħu bħala Pirjol li pratikament ingħatat id-drive li jinbidlu s-siġġijiet kollha tas-Santwarju. Huwa baqa’ konventwali ġewwa B’Kara sa ma ġie msejjaħ Bormla biex iwettaq l-Uffiċju ta’ Surmast tan-Novizzi fl-2021, wara l-mewt tista’ tgħid għal għarrieda tal-mibki P. Piju tal-Bambin Ġesu’.
Apparti l-imħabba lejn il-missjonijiet, li kienet b’saħħitha ħafna f’ħuna P. Wistin, anki meta ġie lura mit-Taiwan (fil-fatt almenu darbtejn kien mar il-Canada biex jirriplaċja wieħed mill-aħwa), P. Wistin kien mogħti ħafna għall-istudji. Huwa ppublika flimkien ma’ P. Anselmu tal-Arkanġli ktejjeb b’dak kollu li hu essenzjali dwar il-ħajja u t-tagħlim ta’ Santa Eliżabetta tat-Trinita’. Huwa reġa dar it-traduzjoni tal-Fjamma Ħajja ta’ Mħabba ta’ San Ġwann tas-Salib li kienet ġiet maqluba għal Malti snin qabel mis-Sur Charles Mallia.
Imma forsi l-akbar biċċa opra tiegħu kienet il-koordinament għal madwar għaxar snin tal-Enċikodija Tereżjana, li kienet tiġi ppublikata bit-titlu Tereża. Għal ħafna snin kien responsabbli tal-Fuljett u tal-Kalendarju tas-Santwarju. Bħala Promotur tal-Vokazjonijiet huwa fost l-oħrajn ħa ħsieb il-pubblikazjoni tal-fuljett Carmel, ħidma li tant kienet għal qalbu. Diversi huma l-artikli li kiteb. L-aħħar ħidma tiegħu kienet x’aktarx il-memorji ta’ tfulitu ta’ raħal twelidu: il-Mellieħa. Diversi drabi kien mar ġewwa l-Eremo li l-Ordni kellna ġewwa Campiglioni, fejn għix għal diversi xhur bħala eremita. Fil-komunita’ kont issibu dejjem minn tal-ewwel għall-atti komuni, u anki viġilanti li kollox isir b’mod ret fil-komunita’ u dejjem a vantaġ tal-kunvent.
L-imħabba tiegħu lejn l-Ordni u lejn il-Qaddisin tagħha kienu jispikkaw. Mhux ta’ b’xejn għalhekk li nhar il-15 ta’ Ottubru li għadda, malli sema’ li l-quddiesa tal-Festa kienet għadha se ssir, huwa nesa l-fraġilita’ fiżika tiegħu u bi sforz ta’ atleta olimpiku niżel jikkonċelebra f’dik il-Quddiesa Solenni tal-Festa, li kellha tkun l-aħħar waħda tiegħu fuq din l-art.
Dik kellha tkun l-aħħar għajta ta’ ruħ tfur bl-imħabba lejn Alla, li ukoll jekk issa f’ġisem fraġli baqgħet tħabbat ta’ Tereżjan li dejjem kien u li matul ħajtu dwiet kull fejn is-Superjuri talbuh li jkun.
Flimkien ma’ Tereża tal-Bambin Ġesu’ seta’ issa jghajjat: «Il-vokazjoni tiegħi hi l-imħabba», u flimkien ma’ Eliżabetta tat-Trinita’ li tant kien iħobb, inħoss li llum jixtieq jgħidi li kull wieħed u waħda minna hawn miġbura: “Kieku taf b’liema ferħ jiena nistaporti l-akbar tbatijiet tiegħi biex nakkwistalek dejjem aktar fedelta’ u aktar imħabba… Int l-għażiza tifla ta’ ruħi u jiena rrid ngħinek, inkun l-Anġlu nvisibli tiegħek, imma dejjem prezenti, ħalli ngħinek. Iva, ċkejkna oħt, nemmen li hi l-imħabba li ma tippermettilniex li nieqfu fit-tul hawn isfel, u intant San Ġwann tas-Salib igħid formalment; għandu kapitlu ammirabbli fejn jiddeskrivi l-mewt tal-erwieħ vittmi ta’ l-imħabba, l-aħħar attakki li jagħtihom, imbagħad ix-xmajjar kollha tar-ruħ jmorru jintilfu fl-Oċejan tal-imħabba divina u ġa jixbhu l-baħar tant huma kbar. Ċkejkna oħt, San Pawl igħid li «Alla tagħna hu Nar qerriedi» (ara Lhud 12, 29). Jekk nżommu lilna nfusna dejjem magħquda miegħU b’ħarsa ta’ fidi sempliċi u mimlija mħabba, iva, bħall Imgħallem adurat tagħna, aħna nistgħu ngħidu fi tmiem kull jum: «Għax inħobb lil Missieri, jiena nagħmel dejjem dak li jogħġob lilU» (ara Ġw 8, 29), Huwa jkun jaf jikkunsmana sew, u bħal żewġ xrariet ċkejkna aħna mmorru nintilfu fil-Ħuġġieġa mmensa biex jaħraqna bil-mod il-mod matul l-eternita’” (Ittra 293). Hekk nistgħu ngħidu li seħħ għal ħuna P. Wistin nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru. Iva
“f’daqqa qamu diversi mewġ profond
U l-biċċa tal-baħar fraġli intilfet taħt il-mewġ !
Kienet it-Trinita’ li fetħitli Sidirha
U jiena sibt iċ-ċentru tiegħi fl-Abbis divin !
Mhux se tarani aktar fuq ix-xatt,
Ruħi tistrieħ f’din l-immensita’
U tgħix flimkien mat-Tlieta tagħha bħal fl-eternita’” (Poeżija 115)
Ma’ Eliżabetta ukoll inħoss li P. Wistin qiegħed igħidilna llum: “kieku taf kemm jiena ferħana meta naħseb li l-Imgħallem tiegħi se jiġi jfittixni! Kemm hi idejali l-mewt għal dawk li Alla jħares, u «li ma jfittxux il-ħwejjeġ li jidhru għax huma jgħaddu, imma l-invisibli għax huma eterni» (ara 2 Kor 4, 18) (San Pawl).
Fis-Sema, sejra nkun l-Anġlu tiegħek aktar minn qatt qabel: naf ukoll kemm iċ-ċkejkna oħti għandha bżonn li tkun imħarsa fil-qalb ta’ din Pariġi fejn qiegħdha tqatta’ ħajjitha” (Ittra 331).
Ma għandix dubju li issa jinsab f’dirgħajn il-Missier, flimkien mal-Iben u mdawwar mill-Ispirtu s-Santu f’kumpanija ta’ Tereża ta’ Ġesu’ u Ġwanni tas-Salib. Nitolbu lil Alla l-Missier li bl-interċessjoni ta’ ħuna P. Wistrin, il-Mulej ibierek il-Karmelu Tereżjan f’pajjiżna b’vokazjonijet ġodda u Qaddisa.
